1. Il-Parlament jista' jiddelibera, jgħaddi l-aġenda u japprova l-minuti, irrispettivament minn-numru ta' Membri preżenti.
2. Għandu jitqies li ntlaħaq kworum meta terz tal-Membri li jagħmlu parti mill-Parlament ikunu preżenti fil-Kamra.
3. Il-votazzjonijiet kollha għandhom ikunu validi irrispettivament minn-numru ta' Membri li jivvotaw ħlief jekk il-President, fuq talba minn mhux anqas minn 40 Membru qabel tibda l-votazzjoni, jistabbilixxi li ma jkunx hemm kworum. Jekk in-numru ta' Membri rikjest sabiex jintlaħaq il-kworum ma jkunx biżżejjed, il-President għandu jiddikjara li ma hemmx kworum, u l-votazzjoni għandha titqiegħed fl-aġenda tas-seduta li jkun imiss.
Is-sistema ta' votazzjoni elettronika tista' tintuża sabiex jiġi vverifikat il-limitu minimu ta' erbgħin Membru, iżda ma tistax tintuża biex jiġi vverifikat kworum. Il-bibien tal-Kamra ma jistgħux jingħalqu.
4. Il-Membri li jitolbu għall-verifika tal-kworum jeħtiġilhom ikunu preżenti fil-Kamra meta ssir it-talba, u għandhom jitqiesu li huma preżenti skont it-tifsira tal-paragrafi 2 u 3, ukoll jekk imbagħad jitilqu mill-Kamra.
5. Jekk ikun hemm anqas minn 40 Membru preżenti, il-President jista' jagħti deċiżjoni li ma hemmx kworum.