KAPITOLU 3 : REGOLI ĠENERALI DWAR IT-TMEXXIJA TAS-SEDUTI
Artikolu 162 : Allokazzjoni ta' ħin għad-diskorsi u lista tal-kelliema
(1)
1. Il-Konferenza tal-Presidenti tista' tipproponi lill-Parlament li jkun allokat ħin għad-diskorsi għal xi dibattitu partikolari. Il-Parlament għandu jiddeċiedi fuq din il-proposta mingħajr diskussjoni.
2. Ebda membru ma jista' jitkellem ħlief meta jissejjaħ biex jagħmel dan mill-President. Il-Membri għandhom jitkellmu minn posthom u għandhom jindirizzaw lill-President. Jekk kelliema joħroġu mis-suġġett, il-President għandu jitlobhom iżommu mad-diskussjoni.
3. Għall-ewwel parti ta' dibattitu partikolari, il-President jista' jagħmel lista ta' kelliema li tkun tinkludi dawra waħda jew aktar ta' kelliema minn kull grupp politiku li jkun jixtieq jitkellem, f'ordni skont id-daqs relattiv ta’ dawk il-gruppi politiċi.
4. Il-ħin għad-diskorsi għal din il-parti tad-dibattitu għandu jiġi allokat skont il-kriterji li ġejjin:
(a) l-ewwel parti tal-ħin għad-diskorsi għandha tinqasam b'mod indaqs bejn il-gruppi politiċi kollha;
(b) parti oħra għandha tinqasam bejn il-gruppi politiċi fi proporzjon skont in-numru totali tal-membri tagħhom;
(c) il-Membri mhux affiljati għandhom jiġu allokati ħin totali għad-diskorsi li jkun ibbażat fuq il-partijiet allokati lil kull grupp politiku skont il-punti (a) u (b);
(d) l-allokazzjoni tal-ħin għad-diskors fil-plenarja għandha tieħu kont tal-fatt li Membri b'diżabbilta'jista' jkollhom bżonn ta' iżjed ħin.
5. Meta jkun allokat ħin totali għad-diskorsi għal bosta punti fl-aġenda, il-gruppi politiċi għandhom jgħarrfu lill-President dwar il-parti mill-ħin allokat lilhom li tkun se tintuża għal kull punt individwali. Il-President għandu jiżgura li dawn il-ħinijiet għad-diskorsi jkunu rispettati.
6. Il-bqija tal-ħin maħsub għad-dibattitu m'għandux jiġi allokat b'mod speċifiku minn qabel. Minflok, il-President jista' jistieden lill-Membri biex jitkellmu, bħala regola ġenerali għal mhux aktar minn minuta. Il-President għandu, sa fejn ikun possibbli, jiżgura li kelliema li għandhom opinjonijiet politiċi differenti u li jkunu minn Stati Membri differenti jitkellmu wara xulxin.
7. Fuq talba, il-President jista' jagħti prijorità lill-president u lir-rapporteur tal-kumitat responsabbli, kif ukoll lil dawk il-presidenti ta' gruppi politiċi li jkunu jixtiequ jitkellmu f'isem il-grupp tagħhom, jew lill-kelliema li jkunu se jirrappreżentawhom.
8. Il-President jista' jagħti l-kelma lill-Membri li juru, billi jgħollu karta blu, ix-xewqa tagħhom li jressqu mistoqsija ta' mhux aktar minn nofs minuta lil Membru ieħor waqt id-diskors tiegħu li tkun marbuta ma' dak li jkun qal il-Membru. Il-President jista’ jagħmel dan jekk il-kelliem jaqbel u jekk il-President ikun sodisfatt li dan ma jkun la se jfixkel id-dibattitu u lanqas, permezz ta' mistoqsijiet suċċessivi mressqa permezz ta' karti blu, ma jwassal għal żbilanċ drastiku fl-affinitajiet tal-grupp politiku ta' Membri li jitkellmu f’dak id-dibattitu.
9. L’ebda Membru ma jista' jitkellem għal aktar minn minuta fuq dawn is-suġġetti li ġejjin: il-minuti tas-seduta, il-mozzjonijiet ta' proċedura, l-emendi għall-aħħar abbozz tal-aġenda jew għall-aġenda.
10. Fid-dibattitu dwar rapport, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jinstemgħu, bħala regola, minnufih wara l-preżentazzjoni tar-rapport mir-rapporteur. Il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-rapporteur jistgħu jinstemgħu mill-ġdid, b'mod partikolari biex iwieġbu għall-istqarrijiet.
11. Membri li ma jkunux tkellmu waqt xi dibattitu jistgħu, mhux iżjed minn darba f'kull sessjoni parzjali, jippreżentaw stqarrija bil-miktub ta' mhux iżjed minn 200 kelma li għandha tiġi annessa mar-rapport verbatim tad-dibattitu.
12. B'kunsiderazzjoni dovuta tal-Artikolu 230 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-President għandu jfittex li jilħaq ftehim mal-Kummissjoni, mal-Kunsill u mal-President tal-Kunsill Ewropew dwar allokazzjoni xierqa ta' ħin għad-diskorsi għalihom.