Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
It-tmien leġislatura - Jannar 2015
PDF 2119k
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ

ANNESS V  : Proċedura għall-eżami u l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-kwittanza

Artikolu 1  : Dokumenti

1.    Għandhom jiġu stampati u mqassma d-dokumenti li ġejjin:

(a)    il-kont tad-dħul u l-infiq, l-analiżi finanzjarja u l-karta tal-bilanċ mibgħuta mill-Kummissjoni;

(b)    ir-Rapport Annwali u r-rapporti speċjali tal-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet ta' l-istituzzjonijiet;

(c)    dikjarazzjoni li tiċċertifika li l-kontijiet huma ta' min joqgħod fuqhom u li t-tranżazzjonijiet relatati magħhom huma legali u skond ir-regoli, liema dikjarazzjoni għandha tiġi ppreżentata mill-Qorti ta' l-Awdituri skond l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(d)    ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

2.    Dawn id-dokumenti għandhom ikunu rreferuti lill-kumitat responsabbli. Kull kumitat ikkonċernat jista' jagħti l-opinjoni tiegħu.

3.    Il-President għandu jiffissa d-data ta' skadenza sa meta l-kumitati li jixtiequ jagħtu l-opinjoni tagħhom għandhom jgħaddu l-imsemmija opinjoni lill-kumitat kompetenti.

Artikolu 2  : Eżami tar-rapport

1.    Il-Parlament għandu jeżamina rapport mill-kumitat kompetenti dwar il-kwittanza sat-30 ta' April tas-sena ta' wara s-sena li fiha jkun approvat ir-Rapport Annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri, kif previst mir-Regolament Finanzjarju.

2.    Ir-Regoli tal-Parlament li għandhom x'jaqsmu ma' l-emendi u l-votazzjoni għandhom japplikaw, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor f'dan l-Anness.

Artikolu 3  : Kontenut tar-rapport

1.    Ir-rapport tal-kwittanza mħejji mill-kumitat responsabbli għandu jinkludi:

(a)    proposta għal deċiżjoni għall-għoti tal-kwittanza jew għall-posponiment tad-deċiżjoni dwar il-kwittanza (votazzjoni fis-sessjoni parzjali ta' April), jew proposta għal deċiżjoni għall-għoti jew għaċ-ċaħda tal-kwittanza (votazzjoni fis-sessjoni parzjali ta' Ottubru);

(b)    proposta għal deċiżjoni li tagħlaq il-kontijiet tad-dħul, ta' l-infiq, ta' l-attiv u tal-passiv kollu tal-Unjoni;

(c)    mozzjoni għal riżoluzzjoni li tinkludi l-kummenti dwar il-proposta għal deċiżjoni msemmija fil-punt (a) li tinkludi l-evalwazzjoni ta' l-amministrazzjoni baġitarja tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sena finazjarja, kif ukoll osservazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta' l-infiq għall-futur;

(d)    mehmuża bħala anness, lista ta' dokumenti mibgħuta mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dokumenti mitluba lill-Kummissjoni iżda li hija ma bagħtithomx;

(e)    l-opinjonijiet tal-kumitati kkonċernati.

2.    Jekk il-kumitat kompetenti jipproponi li d-deċiżjoni dwar il-kwittanza tiġi posposta, il-mozzjoni għal riżoluzzjoni li għandha x'taqsam magħha għandha tindika wkoll:

(a)    ir-raġunijiet tal-posponiment;

(b)    il-miżuri addizzjonali li l-Kummissjoni hija mistennija li tieħu u d-dati ta' skadenza tagħhom;

(c)    id-dokumenti meħtieġa sabiex il-Parlament ikun jista' jieħu deċiżjoni bbażata fuq informazzjoni tajba.

Artikolu 4  : Analiżi u votazzjoni fil-Parlament

1.    Kull rapport mill-kumitat kompetenti dwar il-kwittanza għandu jiddaħħal fl-aġenda ta' l-ewwel sessjoni parzjali li tiġi wara d-data li fiha jkun tqiegħed fuq il-Mejda.

2.    Għandhom ikunu ammissibbli biss l-emendi għall-mozzjoni għal riżoluzzjoni mqiegħda fuq il-Mejda skond l-Artikolu 3(1)(c).

3.    Il-votazzjoni fuq il-proposti għal deċiżjonijiet u fuq il-mozzjoni għal riżoluzzjoni għandha ssir skond l-ordni indikat fl-Artikolu 3, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fl-Artikolu 5.

4.    Il-Parlament għandu jiddeċiedi b'maġġoranza tal-voti mitfugħa, skont l-Artikolu 231 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5  : Varjanti proċedurali

1.    Votazzjoni fis-sessjoni parzjali ta' April

Fl-ewwel fażi, ir-rapport dwar il-kwittanza għandu jipproponi li tingħata jew li tiġi posposta l-kwittanza.

