Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Frar 2020
EPUB 147kPDF 776k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU I : MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU 3 : KORPI U DMIRIJIET

Artikolu 27 : Dmirijiet tal-Konferenza tal-Presidenti

1.   Il-Konferenza tal-Presidenti għandha twettaq id-dmirijiet mogħtija lilha skont ir-Regoli ta' Proċedura.

2.   Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tieħu deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol tal-Parlament u ta' affarijiet li għandhom x'jaqsmu ma' ppjanar leġiżlattiv.

3.   Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tkun l-awtorità responsabbli għal affarijiet li jikkonċernaw r-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni Ewropea u mal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri. Id-deċiżjonijiet dwar il-mandat u l-kompożizzjoni tad-delegazzjoni mill-Parlament, li tkun se tipparteċipa f'konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kunsill u f'Istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea dwar kwistjonijiet fundamentali dwar l-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea (il-proċess Sherpa) għandhom jittieħdu abbażi tal-pożizzjonijiet relevanti adottati mill-Parlament u filwaqt li titqies id-diversità tal-fehmiet politiċi rappreżentati fil-Parlament. Il-Viċi Presidenti li jkunu ġew inkarigati mill-implimentazzjoni tar-relazzjonijiet tal-Parlament mal-parlamenti nazzjonali għandhom jirrappurtaw lura lill-Konferenza tal-Presidenti regolarment dwar l-attivitajiet tagħhom f'dan ir-rigward.

4.   Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tkun l-awtorità responsabbli għal affarijiet li għandhom x'jaqsmu ma' relazzjonijiet ma' pajjiżi li m'humiex membri u ma' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet li m'humiex tal-Unjoni.

5.   Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tkun responsabbli biex torganizza konsultazzjonijiet strutturati mas-soċjetà ċivili Ewropea dwar kwistjonijiet ewlenin. Dik il-konsultazzjoni tista’ tinkludi ż-żamma ta' dibattiti pubbliċi dwar suġġetti ta' interess ġenerali Ewropew, li fihom jistgħu jipparteċipaw ċittadini interessati. Il-Viċi President responsabbli għall-implimentazzjoni ta' tali konsultazzjoni għandu jirrapporta lura lill-Konferenza tal-Presidenti regolarment dwar l-attivitajiet tiegħu jew tagħha f'dan ir-rigward.

6.   Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tħejji l-abbozz tal-aġenda għas-sessjonijiet parzjali tal-Parlament.

7.   Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tressaq proposti lill-Parlament rigward il-kompożizzjoni u l-kompetenza ta' kumitati, kumitati ta' inkjesta, kumitati parlamentari konġunti u delegazzjonijiet permanenti. Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tkun l-awtorità responsabbli għall-awtorizzazzjoni tad-delegazzjonijiet 'ad hoc'.

8.   Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tiddeċiedi skont l-Artikolu 37 dwar kif għandhom jiġu allokati is-siġġijiet fil-Kamra.

9.   Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tkun l-awtorità responsabbli li tawtorizza li jsiru rapporti fuq inizjattiva proprja.

10.   Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tippreżenta proposti lill-Bureau dwar affarijiet amministrattivi u baġitarji li jikkonċernaw lill-gruppi politiċi.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza