Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Frar 2020
EPUB 147kPDF 776k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 2 : PROĊEDURI FIL-KUMITAT

Artikolu 57 : Proċedura ta' kumitati assoċjati

1.   Meta kwistjoni ta' kompetenza tiġi riferuta lill-Konferenza tal-Presidenti skont l-Artikoli 211, u l-Konferenza tal-Presidenti tqis li, abbażi tal-Anness VI, il-kwistjoni taqa' kważi b'mod indaqs taħt il-kompetenza ta' żewġ kumitati jew aktar, jew li partijiet differenti tal-kwistjoni jaqgħu taħt il-kompetenza ta' żewġ kumitati jew aktar, l-Artikolu 56 għandu japplika b'dawn id-dispożizzjonijiet miżjuda li ġejjin:

-   il-programm għandu jiġi miftiehem bejn il-kumitati kkonċernati flimkien;

-   ir-rapporteur u r-rapporteurs għal opinjoni għandhom iżommu lil xulxin mgħarrfa u għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jilħqu qbil dwar it-testi li huma jipproponu lill-kumitati tagħhom u dwar il-pożizzjoni tagħhom dwar l-emendi;

-   il-presidenti tal-kumitati, ir-rapporteur u r-rapporteurs għal opinjoni kkonċernati huma marbuta bil-prinċipju ta' kooperazzjoni tajba u sinċiera u għandhom jidentifikaw flimkien l-oqsma tat-test li jaqgħu taħt il-kompetenzi esklużivi jew maqsuma tagħhom u jilħqu qbil dwar l-arranġamenti preċiżi għall-koperazzjoni tagħhom. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil dwar id-delimitazzjoni tal-kompetenzi l-kwistjoni għandha tiġi riferuta, fuq talba ta' wieħed mill-kumitati involuti, lill-Konferenza tal-Presidenti; il-Konferenza tal-Presidenti tista' tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-kompetenzi rispettivi jew tiddeċiedi li għandha tapplika l-proċedura b'kumitati konġunti skont l-Artikolu 58; hija għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha f'konformità mal-proċedura u sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 211;

-   il-kumitat responsabbli għandu jaċċetta mingħajr votazzjoni emendi minn kumitat assoċjat meta dawn ikunu dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-kumitat assoċjat. Jekk il-kumitat responsabbli jonqos milli jirrispetta l-kompetenza esklużiva tal-kumitat assoċjat, dak il-kumitat assoċjat jista' jqiegħed fuq il-Mejda emendi direttament fil-plenarja. Jekk l-emendi dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza maqsuma tal-kumitat responsabbli u ta' kumitat assoċjat ma jiġux adottati mill-kumitat responsabbli, il-kumitat assoċjat jista' jqiegħed dawk l-emendi direttament fuq il-Mejda fil-plenarja;

-   fil-każ li jkun hemm proċedura ta' konċiljazzjoni rigward il-proposta, id-delegazzjoni tal-Parlament għandha tinkludi lir-rapporteur ta' kwalunkwe kumitat assoċjat.

Id-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti li tiġi applikata l-proċedura b'kumitati assoċjati tapplika fl-istadji kollha tal-proċedura in kwistjoni.

Id-drittijiet marbuta mal-istatus ta' "kumitat responsabbli" għandhom jitwettqu mill-kumitat ewlieni. Fit-twettiq ta' dawn id-drittijiet, il-kumitat ewlieni jeħtieġlu jirrispetta l-prerogattivi tal-kumitat assoċjat. B'mod partikolari, il-kumitat ewlieni għandu josserva l-obbligu ta' kooperazzjoni leali fir-rigward tal-kalendarju u d-dritt tal-kumitat assoċjat li jiddetermina l-emendi li jiġu ppreżentati lill-Parlament fil-qasam ta' kompetenza esklużiva tiegħu.

2.   Il-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu m'għandhiex tapplika għar-rakkomandazzjonijiet li jkunu se jiġu adottati mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 105.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza