Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
It-tmien leġislatura - Frar 2019
EPUB 157kPDF 1044k
KONTENUT
APPENDIĊI
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 3 : PROĊEDURA LEĠIŻLATTIVA ORDINARJA
TAQSIMA 1 - L-EWWEL QARI

Artikolu 59 : Votazzjoni fil-Parlament – l-ewwel qari

1.   Il-Parlament jista' japprova, jemenda jew jiċħad l-abbozz ta' att leġiżlattiv.

2.   Il-Parlament għandu l-ewwel jivvota fuq kwalunkwe proposta għaċ-ċaħda immedjata tal-abbozz ta' att leġiżlattiv li jkun tqiegħed fuq il-Mejda bil-miktub mill-kumitat responsabbli, grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx.

Jekk il-proposta għaċ-ċaħda tiġi adottata, il-President għandu jitlob lill-istituzzjoni li minnha toriġina l-proposta biex tirtira l-abbozz ta' att leġiżlattiv.

Jekk l-istituzzjoni li minnha toriġina l-proposta tagħmel dan, il-President għandu jiddikjara l-proċedura magħluqa.

Jekk l-istituzzjoni li minnha toriġina l-proposta ma tirtirax l-abbozz ta' att leġiżlattiv, il-President għandu jħabbar li l-ewwel qari tal-Parlament huwa magħluq, ħlief jekk, fuq proposta tal-president jew tar-rapporteur tal-kumitat responsabbli jew ta' grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx, il-Parlament jiddeċiedi li jirriferi l-kwistjoni lura lill-kumitat responsabbli għal eżami mill-ġdid.

Jekk il-proposta għaċ-ċaħda ma tiġix adottata, il-Parlament għandu mbagħad jipproċedi skont il-paragrafi 3, 4 u 5.

3.   Kull ftehim proviżorju mqiegħed fuq il-Mejda mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4), għandu jingħata prijorità fil-votazzjoni u għandu jitressaq għal votazzjoni waħdanija, sakemm, fuq talba ta' grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx, il-Parlament ma jiddeċidix li jipproċedi bil-votazzjoni fuq l-emendi skont l-paragrafu 4. F'dan il-każ, il-Parlament għandu jiddeċiedi wkoll jekk il-votazzjoni fuq l-emendi għandhiex issir minnufih. Jekk le, il-Parlament għandu jistabbilixxi skadenza ġdida biex l-emendi jitqiegħdu fuq il-Mejda u l-votazzjoni għandha ssir f'seduta suċċessiva.

Jekk, b'dik il-votazzjoni waħdanija, il-ftehim proviżorju jiġi adottat, il-President għandu jħabbar li l-ewwel qari tal-Parlament ġie konkluż.

Jekk, b'dik il-votazzjoni waħdanija, il-ftehim proviżorju jonqos milli jiżgura l-maġġoranza tal-voti mitfugħa, il-President għandu jistabbilixxi skadenza ġdida biex l-emendi għall-abbozz ta' att leġiżlattiv jitqiegħdu fuq il-Mejda. Dawn l-emendi mbagħad għandu jittieħed vot fuqhom f'seduta suċċessiva biex il-Parlament jikkonkludi l-ewwel qari tiegħu.

4.   Ħlief fejn proposta għal ċaħda tkun ġiet adottata skont il-paragrafu 2 jew ftehim proviżorju jkun ġie adottat skont il-paragrafu 3, kull emenda għall-abbozz ta' att leġiżlattiv imbagħad għandu jittieħed vot fuqha, inkluż, fejn applikabbli, partijiet individwali tal-ftehim proviżorju, meta jkunu saru talbiet għal votazzjonijiet maqsuma jew separati jew ikunu tqiegħdu fuq il-Mejda emendi li jikkompetu.

Qabel mal-Parlament jivvota fuq l-emendi, il-President jista' jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiddikjara l-pożizzjoni tagħha u jista' jitlob lill-Kunsill sabiex jagħmel il-kummenti tiegħu.

Wara li jkun ivvota dawk l-emendi, il-Parlament għandu jivvota fuq l-abbozz ta' att leġiżlattiv kollu kemm hu, emendat jew le.

Jekk l-abbozz ta' att leġiżlattiv kollu, emendat jew le, jiġi adottat, il-President għandu jħabbar li l-ewwel qari jkun ġie konkluż, sakemm, fuq proposta tal-president jew tar-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jew ta' grupp politiku jew ta' għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx, il-Parlament ma jiddeċidix li jirreferi l-kwistjoni lura lill-kumitat responsabbli, għal negozjati interistituzzjonali skont l-Artikoli 59a, 69c u 69f.

Jekk l-abbozz tal-att leġiżlattiv kollu, kif emendat jew le, jonqos milli jiżgura maġġoranza tal-voti mitfugħa, il-President għandu jħabbar li l-ewwel qari jkun ġie konkluż, sakemm, fuq proposta tal-president jew tar-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jew ta' grupp politiku jew ta' għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx, il-Parlament ma jiddeċidix li jirreferi l-kwistjoni lura lill-kumitat responsabbli għal eżami mill-ġdid.

5.   Wara l-votazzjonijiet li jittieħdu skont il-paragrafi 2, 3 u 4, u l-votazzjonijiet li mbagħad jittieħdu fuq l-emendi għall-abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva rigward talbiet proċedurali, jekk ikun hemm, ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva għandha titqies li ġiet adottata. Jekk ikun hemm bżonn, ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva għandha tiġi modifikata, skont l-Artikolu 193(2), sabiex tirrifletti r-riżultat tal-votazzjonijiet li jittieħdu skont il-paragrafi 2, 3 u 4.

It-test tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva u tal-pożizzjoni tal-Parlament għandhom jitressqu, mill-President, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll, fejn l-abbozz ta' att leġiżlattiv joriġina minnhom, lill-grupp ta' Stati Membri, lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Bank Ċentrali Ewropew.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Mejju 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza