Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Frar 2020
EPUB 147kPDF 776k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU X : OMBUDSMAN

Artikolu 231 : Elezzjoni tal-Ombudsman

1.   Fil-bidu ta' kull leġiżlatura jew fil-każ tal-mewt, ir-riżenja jew it-tneħħija mill-kariga tal-Ombudsman, il-President għandu jsejjaħ għal nomini għall-uffiċċju tal-Ombudsman u għandu jagħti limitu ta' żmien sa meta jistgħu jiġu ppreżentati. Avviż li jsejjaħ għal nominazzjonijiet għandu jkun ippubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   In-nomini jrid ikollhom l-appoġġ ta' mhux anqas minn 38 Membru li jkollhom nazzjonalità ta' mhux anqas minn żewġ Stati Membri.

Kull membru jista' jappoġġja biss nomina waħda.

In-nomini għandhom jinkludu d-dokumenti kollha ta' prova meħtieġa sabiex juru b'mod ċert li l-persuna nominata tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman (1).

3.   In-nominu għandhom jintbagħtu il-kumitat responsabbli. Lista sħiħa tal-Membri li jkunu taw l-appoġġ tagħhom lill-persuni nominati għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku meta jkun il-waqt.

4.   Il-kumitat responsabbli jista' jitlob li jisma' lill-persuni nominati. Dan is-smiegħ għandu jkun miftuħ għall-Membri kollha.

5.   Il-Parlament imbagħad għandu jivvota biex japprova lista ta' nominu ammissibbli f'ordni alfabetiku.

6.   L-Ombudsman għandu jiġi elett b'maġġoranza tal-voti mitfugħa.

Jekk ebda kandidat ma jkun elett wara l-ewwel żewġ votazzjonijiet, ikomplu jikkontestaw biss iż- żewġ kandidati li jkunu ġabu l-akbar numru ta' voti fit-tieni votazzjoni.

Fil-każ ta' voti ndaqs għandu jinħatar l-aktar membru anzjan.

7.   Qabel ma tinfetaħ il-votazzjoni, il-President għandu jiżgura li jkunu preżenti mhux anqas minn nofs il-Membri li jagħmlu parti mill-Parlament.

8.   L-Ombudsman għandu jeżerċita d-dmirijiet tiegħu sakemm is-suċċessur tiegħu jieħu l-kariga, ħlief fil-każ ta' mewt jew tat-tneħħija mill-kariga.

(1) Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman (ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15).
Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza