Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Frar 2020
EPUB 147kPDF 776k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU I : MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU 1 : MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 9 : Proċeduri dwar l-immunità

1.   Kwalunkwe talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta' xi Membru, jew minn Membru jew xi ex Membru għal ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tiġi riferuta lill-kumitat responsabbli.

2.   Bil-qbil tal-Membru jew tal-ex Membru kkonċernat, it-talba tista' ssir minn Membru ieħor, li għandu jitħalla jirrappreżenta lill-Membru jew lill-ex Membru kkonċernat fl-istadji kollha tal-proċedura.

Il-Membru li jirrappreżenta lill-Membru jew lill-ex Membru kkonċernat m'għandux ikun involut fid-deċiżjonijiet meħuda mill-kumitat.

3.   Il-kumitat għandu jeżamina mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet.

4.   Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet. L-emendi m'għandhomx ikunu ammissibbli. Jekk proposta tiġi miċħuda, id-deċiżjoni kuntrarja għandha titqies li tkun ġiet adottata.

5.   Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità ttneħħa jew titħares.

6.   Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema' u jista' jippreżenta kwalunkwe dokument jew evidenza oħra bil-miktub li jħoss li huma rilevanti.

Il-Membru kkonċernat ma għandux ikun preżenti matul id-dibattiti dwar it-talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tiegħu, ħlief għas-smigħ innifsu.

Il-president tal-kumitat għandu jistieden lill-Membru għas-smigħ, billi jindika d-data u l-ħin. Il-Membru kkonċernat jista' jirrinunzja d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-smigħ.

Jekk il-Membru kkonċernat ma jattendix għas-smigħ skont dik l-istedina, huwa jitqies li rrinunzja id-dritt li jiġi mismugħ, sakemm ma jitlobx li jkun eżonerat mis-smigħ f'dik id-data u ħin kif proposti, u jagħti r-raġunijiet tiegħu. Il-president tal-kumitat għandu jagħti deċiżjoni dwar jekk tali talba għall-eżonerazzjoni tintlaqax fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija. Il-Membru kkonċernat ma jkunx jista’ appella minn din id-deċżjoni.

Jekk il-president tal-kumitat jilqa' t-talba għall-eżonerazzjoni, huwa għandu jistieden lill-Membru kkonċernat jinstema' f'data u ħin ġodda. Jekk il-Membru kkonċernat jonqos li jimxi mat-tieni stedina li jinstema', il-proċedura tissokta mingħajr ma jinstema' l-Membru. L-ebda talba ulterjuri għall-eżonerazzjoni, jew għas-smigħ, ma tista’ tintlaqa'.

7.   Jekk it-talba tfittex li tneħħi jew li tħares l-immunità għal aktar minn raġuni waħda, kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tista' tkun suġġetta għal deċiżjoni separata. Ir-rapport tal-kumitat jista', bħala eċċezzjoni, jipproponi li t-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tapplika biss għal proċeduri ta' prosekuzzjoni u li, sakemm tingħata sentenza definittiva, il-Membru għandu jkun immuni minn kull forma ta' detenzjoni jew rimandar jew minn kull miżura oħra li ma tħallihx iwettaq id-dmirijiet marbuta mal-mandat tiegħu.

8.   Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità inkwistjoni u dwar l-ammissibbiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas m'għandu jippronunzja ruħu dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lill-Membru jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jeżamina t-talba, il-kumitat jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.

9.   Il-proposta għal deċiżjoni tal-kumitat għandha titqiegħed fuq l-aġenda tal-ewwel seduta wara l-jum li fih ikun imqiegħed fuq il-Mejda. L-ebda emenda għal tali proposta ma tista' tiġi mqiegħda fuq il-Mejda.

Id-diskussjoni għandha tiġi ristretta għar-raġunijiet favur jew kontra kull proposta biex jitneħħew jew jitħarsu l-privileġġ jew l-immunità.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 173, il-Membru li tiegħu l-privileġġi u l-immunitajiet ikunu qed jiġu eżaminati, m'għandux jieħu sehem fid-dibattitu.

Il-proposta jew proposti għal deċiżjoni li jinsabu fir-rapport għandu jittieħed vot fuqhom fl-ewwel ħin tal-votazzjonijiet wara d-dibattitu.

Wara li l-Parlament ikun eżamina l-każ, għandu jittieħed votazzjoni separata fuq kull waħda mill-proposti li jinsabu fir-rapport. Jekk proposta tiġi miċħuda, jitqies li tkun ġiet adottata d-deċiżjoni kuntrarja.

10.   Il-President għandu jikkomunika minnufih id-deċiżjoni tal-Parlament lill-Membru kkonċernat u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, b'talba li l-President jinżamm infurmat dwar żviluppi u sentenzi ġudizzjarji mogħtija fil-proċedimenti rilevanti. Meta l-President jirċievi l-informazzjoni għandu jgħaddiha lill-Parlament bil-mod li huwa jaħseb li jkun l-aktar xieraq, u jekk ikun meħtieġ wara li jkun ikkonsulta l-kumitat responsabbli.

11.   Il-kumitat għandu jittratta dawn l-affarijiet u jeżamina d-dokumenti li jkun irċieva bl-akbar kunfidenzjalità. Il-kumitat għandu dejjem jeżamina t-talbiet relatati mal-proċeduri dwar l-immunità bil-magħluq.

12.   Il-Parlament għandu jeżamina biss talbiet biex titneħħa l-immunità ta' xi Membru li jkunu ġew trażmessi lilu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew mir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri.

13.   Il-kumitat għandu jistabbilixxi l-prinċipji għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

14.   Kull talba għal informazzjoni dwar il-firxa tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membri magħmula minn awtorità kompetenti għandha tiġi eżaminata skont ir-regoli t'hawn fuq.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza