Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
It-tmien leġislatura - Jannar 2017
EPUB 167kPDF 1004k
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ

TITOLU I  : MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU  1  : MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu  11  : Interessi finanzjarji u standards ta' kondotta tal-Membri

1.    Il-Parlament għandu jistabbilixxi regoli li jirregolaw it-trasparenza tal-interessi finanzjarji tal-Membri tiegħu, taħt forma ta' kodiċi ta' kondotta adottat mill-maġġoranza tal-Membri, u mehmuż ma' dawn ir-Regoli ta' Proċedura bħala anness (1).

Dawk ir-regoli m'għandhomx joħolqu preġudizzju jew restrizzjoni bi kwalunkwe mod ieħor għall-Membri fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom jew fi kwalunkwe attività politika jew attività oħra relatata.

2.    Il-Membri għandhom jadottaw il-prattika sistematika li jiltaqgħu biss ma' rappreżentanti ta' gruppi ta' interess li jkunu rreġistrati fir-Reġistru ta' Trasparenza stabbilit permezz tal-Ftehim bejn il-Parlament Ewropej u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-istabbiliment ta' Reġistru ta' Trasparenza. (2)

3.    Il-kondotta tal-Membri għandha tkun ikkaratterizzata minn rispett reċiproku, għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji stabbiliti fit-Trattati, u b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u għandha tirrispetta d-dinjità tal-Parlament. Barra minn hekk, m'għandhiex tikkomprometti t-tmexxija bla xkiel tal-ħidma parlamentari, iż-żamma tas-sigurtà u tal-ordni fil-bini tal-Parlament jew il-funzjonament tal-apparat tiegħu.

Fid-dibattiti parlamentari, il-Membri m'għandhomx jirrikorru għal lingwaġġ jew imġiba malafamanti, razzisti jew ksenofobiċi, u lanqas ma għandhom jiftħu strixxuni.

Il-Membri għandhom jimxu mar-regoli tal-Parlament dwar it-trattament ta' tagħrif kunfidenzjali.

In-nuqqas ta' osservanza ta' dawn l-istandards u r-regoli jista' jwassal għall-applikazzjoni tal-miżuri skont l-Artikoli 165, 166 u 167.

4.    L-applikazzjoni ta' din ir-Regola m'għandhiex bi kwalunkwe mod ieħor tnaqqas mill-ħeġġa tad-dibattiti parlamentari, u l-anqas m’għandha tippreġudika l-libertà tal-kelma tal-Membri.

Għandha tkun ibbażata fuq rispett sħiħ għall-prerogattivi tal-Membri, kif stipulat fil-liġi primarja tal-Unjoni u l-Istatut tal-Membri.

Għandha tkun ibbażata fuq rispett sħiħ għall-prerogattivi tal-Membri, kif stipulat fil-liġi primarja tal-Unjoni u l-Istatut tal-Membri.

5.    Meta persuna impjegata minn Membru, jew persuna oħra li għaliha Membru jkun irranġa biex ikollha aċċess għall-bini jew għal apparat tal-Parlament, ma tikkonformax mal-istandards ta' kondotta stabbiliti fil-paragrafu 3, is-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 166 jistgħu, fejn ikun xieraq, jiġu imposti fuq il-Membru kkonċernat.

6.    Il-Kwesturi għandhom jiddeterminaw l-ikbar numru ta' assistenti li jista' jiġi akkreditati.

7.    Il-kodiċi ta' kondotta u d-drittijiet u l-privileġġi ta' ex Membri għandhom jiġu stabbiliti b'deċiżjoni tal-Bureau. M'għandhiex issir distinzjoni fit-trattament ta' ex Membri.

(1)Ara l-Anness I.
(2)Ftehim tas-16 ta' April 2014 bejn il-Parlament Ewropej u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-istabbiliment ta' Reġistru ta' Trasparenza għall-organizzazzjonijiet u l-persuni li jaħdmu għal rashom li huma involuti fl-abbozzar u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 277, 19.9.2014, p.11).
Avviż legali - Politika tal-privatezza