1. Talba sabiex dibattitu dwar xi proposta ppreżentata lill-Parlament skont l-Artikolu 48(1) jitqies bħala urġenti tista' ssir lill-Parlament mill-President, minn xi kumitat, minn xi grupp politiku, minn għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx, mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill. Din it-talba għandha ssir bil-miktub u għandhom jingħataw r-raġunijiet għala qed issir.
2. Malli l-President jirċievi talba għal dibattitu urġenti huwa għandu jħabbar dan fil-Parlament. Il-vot fuq it-talba għandu jittieħed fil-bidu tas-seduta li tiġi wara s-seduta li fiha tkun saret it-tħabbira, sakemm il-proposta li tikkonċerna t-talba tkun tqassmet bil-lingwi uffiċjali lill-Membri. Meta jkun hemm diversi talbiet għal dibattitu urġenti dwar l-istess suġġett, l-approvazzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għal dibattitu urġenti għandhom japplikaw għat-talbiet kollha dwar dak l-istess suġġett.
3. Qabel il-votazzjoni, jistgħu jinstemgħu biss min iressaq it-talba u kelliem wieħed kontra kif ukoll il-president jew ir-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jew it-tnejn. F'kull każ dawn ma jistgħux jitkellmu għal iżjed minn tliet minuti.
4. Kwistjonijiet li għandhom ikunu trattati bi proċedura urġenti għandhom jingħataw prijorità fuq punti oħra tal-aġenda. Il-President għandu jistabbilixxi l-ħin tad-dibattitu u tal-votazzjoni.
5. Proċedura urġenti tista' ssir mingħajr rapport jew, f'każi eċċezzjonali, abbażi ta' rapport orali mill-kumitat responsabbli.
Fejn tintuża proċedura urġenti u jsiru negozjati interistituzzjonali, l-Artikoli 70 u 71 ma għandhomx japplikaw. L-Artikolu 74 għandu japplika
mutatis mutandis.