ANNESS
I
: KODIĊI TA' KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-PARLAMENT FIR-RIGWARD TAL-INTERESSI FINANZJARJI U L-KUNFLITTI TA' INTERESSI
Artikolu
1
: Prinċipji ta’ gwida
Fil-qadi ta’ dmirijiethom, il-Membri tal-Parlament Ewropew:
(a)
jispiraw ruħhom u jaġixxu skont il-prinċipji ta' kondotta ġenerali li ġejjin: id-diżinteress, l-integrità, it-trasparenza, id-diliġenza, l-onestà, ir-responsabbiltà u r-rispett għar-reputazzjoni tal-Parlament,
(b)
jaġixxu biss fl-interess pubbliku u la jiksbu u lanqas jippruvaw jiksbu benefiċċju finanzjarju dirett jew indirett jew xi ħlas ieħor.
Artikolu
2
: Dmirijiet ewlenin tal-Membri
Fil-qadi ta’ dmirijiethom, il-Membri tal-Parlament Ewropew:
(a)
ma għandhom jidħlu fl-ebda ftehim li jwassalhom għal att jew vot fl-interess ta' terza persuna, li jista' jipperikola l-libertà tal-vot tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'votazzjoni diretta universali u l-Artikolu 2 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew,
(b)
ma għandhom ifittxu, jaċċettaw jew jirċievu l-ebda benefiċċju dirett jew indirett, jew kwalunkwe premju ieħor, fi flus kontanti jew in natura, bi skambju għal imġiba speċifika fl-ambitu tax-xogħol parlamentari tal-Membru, u għandhom jieħdu miżuri stretti sabiex jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista' timplika tixħim, korruzzjoni, jew influwenza indebita,
(c)
ma għandhomx jidħlu f'attività professjonali ta' lobbying marbuta direttament mal-proċess deċiżjonali tal-Unjoni.
Artikolu
3
: Kunflitti ta’ interess
1.
Kunflitt ta' interess jeżisti meta Membru jkollu interess personali li jista' jinfluwenza b'mod mhux xieraq il-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew. M'hemmx kunflitt ta' interess meta Membru jibbenefika biss bħala membru tal-pubbliku ġenerali jew ta' kategorija wiesgħa ta' persuni.
2.
Kwalunkwe Membru li jsib li għandu kunflitt ta' interess għandu jieħu minnufih il-miżuri meħtieġa biex isib rimedju, skont il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta.. Jekk il-Membru ma jkunx jista' jsolvi l-kunflitt ta' interess, huwa għandu jirrappurtah bil-miktub lill-President. Fil-każ ta' ambigwità, il-Membru jista' jitlob il-parir tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri tal-Parlament, stabbilit bl-Artikolu 7.
3.
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-Membri għandhom jiżvelaw, qabel ma jitkellmu jew jivvutaw fil-plenarja jew fil-korpi tal-Parlament, jew jekk ikunu proposti bħala rapporteur, kull kunflitt ta' interess attwali jew potenzjali rigward il-kwestjoni li tkun qed tiġi eżaminata, meta dan ma jkunx evidenti mit-tagħrif iddikjarat skont l-Artikolu 4. Din id-dikjarazzjoni għandha ssir bil-fomm jew bil-miktub lill-president matul id-dibattiti parlamentari inkwistjoni.
Artikolu
4
: Dikjarazzjoni tal-Membri
1.
Għal raġunijiet ta' trasparenza, il-Membri għandhom ikunu personalment responsabbli għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji lill-President qabel it-tmiem tal-ewwel perjodu ta' sessjoni wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew (jew, fil-kors tal-leġiżlatura, fi żmien 30 jum wara li jkunu ħadu l-kariga fil-Parlament), permezz tal-formola adottata mill-Bureau skont l-Artikolu 9. Huma għandhom jgħarrfu lill-President b'kull bidla li taffettwa d-dikjarazzjoni tagħhom sa tmiem ix-xahar ta' wara dak li fih tkun seħħet kull bidla.
2.
Id-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji għandha tinkludi t-tagħrif li ġej, li għandu jiġi pprovdut b'mod preċiż:
(a)
l-attivita’ jew l-attivitajiet professjonali tal-Membru matul it-tliet snin qabel il-ħatra tiegħu fil-Parlament, u l-parteċipazzjoni tiegħu matul dak il-perjodu f'kumitati jew bordijiet ta' kumpaniji, organizzazzjonijiet mhux governattivi, assoċjazzjonijiet jew kwalunkwe organu ieħor stabbilit fil-liġi;
(b)
kwalunkwe salarju li l-Membru jirċievi għat-twettiq ta' mandat f'parlament ieħor,
(c)
kwalunkwe attività b’remunerazzjoni regolari mwettqa mill-Membru fl-istess żmien li jkun qed jeżerċita l-kariga tiegħu, kemm bħala impjegat u kemm jekk jaħdem għal rasu;
(d)
il-parteċipazzjoni f'kumitati jew bordijiet ta' kumpaniji, organizzazzjonijiet mhux governattivi, assoċjazzjonijiet jew kwalunkwe korpieħor stabbilit fil-liġi, jew kwalunkwe attività oħra esterna li tinvolvi l-Membru, kemm jekk remunerat u kemm jekk le;
(e)
kwalunkwe attività esterna okkażjonali b’ remunerazzjoni (inklużi l-attivitajiet ta' kitba, konferenzi jew konsulenza), jekk ir-remunerazzjoni totali tal-attivitajiet esterni okkażjonali kollha tal-Membru taqbeż il-EUR 5 000 f'sena kalendarja;
(f)
ishma jew sħubija f'kumpanija, fejn hemm il-possibbiltà ta' riperkussjonijiet fuq il-politika pubblika, jew meta din il-parteċipazzjoni tagħti lill-Membru influwenza sinifikanti fl-affarijiet tal-organizzazzjoni inkwestjoni;
(g)
kull għajnuna, sew finanzjarja u sew fil-forma ta’ riżorsi umani jew materjali, minbarra l-għajnuna pprovduta mill-Parlament, mogħtija lill-Membru minħabba l-attivitajiet politiċi tiegħu minn terzi persuni, li għandhom ikunu identifikati;
(h)
kwalunkwe interess finanzjarju ieħor li jista' jinflwenza l-qadi tad-dmirijiet tal-Membru.
Għal kwalunkwe punt li jrid jiġi ddikjarat skont l-ewwel subparagrafu, il-Membri għandhom, fejn ikun xieraq, jindikaw jekk hux remunerat jew le; għall-punti (a), (c), (d), (e) u (f), il-Membri għandhom jindikaw ukoll waħda mill-kategoriji ta' dħul li ġejjin:
–
mhux remunerat;
–
minn EUR 1 sa EUR 499 fix-xahar;
–
minn EUR 500 sa EUR 1 000 fix-xahar;
–
minn EUR 1 001 sa EUR 5 000 fix-xahar;
–
minn EUR 5 001 sa EUR 10 000 fix-xahar;
–
'il fuq minn EUR 10 000 fix-xahar, b'indikazzjoni tal-eqreb ammont ta' EUR 10 000.
Kwalunkwe dħul riċevut mill-Membru għal kull punt irrapportat skont l-ewwel subparagrafu iżda mhux fuq bażi regolari, għandu jiġi kkalkulat fuq bażi annwali, maqsum bi tnax u mqiegħed f'xi waħda mill-kategoriji stabbiliti fit-tieni subparagrafu.
3.
It-tagħrif ipprovdut lill-President skont dan l-Artikolu għandu jkun ippubblikat fis-sit tal-Parlament f'forma faċilment aċċessibbli.
4.
Membru ma jistax jiġi elett għal kariga fil-Parlament jew fil-korpi tiegħu, maħtur bħala rapporteur, jew jipparteċipa f'delegazzjonijiet uffiċjali jew f'negozjati interistituzzjonali, jekk ma jkunx għamel id-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tiegħu.
5.
Jekk il-President jirċievi informazzjoni, li twasslu biex jemmen li d-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji ta' Membru hija sostanzjalment inkorretta jew skaduta, huwa jista' jikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv previst fl-Artikolu 7. Fejn xieraq, il-President għandu jitlob lill-Membru biex jikkoreġi d-dikjarazzjoni fi żmien għaxart ijiem. Il-Bureau jista' jadotta deċiżjoni li tapplika l-paragrafu 4 għal Membri li ma jikkonformawx mat-talba ta' korrezzjoni tal-President.
6.
Ir-rapporteurs jistgħu volontarjament jelenkaw fin-nota spjegattiva għar-rapport tagħhom l-interessi esterni li ġew ikkonsultati dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw is-suġġett tar-rapport
(1).
Artikolu
5
: Rigali jew benefiċċji simili
1.
Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom joqogħdu lura milli jaċċettaw, fil-qadi ta' dmirijiethom, kwalunkwe rigal jew benefiċċju simili, għajr dawk b'valur approssimattiv ta' anqas minn EUR 150 mogħtija skont l-użanzi ta' kortesija jew dawk mogħtija lilhom meta jkunu qed jirrappreżentaw lill-Parlament Ewropew f'kariga uffiċjali.
2.
Kwalunkwe rigal offrut lill-Membri, skont il-paragrafu 1, meta jkunu qed jirrappreżentaw il-Parlament f'kapaċità uffiċjali għandu jintradd lill-President u jiġi ttrattat skont il-miżuri ta’ implimentazzjoni stabbiliti bl-Artikolu 9.
3.
Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, alloġġ u sussistenza tal-Membri, jew għall-ħlas dirett ta' dawn l-ispejjeż minn partijiet terzi, meta l-Membri, fuq stedina u fil-qadi ta' dmirijiethom, jattendu ġrajjiet organizzati minn partijiet terzi.
L-ambitu ta' dan il-paragrafu, u b'mod partikolari r-regoli għall-iżgurar tat-trasparenza, għandhom jiġu ppreċiżat fil-miżuri ta' implimentazzjoni stabbiliti mill-Bureau skont l-Artikolu 9.
Artikolu
6
: Attivitajiet ta’ ex Membri
L-ex Membri li jimpenjaw ruħhom f'attività professjonali ta' lobbying jew ta' rappreżentanza marbuta direttament mal-proċess deċiżjonali tal-Unjoni għandhom jinfurmaw lill-Parlament Ewropew dwar dan u ma jistgħux jibbenefikaw, tul il-perjodu kollu ta' tali impenn, mill-faċilitajiet mogħtija lill-ex Membri skont ir-regoli stabbiliti f'dak ir-rigward mill-Bureau
(2).
Artikolu
7
: Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri tal-Parlament
1.
Huwa stabbilit Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri (il-Kumitat Konsultattiv).
2.
Il-Kumitat Konsultattiv għandu jkun kompost minn ħames Membri maħtura mill-President fil-bidu tal-mandat tiegħu minn fost il-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali, b'kunsiderazzjoni għall-esperjenza tal-Membri u l-bilanċ politiku.
Kull Membru tal-Kumitat Konsultattiv għandu jieħu l-presidenza għal sitt xhur fuq bażi ta' rotazzjoni.
3.
Il-President għandu wkoll, fil-bidu tal-mandat tiegħu, jaħtar il-membri ta' riserva tal-Kumitat Konsultattiv, wieħed għal kull grupp mhux rappreżentat fil-Kumitat Konsultattiv.
Fil-każ ta' allegazzjoni ta' ksur ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta minn membru ta' grupp politiku li mhux rappreżentat fil-Kumitat Konsultattiv, il-membru ta' riserva kkonċernat isir is-sitt membru sħiħ tal-Kumitat Konsultattiv għall-eżami tal-ksur allegat inkwistjoni.
4.
Fuq talba minn Membru, il-Kumitat Konsultattiv għandu jipprovdilu, b'mod kunfidenzjali u fi żmien 30 jum kalendarju, gwida dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta. Il-Membru kkonċernat għandu jkollu d-dritt iserraħ fuq tali gwida.
Fuq talba tal-President, il-Kumitat Konsultattiv għandu jevalwa wkoll il-każijiet ta' ksur allegat ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta u jagħti parir lill-President dwar il-miżuri eventwali li għandhom jittieħdu.
5.
Il-Kumitat Konsultattiv jista', wara konsultazzjoni mal-President, jitlob parir mingħand esperti esterni.
6.
Il-Kumitat Konsultattiv għandu jippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu.
Artikolu
8
: Proċedura f'każ ta' eventwali ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta
1.
Fejn ikun hemm raġunijiet li jagħtu x'wieħed jaħseb li Membru tal-Parlament Ewropew seta' kiser dan il-Kodiċi ta' Kondotta, il-President għandu, ħlief f'każijiet manifestament vessatorji, jinnotifika lill-Kumitat Konsultattiv b'dan.
2.
Il-Kumitat Konsultattiv għandu jeżamina ċ-ċirkostanzi tal-ksur allegat, u jista' jisma' l-Membru kkonċernat. Abbażi tal-konstatazzjonijiet tiegħu, għandu jagħmel rakkomandazzjoni lill-President dwar deċiżjoni possibbli.
Fil-każ ta' ksur allegat tal-Kodiċi ta' Kondotta minn membru permanenti jew minn membru ta' riżerva tal-Kumitat Konsultattiv, il-membru jew il-membru ta' riżerva kkonċernati għandu jwaqqaf il-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedimenti tal-Kumitat Konsultattiv dwar dak l-allegat ksur.
3.
Jekk, fid-dawl ta' din ir-rakkomandazzjoni, u wara li jkun stieden lill-Membru kkonċernat iressaq osservazzjonijiet bil-miktub, il-President jikkonkludi li l-Membru kkonċernat ikun kiser il-Kodiċi ta' Kondotta, huwa għandu jadotta deċiżjoni motivata li tistipula s-sanzjoni. Il-President għandu jgħarraf lill-Membru bid-deċiżjoni motivata.
Is-sanzjoni tista' tikkonsisti f'waħda jew iżjed mill-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 166(3) sa (5) tar-Regoli ta' Proċedura.
4.
Il-Membru kkonċernat għandu l-possibbiltà ta' appell intern skont l-Artikolu 167 tar-Regoli ta' Proċedura.
Artikolu
9
: Implimentazzjoni
Il-Bureau għandu jistabbilixxi l-miżuri ta' implimentazzjoni ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta, inkluża proċedura ta' monitoraġġ u, fejn ikun meħtieġ, għandu jaġġorna l-ammonti speċifikati fl-Artikoli 4 u 5.
Il-Bureau jista' jressaq proposti għar-reviżjoni ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta.