Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 147kPDF 776k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU IX : PETIZZJONIJIET

Artikolu 228 : Żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni

1.   Meta jkun qed jeżamina l-petizzjonijiet, jistabbilixxi l-fatti jew ifittex soluzzjonijiet il-kumitat jista' jorganizza żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat mill-petizzjonijiet iddikjarati ammissibbli li jkun diġà sar dibattitu dwarhom fil-kumitat. Bħala regola ġenerali, iż-żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni għandhom ikopru kwistjonijiet li jitqajmu f'ħafna petizzjonijiet. Għandhom japplikaw ir-Regoli tal-Bureau li jirregolaw id-delegazzjonijiet tal-kumitati fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Membri eletti fl-Istat Membru destinatarju ma għandhomx ikunu parti mid-delegazzjoni. Huma jistgħu jitħallew jakkumpanjaw id-delegazzjoni taż-żjara ta' ġbir ta' informazzjoni f'kapaċità ex officio.

3.   Wara kull żjara, għandu jitfassal rapport dwar il-missjoni mill-membri uffiċjali tad-delegazzjoni. Il-Kap tad-delegazzjoni għandu jikkoordina t-tfassil tar-rapport u għandu jfittex il-kunsens dwar il-kontenut tiegħu fost il-membri uffiċjali fuq livell ekwu. Jekk tali kunsens ma jinstabx, ir-rapport tal-missjoni għandu jispjega l-valutazzjonijiet diverġenti.

Il-Membri li jkunu qed jieħdu sehem ex officio fid-delegazzjoni ma għandhomx jipparteċipaw fit-tfassil tar-rapport.

4.   Ir-rapport tal-missjoni, inklużi rakkomandazzjonijiet possibbli, għandu jitressaq lill-kumitat. Il-Membri jistgħu jqiegħdu fuq il-Mejda emendi għar-rakkomandazzjonijiet, iżda mhux għall-partijiet tar-rapport li jirrigwardaw il-fatti stabbiliti mid-delegazzjoni.

Il-kumitat għandu l-ewwel jivvota fuq l-emendi għar-rakkomandazzjonijiet, jekk ikun hemm, imbagħad fuq ir-rapport tal-missjoni fis-sħuħija tiegħu.

Ir-rapport tal-missjoni, jekk jiġi approvat, għandu jintbagħat lill-President tal-Parlament għal raġunijiet ta' informazzjoni.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza