KAPITOLU
4
: MIŻURI LI GĦANDHOM JITTIEĦDU F'KAŻ TA' NUQQAS TA' OSSERVANZA TAL-ISTANDARDS TA' KONDOTTA TAL-MEMBRI
Artikolu
165
: Miżuri immedjati
1.
Il-President għandu jsejjaħ għall-ordni kwalunkwe Membru li jisfratta t-tmexxija bla xkiel tal-proċeduri jew li l-imġiba tiegħu tonqos milli tkun konformi mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Artikolu 11.
2.
F’każ ta’ reċidivita’, il-President għandu jerġa' jsejjaħ lill-Membru għall-ordni għat-tieni darba, u l-fatt għandu jiġi rrapurtat fil-minuti.
3.
Jekk it-tfixkil ikompli, jew f’każ ta’ reċidivita’ mill-ġdid, il-President jista' jċaħħad lill-Membru kkonċernat mid-dritt li jitkellem u jkeċċih mill-Kamra għall-bqija tas-seduta. F'każijiet ta' serjetà eċċezzjonali, il-President jista' wkoll jirrikorri għal għat-tkeċċija tal-Membru kkonċernat għall-bqija tas-seduta minnufih u mingħajr it-tieni sejħa għall-ordni. Is-Segretarju Ġenerali għandu, mingħajr dewmien, jara li dawn il-miżuri dixxiplinari jitwettqu, bl-għajnuna tal-uxxiera u, jekk ikun meħtieġ, tas-Servizz tas-Sigurtà tal-Parlament.
4.
Jekk it-tfixkil jhedded li jostakola l-ħidma tal-Kamra, il-President għandu jagħlaq jew jissospendi s-seduta għal żmien speċifiku sabiex jerġa' jġib l-ordni. Jekk ma jkunx jista' jsemma' lilu nnifsu, għandu jħalli s-Sedja; dan għandu jkollu l-effett ta' sospensjoni tas-seduta. Il-President għandu jerġa' jsejjaħ is-seduta.
5.
Il-President jista' jiddeċiedi li jinterrompi x-xandir dirett tas-seduta fil-każ ta' lingwaġġ jew aġir difamatorju, razzist jew ksenofobiku minn Membru.
6.
Il-President jista' jordna t-tħassir mir-rekords awdjoviżivi tal-proċedimenti dawk il-partijiet ta' diskors minn Membru li jkun fihom lingwaġġ difamatorju, razzist jew ksenofobiku.
Dik l-ordni għandu jkollha effett immedjat. Din għandha, madankollu, tkun suġġetta għal konferma mill-Bureau mhux aktar tard minn erba' ġimgħat wara li tittieħed, jew, jekk il-Bureau ma jiltaqax matul dak il-perjodu, fil-laqgħa tiegħu li jmiss.
7.
Is-setgħat stipulati fil-paragrafi 1 sa 6 għandhom jingħataw, mutatis mutandis, lill-uffiċjali li jippresiedu l-korpi, il-kumitati u d-delegazzjonijiet kif stipulat f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura.
8.
Fejn hu xieraq, u filwaqt li titqies is-serjetà tal-ksur tal-istandards ta' kondotta tal-Membri, il-Membru li jkun qed jippresiedi sessjoni parzjali, korp, kumitat jew delegazzjoni jista', sa mhux aktar tard mis-sessjoni parzjali li jkun imiss jew mil-laqgħa li jkun imiss tal-korp, kumitat jew delegazzjoni kkonċernati, jitlob lill-President biex japplika l-Artikolu 166.