Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
It-tmien leġislatura - Marzu 2019
EPUB 157kPDF 1046k
KONTENUT
APPENDIĊI
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU I : MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU 3 : KORPI U DMIRIJIET

Artikolu 25 : Dmirijiet tal-Bureau

1.   Il-Bureau għandu jaqdi d-dmirijiet mogħtija lilu skont dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

2.   Il-Bureau għandu jieħu deċiżjonijiet ta' xorta finanzjarja, organizzattiva u amministrattiva dwar affarijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni interna tal-Parlament u tas-Segretarjat u l-korpi tiegħu.

3.   Il-Bureau għandu jieħu deċiżjonijiet ta' xorta finanzjarja, organizzattiva u amministrattiva dwar affarijiet li jikkonċernaw lill-Membri fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali jew ta' grupp politiku.

4.   Il-Bureau għandu jieħu deċiżjonijiet dwar affarijiet li jkollhom x'jaqsmu mat-tmexxija tas-seduti.

5.   Il-Bureau għandu jadotta d-disposizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 35 dwar Membri mhux affiljati.

6.   Il-Bureau għandu jistabbilixxi l-organigramma tas-Segretarjat tal-Parlament u r-regolamenti dwar is-sitwazzjoni amministrattiva u finanzjarja tal-uffiċjali u ta' impjegati oħra.

7.   Il-Bureau għandu jħejji l-abbozz preliminari tal-baġit tal-Parlament.

8.   Il-Bureau għandu jadotta l-linji gwida għall-Kwesturi u jista' jitlobhom iwettqu ċerti kompiti.

9.   Il-Bureau għandu jkun l-awtorità responsabbli li tawtorizza laqgħat jew missjonijiet ta' kumitati li jsiru barra mill-postijiet tax-xogħol tas-soltu, seduti kif ukoll vjaġġi li jsiru għal studju u għal ġbir ta' informazzjoni minn rapporteurs.

Meta tali laqgħat jew missjonijiet ikunu awtorizzati, l-arranġamenti lingwistiċi għandhom jiġu determinati skont il-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Multilingwiżmu adottat mill-Bureau. L-istess artikolu għandu japplika għad-delegazzjonijiet.

10.   Il-Bureau għandu jaħtar is-Segretarju Ġenerali skont l-Artikolu 222.

11.   Il-Bureau għandu jħejji r-regoli ta' implimentazzjoni li jirrigwardaw ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew u r-regoli dwar l-iffinanzjar tagħhom.

12.   Il-Bureau għandu jistipula r-regoli dwar it-trattament ta' tagħrif kunfidenzjali mill-Parlament u mill-korpi tiegħu, mid-detenturi ta' karigi  fi ħdanu u mill-Membri l-oħrajn tiegħu, filwaqt li jitqies kwalunkwe ftehim interistituzzjonali dwar tali kwistjonijiet. Dawk ir-regoli għandhom ikunu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

13.   Il-President u/jew il-Bureau jistgħu jagħtu lil membru jew lil membri tal-Bureau dmirijiet ġenerali jew speċifiċi li jaqgħu fi ħdan il-kompetenzi tal-President u/jew tal-Bureau. Fl-istess ħin għandu jkun speċifikat il-mod kif dawn id-dmirijiet għandhom jitwettqu.

14.   Il-Bureau għandu jinnomina żewġ Viċi Presidenti li jkunu inkarigati mill-implimentazzjoni tar-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali.

15.   Il-Bureau għandu jinnomina żewġ Viċi Presidenti li għandhom jiġu inkarigati mill-implimentazzjoni ta' konsultazzjoni strutturata mas-soċjetà ċivili Ewropea dwar suġġetti maġġuri.

16.   Il-Bureau għandu jkun responsabbli għall-applikazzjoni tal-Istatut għall-Membri u għandu jiddeċiedi dwar l-ammonti tal-allowances abbażi tal-baġit annwali.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Mejju 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza