Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
It-tmien leġislatura - Jannar 2017
EPUB 167kPDF 1004k
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ

TITOLU I  : MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU  1  : MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu  7  : Ħarsien tal-privileġġi u l-immunità

1.    Fil-każijiet fejn jiġi allegat li seħħ jew li jkun se jseħħ ksur tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru jew ex Membru mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, tista' ssir talba għal deċiżjoni tal-Parlament dwar jekk seħħx ksur jew hux probabbli li se jseħħ ksur ta' dawk il-privileġġi u immunitajiet skont it-termini tal-Artikolu 9(1).

2.    B'mod partikolari, tali talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet tista' ssir jekk jitqies li ċ-ċirkostanzi jkunu jikkostitwixxu restrizzjoni amministrattiva jew ta' xorta oħra fuq il-moviment liberu ta' Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-post tal-laqgħa tal-Parlament jew restrizzjoni amministrattiva jew ta' xorta oħra fuq l-opinjoni espressa jew vot mixħut fit-twettiq ta' dmirijiethom, jew jekk iċ-ċirkostanzi jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

3.    Talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru m'għandhiex tkun ammissibbli jekk talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità ta' dak il-Membru tkun ġa ġiet riċevuta fir-rigward tal-istess fatti, kemm jekk tali talba preċedenti tkun tat lok għal deċiżjoni kemm jekk le.

4.    Talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru ma tkomplix tiġi eżaminata jekk tasal talba għat-tneħħija tal-immunità ta' dak il-Membru b'rabta mal-istess fatti.

5.    F'każijiet fejn tkun ittieħdet deċiżjoni li l-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru ma jitħarsux, il-Membru eċċezzjonalment jista' jagħmel talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni, billi jippreżenta evidenza ġdida skont l-Artikolu 9(1). It-talba għal eżami mill-ġdid m'għandhiex ammissibbli jekk ikunu nbdew proċedimenti kontra d-deċiżjoni skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew jekk il-President iqis li l-evidenza l-ġdida preżentata ma tkunx suffiċjentement sostanzjali li titlob għal eżami mill-ġdid.

Avviż legali - Politika tal-privatezza