Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
It-tmien leġislatura - Frar 2019
EPUB 157kPDF 1044k
KONTENUT
APPENDIĊI
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU XIII : APPLIKAZZJONI TAR-REGOLI TA' PROĊEDURA U EMENDI GĦAR-REGOLI TA' PROĊEDURA

Artikolu 226 : Applikazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura

1.   Jekk iqum xi dubju dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, il-President jista' jirreferi l-kwistjoni lill-kumitat responsabbli biex tiġi eżaminata.

Il-presidenti tal-kumitati jistgħu jagħmlu dan meta jqum xi dubju ta' dan it-tip waqt li jkun għaddej ix-xogħol tal-kumitat u jkollu x'jaqsam miegħu.

2.   Il-kumitat għandu jiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ li jipproponi emenda għar-Regoli ta' Proċedura. F'dan il-każ għandu jimxi skont l-Artikolu 227.

3.   Jekk il-kumitat jiddeċiedi li interpretazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura eżistenti tkun biżżejjed, dan għandu jgħaddi l-interpretazzjoni tiegħu lill-President li għandu jgħarraf lill-Parlament fis-sessjoni parzjali li jkun imiss.

4.   Jekk grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-kumitat fi żmien 24 siegħa wara t-tħabbir tagħha, għandu jittieħed vot fuq il-kwistjoni fil-Parlament. It-test għandu jiġi adottat b'maġġoranza tal-voti mitfugħa, bil-kundizzjoni li mhux anqas minn terz tal-Membri li jagħmlu parti mill-Parlament ikunu preżenti. Fil-każ li jiġi miċħud, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lura lill-kumitat.

5.   Interpretazzjonijiet mhux kontestati u interpretazzjonijiet adottati mill-Parlament għandhom jiddaħħlu bil-korsiv bħala noti spjegattivi mal-Artikolu jew l-Artikoli relevanti tar-Regoli ta' Proċedura.

6.   Interpretazzjonijiet għandhom joħolqu preċedent għall-applikazzjoni u l-interpretazzjoni fil-ġejjieni tal-Artikoli konċernati.

7.   Ir-Regoli ta' Proċedura u l-interpretazzjonijiet għandhom jiġu riveduti regolarment mill-kumitat responsabbli.

8.   Meta dawn ir-Regoli ta' Proċedura jagħtu drittijiet lil numru speċifiku ta' Membri, dak in-numru għandu jinbidel awtomatikament mal-eqreb numru sħiħ li jkun jirrappreżenta l-istess persentaġġ tal-Membri tal-Parlament kull meta jiġi modifikat in-numru totali tal-membri tal-Parlament, b'mod partikulari wara tkabbir tal-Unjoni Ewropea.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Mejju 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza