KAPITOLU 4 : MIŻURI LI GĦANDHOM JITTIEĦDU F'KAŻ TA' NUQQAS TA' OSSERVANZA TAL-ISTANDARDS TA' KONDOTTA TAL-MEMBRI
Artikolu 176 : Sanzjonijiet
1. F'każijiet serji ta' ksur tal-Artikolu 10 (2) sa (9), il-President għandu jadotta deċiżjoni motivata li timponi fuq il-Membru kkonċernat is-sanzjoni xierqa, skont dan l-Artikolu.
Fir-rigward tal-Artikolu 10 (3) jew (4), il-President jista' jadotta deċiżjoni motivata skont dan l-Artikolu irrispettivament minn jekk preċedentement tkunx ġiet imposta jew le miżura immedjata skont it-tifsira tal-Artikolu 175 fuq il-Membru kkonċernat.
Fir-rigward tal-Artikolu 10 (6), il-President jista' jadotta biss deċiżjoni motivata skont dan l-Artikolu wara li jiġi stabbilit li seħħ fastidju skont il-proċedura amministrattiva interna applikabbli dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu.
Il-President jista' jimponi sanzjoni fuq Membru f'każijiet fejn issir dispożizzoni, minn dawn ir-Regoli ta' Proċedura jew b'deċiżjoni adottata mill-Bureau skont l-Artikolu 25, għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.
2. Il-Membru kkonċernat għandu jiġi mistieden mill-President jissottometti osservazzjonijiet bil-miktub qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni. Il-President jista' jiddeċiedi li jsejjaħ seduta orali minflok kull meta dan ikun aktar xieraq.
Id-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Membru kkonċernat permezz ta' ittra rreġistrata jew, f'każijiet ta' urġenza, permezz tal-uxxiera.
Wara li dik id-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-Membru kkonċernat, kwalunkwe sanzjoni imposta fuq Membru għandha titħabbar mill-President lill-Parlament. L-uffiċjali li jippresiedu l-korpi, il-kumitati u d-delegazzjonijiet li fihom iservi l-Membru, għandhom jiġu infurmati.
Ladarba s-sanzjoni ssir finali, hija għandha tiġi ppubblikata b'mod prominenti fuq il-websajt tal-Parlament, u għandha tibqa' hemm għall-bqija tal-leġiżlatura parlamentari.
3. Waqt il-valutazzjoni tal-kondotta osservata għandha titqies in-natura eċċezzjonali, rikorrenti jew permanenti tagħha, u s-serjetà tagħha. Jekk ikun applikabbli għandu jitqies id-dannu possibbli fuq id-dinjità u r-reputazzjoni tal-Parlament.
4. Is-sanzjoni tista' tikkonsisti f'miżura waħda jew iżjed minn dawn li ġejjin:
(a) twissija;
(b) it-telf tad-dritt għall-allowance ta' sussistenza ta' kuljum għal perjodu ta' bejn jumejn u tletin jum;
(c) mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-vot fil-plenarja, u suġġett, f'dan il-każ, għal konformità stretta mal-istandards ta' kondotta tal-Membri, sospensjoni temporanja mill-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kollha jew uħud minnhom tal-Parlament, għal perjodu ta' bejn jumejn u tletin jum li fihom jiltaqgħu l-Parlament jew kwalunkwe wieħssed mill-korpi, kumitati jew delegazzjonijiet tiegħu;
(d) projbizzjoni għall-Membru milli jirrappreżenta lill-Parlament f'delegazzjoni interparlamentari, konferenza interparlamentari jew kwalunkwe forum interistituzzjonali, għal mhux iżjed minn sena.
(e) fil-każ ta' ksur tal- kunfidenzjalità, limitazzjoni tad-drittijiet ta' aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata għal mhux iżjed minn sena.
5. Il-miżuri stipulati fil-punti (b) sa (e) tal-paragrafu 4 jistgħu jiġu rduppjati fil-każ ta' ksur ripetut, jew jekk il-Membru jirrifjuta li jikkonforma ma' miżura meħuda skont l-Artikolu 175(3).
6. Barra minn dan, il-President jista' jippreżenta proposta lill-Konferenza tal-Presidenti għas-sospensjoni jew it-tneħħija tal-Membru minn waħda jew iżjed mill-karigi li dak il-Membru jkollu fil-Parlament, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.