(a) Jekk proposta għall-għoti tal-kwittanza tikseb il-maġġoranza tal-voti, il-kwittanza tingħata. Fl-istess ħin dan ikun jikkostitwixxi l-għeluq tal-kontijiet.

Jekk proposta għall-għoti tal-kwittanza ma tiksibx il-maġġoranza tal-voti, il-kwittanza għandha titqies bħala posposta u l-kumitat kompetenti jkollu jqiegħed fuq il-Mejda rapport ġdid fi żmien sitt xhur li jkun jinkludi proposta ġdida għall-għoti jew għaċ-ċħid tal-kwittanza.

(b) Jekk tiġi adottata proposta għall-posponiment tal-kwittanza, il-kumitat kompetenti jkollu jqiegħed fuq il-Mejda rapport ġdid fi żmien sitt xhur, li jkun jinkludi proposta ġdida għall-għoti jew għaċ-ċħid tal-kwittanza. F'dan il-każ, l-għeluq tal-kontijiet jiġi pospost ukoll u jkollu jerġa' jitqiegħed fuq il-Mejda mar-rapport il-ġdid.

Jekk proposta għall-posponiment tal-kwittanza ma tiksibx il-maġġoranza, il-kwittanza titqies bħala mogħtija. F'dan il-każ, id-deċiżjoni tkun tikkostitwixxi wkoll l-għeluq tal-kontijiet. Il-mozzjoni għal riżoluzzjoni xorta tista' titqiegħed għall-vot.

2.    Votazzjoni fis-sessjoni parzjali ta' Ottubru

Fit-tieni fażi, ir-rapport għall-kwittanza għandu jipproponi li tingħata jew li tiġi miċħuda l-kwittanza.

(a) Jekk proposta għall-għoti tal-kwittanza tikseb il-maġġoranza tal-voti, il-kwittanza tingħata. Fl-istess ħin dan ikun jikkostitwixxi l-għeluq tal-kontijiet.

Jekk proposta għall-għoti tal-kwittanza ma tiksibx il-maġġoranza tal-voti, il-kwitanza titqies li ġiet miċħuda. Għandha tiġi ppreżentata proposta formali għall-għeluq tal-kontijiet għas-sena finanzjarja kkonċernata fis-sessjoni parzjali ta' wara, li fiha l-Kummissjoni tiġi mistiedna tagħmel dikjarazzjoni.

(b) Jekk proposta sabiex tiġi miċħuda l-kwittanza tikseb il-maġġoranza tal-voti, għandha tiġi ppreżentata proposta formali għall-għeluq tal-kontijiet għas-sena finanzjarja kkonċernata fis-sessjoni parzjali ta' wara, li fiha l-Kummissjoni tiġi mistiedna tagħmel dikjarazzjoni.

Jekk proposta sabiex tiġi miċħuda l-kwittanza ma tiksibx il-maġġoranza tal-voti, il-kwittanza titqies bħala mogħtija. F'dan il-każ id-deċiżjoni tkun tikkostitwixxi wkoll l-għeluq tal-kontijiet. Il-mozzjoni għal riżoluzzjoni xorta tista' titqiegħed għall-vot.

3.    Jekk il-mozzjoni għal riżoluzzjoni jew il-proposta għall-għeluq tal-kontijiet ikunu jinkludu dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-vot tal-Parlament dwar il-kwittanza, il-President, wara li jkun ikkonsulta lill-president tal-kumitat responsabbli, jista' jipposponi l-votazzjoni u jistabbilixxi data ta' skadenza ġdida għat-tqegħid ta' emendi fuq il-Mejda.

Artikolu 6  : Implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-kwittanza

1.    Il-President għandu jgħaddi kull deċiżjoni jew riżoluzzjoni tal-Parlament, adottati skond l-Artikolu 3, lill-Kummissjoni u lil kull waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra. Huwa għandu jieħu ħsieb li jiġu ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal- Unjoni Ewropea fis-serje riżervata għall-atti ta' xorta leġislattiva.

2.    Il-kumitat kompetenti għandu jagħmel rapport lill-Parlament mhux inqas minn darba fis-sena dwar il-miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet dwar il-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta' kwittanza u l-kummenti l-oħra li jinsabu fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament u li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta' l-infiq.

3.    Il-President, f'isem il-Parlament, fuq il-bażi ta' rapport mill-kumitat kompetenti għall-kontroll tal-baġit, jista' jiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra l-istituzzjoni kkonċernata skont l-Artikolu 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għal nuqqas ta' osservanza ta' l-obbliġi li jirriżultaw mill-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza jew ir-riżoluzzjonijiet l-oħra li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta' l-infiq.

Avviż legali - Politika tal-privatezza