TITOLU I : MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU 1 : MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW
Artikolu 4 : Tul tal-mandat tal-Membri
1. Il-mandat tal-Membri għandu jibda u jispiċċa skont kif imniżżel fl-Artikoli 5 u 13 tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976.
2. Membru li jirriżenja għandu jgħarraf lill-President bir-riżenja tiegħu u bid-data li fiha r-riżenja tkun se tidħol fis-seħħ, liema data m'għandhiex tkun aktar tard minn tliet xhur wara n-notifika. Din in-notifika għandu jkollha l-forma ta' dokument uffiċjali mħejji fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali jew tar-rappreżentant tiegħu, iffirmat minn dan tal-aħħar u mill-Membru kkonċernat u ppreżentat minnufih lill-kumitat responsabbli li għandu jdaħħlu fl-aġenda tal-ewwel laqgħa tiegħu wara li jkun irċieva d-document.
Jekk il-kumitat responsabbli jqis li r-riżenja hija f’konformita’ mal-Att tal-20 ta' Settembru 1976, għandha tiġi ddikjarata l-eżistenza ta' post vakanti b'effett mid-data indikata mill-Membru li jkun qed jirriżenja fid-dokument uffiċjali, u l-President għandu jgħarraf lill-Parlament dwar dan.
Jekk il-kumitat responsabbli jqis li r-riżenja ma tkunx konformi mal-Att tal-20 ta' Settembru 1976, huwa għandu jipproponi lill-Parlament li ma jiddikjarax l-eżistenza ta' post vakanti.
3. Meta l-ebda laqgħa tal-kumitat responsabbli ma tiġi prevista qabel is-sessjoni parzjali li jkun imiss, ir-rapporteur tal-kumitat responsabbli għandu immedjatament jeżamina kwalunkwe riżenja li tkun ġiet debitament notifikata. Fejn dewmien fl-eżami tan-notifika jista' jkun ta' preġudizzju, ir-rapporteur għandu jirreferi l-kwistjoni lill-president tal-kumitat, filwaqt li jitlob, skont il-paragrafu 2, li:
- il-President tal-Parlament jiġi mgħarraf f'isem il-kumitat li tista' tiġi stabbilita l-eżistenza ta' post vakanti; jew
- tissejjaħ laqgħa straordinarja tal-kumitat sabiex jeżamina d-diffikultajiet speċifiċi nnutati mir-rapporteur;
4. Fejn jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew tal-Unjoni jew il-Membru kkonċernat jgħarrfu lill-President b'xi ħatra jew elezzjoni għal kariga li tkun inkompatibbli mal-kariga ta' Membru tal-Parlament Ewropew fis-sens tal-Artikolu 7(1) jew (2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976, il-President għandu jinforma lill-Parlament b'dan, u l-Parlament għandu jiddikjara li jeżisti post vakanti mid-data tal-inkompatibbiltà.
Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jinnotifikaw lill-President bit-tmiem tal-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew bħala riżultat jew ta' inkompatibbiltà addizzjonali stabbilita bil-liġi ta' dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 7(3) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 jew tal-irtirar tal-mandat tal-Membru skont l-Artikolu 13(3) ta' dak l-Att, il-President għandu jgħarraf lill-Parlament li l-mandat ta' dak il-Membru spiċċa fid-data kkomunikata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Istat Membru. Fejn l-ebda tali data ma tiġi kkomunikata, id-data ta' tmiem il-mandat għandha tkun id-data tan-notifika minn dak l-Istat Membru.
5. Meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jew tal-Unjoni jgħarrfu lill-President b'missjoni li jkunu bi ħsiebhom jafdaw f’idejn Membru, il-President għandu jirreferi l-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà tal-missjoni proposta mal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 lill-kumitat responsabbli u għandu jgħarraf lill-Parlament, lill-Membru u lill-awtoritajiet konċernati bil-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom il-kumitat.
6. Meta l-Parlament jistabilixxi l-eżistenza ta' post vakanti, il-President għandu jgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat b'dan, u jistiednu jimla s-siġġu mingħajr dewmien.
7. Il-Parlament jista' jiddikjara li l-mandat li qed jiġi eżaminat huwa invalidu jew jista' jirrifjuta li jistabbilixxi l-eżistenza ta' post vakanti jekk l-aċċettazzjoni jew it-tmiem tal-mandat ikunu jidhru li huma bbażati fuq ineżattezzi materjali jew fuq vizzju tal-kunsens.