ANNESS
II
: KRITERJI GĦALL-MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBA BIL-MIKTUB SKONT L-ARTIKOLI 130, 130A, 130B, 131 U 131A
1.
Mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub għandhom:
–
jispeċifikaw b'mod ċar lil liema destinatarju għandhom ikunu trażmessi permezz tal-mezzi interistituzzjonali normali;
–
jaqgħu esklużivament fil-limiti tal-kompetenzi tad-destinatarju, kif stipulati fit-Trattati relevanti jew f'atti legali tal-Unjoni, jew fl-isfera tal-attività tagħha;
–
ikunu ta' interess ġenerali;
–
ikunu konċiżi u jkollhom interrogazzjoni li tinftiehem sew;
–
ma jkunux itwal minn 200 kelma;
–
ma jkunx fihom lingwaġġ offensiv;
–
ma jkollhomx x'jaqsmu ma' kwistjonijiet strettament personali;
–
ma jkunx fihom aktar minn tliet submistoqsijiet.
2.
Il-mistoqsijiet lill-Kunsill ma jistgħux ikunu dwar is-suġġett ta' proċedura leġiżlattiva ordinarja li tkun għadha għaddejja jew dwar il-funzjonijiet baġitarji tal-Kunsill.
3.
Fuq talba, is-Segretarjat għandu jipprovdi lill-awturi parir dwar kif issir konformità mal- kriterji stipulati fil-paragrafu 1 f'każ individwali.
4.
Jekk tkun tressqet u twieġbet mistoqsija identika jew simili matul is-sitt xhur ta' qabel, jew sa fejn mistoqsija titlob biss tagħrif dwar is-segwitu għal riżoluzzjoni speċifika tal-Parlament ta' xorta li l-Kummissjoni tkun diġà tat f'komunikazzjoni ta' segwitu bil-miktub matul is-sitt xhur preċedenti, is-Segretarjat għandu jibgħat lill-awtur kopja tal-mistoqsija u tat-tweġiba ta' qabel jew tal-komunikazzjoni ta' segwitu. Il-mistoqsija mtennija m'għandhiex tiġi mgħoddija lid-destinatarju ħlief jekk il-President jiddeċiedi li jagħmel dan fid-dawl ta' żviluppi ġodda sinifikanti u b'risposta għal talba motivata mill-awtur.
5.
Jekk mistoqsija tfittex informazzjoni fattwali jew statistika li tkun diġà disponibbli għas-servizzi ta' riċerka tal-Parlament, din ma għandhiex tintbagħat lid-destinatarju iżda pjuttost lil dawk is-servizzi, sakemm il-President ma jiddeċidiex mod ieħor fuq talba tal-awtur.
6.
Mistoqsijiet dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma xulxin jistgħu jinġabru flimkien mis-Segretarjat f’mistoqsija waħda u jitwieġbu flimkien.