Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
It-tmien leġislatura - Lulju 2018
EPUB 197kPDF 1110k
KONTENUT
APPENDIĊI
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU VII : SESSJONIJIET
KAPITOLU 4 : MIŻURI LI GĦANDHOM JITTIEĦDU F'KAŻ TA' NUQQAS TA' OSSERVANZA TAL-ISTANDARDS TA' KONDOTTA TAL-MEMBRI

Artikolu 166 : Sanzjonijiet

1.   F'każijiet serji ta' diżordni jew sfrattar tal-Parlament bi ksur tal-prinċipji mniżżla fl-Artikolu 11, il-President għandu jadotta deċiżjoni motivata li tistipula s-sanzjoni xierqa.

Il-Membru kkonċernat għandu jiġi mistieden mill-President jissottometti osservazzjonijiet bil-miktub qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni. F'każijiet eċċezzjonali, il-President jista' jsejjaħ seduta ta' smigħ tal-Membru kkonċernat.

Dik id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Membru kkonċernat permezz ta' ittra rreġistrata jew, f'każijiet ta' urġenza, permezz tal-uxxiera.

Wara li dik id-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-Membru kkonċernat, kwalunkwe sanzjoni imposta fuq Membru għandha titħabbar mill-President lill-Parlament. L-uffiċjali li jippresiedu l-korpi, il-kumitati u d-delegazzjonijiet li fihom iservi l-Membru, għandhom jiġu infurmati.

Ladarba s-sanzjoni ssir finali, hija għandha tiġi ppubblikata b'mod prominenti fuq il-websajt tal-Parlament, u għandha tibqa’ hemm għall-bqija tal-leġiżlatura parlamentari.

2.   Waqt il-valutazzjoni tal-kondotta osservata għandha titqies in-natura eċċezzjonali, rikorrenti jew permanenti tagħha, u s-serjetà tagħha.

Għandha ssir distinzjoni bejn azzjonijiet viżivi, li jistgħu jkunu tollerati, dment li ma jkunux offensivi, difamatorji, razzisti jew ksenofobiċi, u jibqgħu f'limiti raġonevoli, u dawk li jisfrattaw b'mod attiv l-attività parlamentari.

3.   Is-sanzjoni tista' tikkonsisti f'miżura waħda jew iżjed minn dawn li ġejjin:

(a)   twissija;

(b)   it-telf tad-dritt għall-allowance ta' sussistenza ta' kuljum għal perjodu ta' bejn jumejn u tletin jum;

(c)   mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-vot fil-plenarja, u suġġett, f'dan il-każ, għal konformità stretta mal-istandards ta' kondotta tal-Membri, sospensjoni temporanja mill-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kollha jew uħud minnhom tal-Parlament, għal perjodu ta' bejn jumejn u tletin jum li fihom jiltaqgħu l-Parlament jew kwalunkwe wieħssed mill-korpi, kumitati jew delegazzjonijiet tiegħu;

(d)   projbizzjoni għall-Membru milli jirrappreżenta lill-Parlament f'delegazzjoni interparlamentari, konferenza interparlamentari jew kwalunkwe forum interistituzzjonali, għal mhux iżjed minn sena.

(e)   fil-każ ta' ksur tal- kunfidenzjalità, limitazzjoni tad-drittijiet ta' aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata għal mhux iżjed minn sena.

4.   Il-miżuri stipulati fil-punti (b) sa (e) tal-paragrafu 3 jistgħu jiġu rduppjati fil-każ ta' offiżi ripetuti, jew jekk il-Membru jirrifjuta li jikkonforma ma' miżura meħuda skont l-Artikolu 165(3).

5.   Barra minn dan, il-President jista' jippreżenta proposta lill-Konferenza tal-Presidenti għas-sospensjoni jew it-tneħħija tal-Membru minn waħda jew iżjed mill-karigi li dak il-Membru jkollu fil-Parlament, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Mejju 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza