Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 147kPDF 776k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 1 : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI - DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 38 : Programmazzjoni annwali

1.   Il-Parlament għandu jaħdem flimkien mal-Kummissjoni u mal-Kunsill sabiex jiddetermina l-ippjanar leġiżlattiv tal-Unjoni.

Il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw fit-tħejjija tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni - li huwa l-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-ipprogrammar annwali u multiannwali tal-Unjoni - skont l-iskeda u l-arranġamenti miftiehma bejn iż-żewġ istituzzjonijiet (1).

2.   Wara l-adozzjoni tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, skont il-paragrafu 7 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil tal-Liġijiet Aħjar (2), se jiskambjaw fehmiet u jaqblu dwar dikjarazzjoni konġunta dwar il-programmazzjoni interistituzzjonali annwali li tistabbilixxi objettivi u prijoritajiet wiesgħa.

Qabel ma jinnegozja mal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dikjarazzjoni konġunta, il-President għandu jiskambja l-fehmiet mal-Konferenza tal-Presidenti u mal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati rigward l-objettivi u l-prijoritajiet wiesgħa tal-Parlament.

Qabel ma jiffirma d-dikjarazzjoni konġunta, il-President għandu jfittex li jikseb l-approvazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti.

3.   Il-President għandu jgħaddi kwalunkwe riżoluzzjoni adottata mill-Parlament dwar l-ippjanar u l-prijoritajiet leġiżlattivi lill-istituzzjonijiet l-oħra li jipparteċipaw fil-proċedura leġiżlattiva tal-Unjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

4.   Jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tirtira proposta, il-Kummissarju kompetenti għandu jiġi mistieden mill-kumitat responsabbli għal laqgħa biex dik l-intenzjoni tiġi diskussa. Il-Presidenza tal-Kunsill tista' tiġi mistiedna wkoll għal dik il-laqgħa. Jekk il-kumitat responsabbli ma jaqbilx mal-irtirar intenzjonat, jista' jitlob li l-Kummissjoni tagħmel stqarrija lill-Parlament. Għandu japplika l-Artikolu 132.

(1) Ftehim Qafas tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni (ĠU C 304, 20.11.2010, p. 47).
(2) Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil tal-Liġijiet Aħjar (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).
Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza