Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
It-tmien leġislatura - Frar 2019
EPUB 157kPDF 1044k
KONTENUT
APPENDIĊI
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU IX : PETIZZJONIJIET

Artikolu 216 : Eżami ta' Petizzjonijiet

1.   Il-petizzjonijiet ammissibbli għandhom jiġu eżaminati mill-kumitat responsabbli għall-petizzjonijiet waqt l-attività normali tiegħu, permezz ta' diskussjoni waqt laqgħa regolari jew permezz ta' proċedura bil-miktub. Il-petizzjonanti jistgħu jiġu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kumitat jekk tkun se tiġi diskussa l-petizzjoni tagħhom, jew inkella jistgħu jitolbu huma biex ikunu preżenti. Id-dritt tal-kelma għandu jingħata lill-petizzjonanti skont id-diskrezzjoni tal-president tal-kumitat.

2.   Fir-rigward ta’ petizzjoni ammissibbli, il-kumitat jista' jiddeċiedi li jippreżenta mozzjoni għal riżoluzzjoni qasira lill-Parlament, sakemm il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tkun mgħarrfa minn qabel u ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni mill-Konferenza tal-Presidenti. Tali mozzjonijiet għal riżoluzzjoni għandhom jitqiegħdu fl-abbozz tal-aġenda tas-sessjoni parzjali li ssir mhux aktar tard minn tmien ġimgħat wara li dawk il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni jkunu ġew adottati fil-kumitat. Għandha ssir votazzjoni waħdanija għalihom. Il-Konferenza tal-Presidenti tista' tipproponi li tapplika l-Artikolu 151, u fin-nuqqas ta' dan, dawk il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni għandhom jiġu adottati mingħajr dibattitu.

3.   Meta, fir-rigward ta' petizzjoni ammissibbli, il-kumitat ikollu l-ħsieb li jfassal rapport fuq inizjattiva proprja skont l-Artikolu 52(1) li tkun tittratta, b'mod partikolari, l-applikazjoni jew l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, jew xi tibdil propost għal-liġi eżistenti, il-kumitat responsabbli għas-suġġett għandu jiġi assoċjat skont l-Artikolu 53 u l-Artikolu 54. Il-kumitat għandu jaċċetta mingħajr votazzjoni suġġerimenti għal partijiet tal-mozzjoni għal riżoluzzjoni li jaslu mingħand il-kumitat responsabbli għas-suġġett meta dawk is-suġġerimenti jittrattaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew xi tibdil għal-liġi eżistenti. Jekk il-kumitat ma jaċċettax dawn is-suġġerimenti, il-kumitat responsabbli għas-suġġett jista' jqegħidhom direttament fuq il-Mejda fil-plenarja.

4.   Il-firmatarji jistgħu jagħtu appoġġ jew jirtiraw l-appoġġ tagħhom minn petizzjoni ammissibbli fuq il-Portal tal-Petizzjonijiet. Dak il-portal għandu jsir disponibbli fuq is-sit web tal-Parlament.

5.   Il-kumitat jista' jitlob l-għajnuna tal-Kummissjoni, b'mod partikulari permezz ta' tagħrif dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew dwar il-konformità magħha, u permezz ta' kull tagħrif jew dokumenti li jkunu relevanti għall-petizzjoni. Għandhom jiġu mistiedna rappreżentanti tal-Kummissjoni biex jattendu l-laqgħat tal-kumitat.

6.   Il-kumitat jista' jitlob lill-President biex jgħaddi l-opinjoni jew ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Kunsill jew lill-awtorità kkonċernata tal-Istat Membru għal azzjoni jew tweġiba.

7.   Il-kumitat għandu jirrapporta lill-Parlament kull sena dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu u, fejn ikun xieraq, dwar il-miżuri meħuda mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni dwar il-petizzjonijiet riferuti lilhom mill-Parlament.

Meta l-eżami ta' petizzjoni ammissibbli jintemm, din għandha tiġi ddikjarata magħluqa b'deċiżjoni tal-kumitat.

8.   Il-petizzjonant għandu jiġi mgħarraf bid-deċiżjonijiet rilevanti kollha meħuda mill-kumitat u għandu jingħata r-raġunijiet għal dawk id-deċiżjonijiet.

9.   Petizzjoni tista' terġa' tinfetaħ b'deċiżjoni tal-kumitat, jekk ikunu nġabu għall-attenzjoni tiegħu fatti ġodda rilevanti relatati mal-petizzjoni u l-petizzjonant jitlob li dan isir.

10.   B'maġġoranza tal-membri tiegħu, il-kumitat għandu jadotta linji gwida għat-trattament tal-petizzjonijiet skont dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Mejju 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza