Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Ġunju 2020
EPUB 147kPDF 777k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 10 : ATTI DELEGATI U TA' IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 111 : Atti delegati

1.   Meta l-Kummissjoni tibgħat att delegat lill-Parlament, il-President għandu jirriferih lill-kumitat responsabbli għall-att leġiżlattiv ta' bażi, li jista' jiddeċiedi li jinnomina wieħed mill-Membri tiegħu għall-eżami ta' att delegat wieħed jew aktar.

2.   Matul is-sessjoni parzjali wara li l-att jiġi riċevut, il-President għandu jħabbar lill-Parlament id-data meta l-att delegat ikun wasal fil-lingwi uffiċjali kollha u l-perjodu li matulu jistgħu jitqajmu oġġezzjonijiet. Dan il-perjodu għandu jibda mid-data ta' meta jkun wasal.

It-tħabbira għandha tiġi ppubblikata fil-minuti tas-seduta, flimkien mal-isem tal-kumitat responsabbli.

3.   Il-kumitat responsabbli jista', b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv ta' bażi u, jekk iqis li jkun xieraq, wara li jkun ikkonsulta lil kwalunkwe kumitat ieħor ikkonċernat, iressaq mozzjoni għal riżoluzzjoni motivata fejn joġġezzjona għall-att delegat. Jekk, għaxart ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tas-sessjoni parzjali li matulha l-jum tal-Erbgħa jaħbat qabel u l-eqreb għall-jum tal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 5, il-kumitat responsabbli ma jkunx qiegħed fuq il-Mejda tali mozzjoni għal riżoluzzjoni, grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx jistgħu jressqu mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar il-kwistjoni biex tiddaħħal fl-aġenda tas-sessjoni parzjali hawn fuq imsemmija.

4.   Kull mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa skont il-paragrafu 3 għandha tispeċifika r-raġunijiet għall-oġġezzjonijiet tal-Parlament u jista' jkun fiha talba lill-Kummissjoni biex tippreżenta att delegat ġdid li jqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament.

5.   Il-Parlament għandu japprova tali mozzjoni fl-iskadenza stipulata fl-att leġiżlattiv ta' bażi u, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bil-maġġoranza tal-Membri li jagħmlu parti minnu.

Meta l-kumitat responsabbli jqis li hu xieraq li jestendi, skont id-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv ta' bażi, l-iskadenza għat-tressiq ta' oġġezzjonijiet għall-att delegat, il-president tal-kumitat responsabbli għandu jinnotifika, f'isem il-Parlament, din l-estensjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

6.   Jekk il-kumitat responsabbli jirrakkomanda li, qabel l-iskadenza stipulata fl-att leġiżlattiv ta' bażi, il-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għall-att delegat:

-   il-kumitat responsabbli għandu jgħarraf lill-president tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati permezz ta' ittra li tistipula r-raġunijiet tiegħu u jqiegħed fuq il-Mejda rakkomandazzjoni dwar dan;

-   jekk ma titressaq l-ebda oġġezzjoni fil-laqgħa li jkun imiss tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati jew f'każ ta' urġenza, il-president tal-kumitat għandu javża, permezz ta' proċedura bil-miktub, lill-President tal-Parlament, li għandu jgħarraf lill-plenarja mill-aktar fis possibbli;

-   jekk, fi żmien 24 siegħa wara t-tħabbir fil-plenarja, grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx joġġezzjonaw għar-rakkomandazzjoni, għandu jittieħed vot fuq din tal-aħħar;

-   jekk fl-istess perjodu, ma ssir l-ebda oġġezzjoni, ir-rakkomandazzjoni proposta għandha titqies bħala approvata;

-   l-adozzjoni ta' tali rakkomandazzjoni għandha twassal biex kwalunkwe proposta ta' oġġezzjoni sussegwenti għall-att delegat tkun inammissibbli.

7.   Il-kumitat responsabbli jista', b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv ta' bażi, jieħu l-inizjattiva li jressaq mozzjoni għal riżoluzzjoni lill-Parlament biex tiġi revokata, kollha kemm hi jew parzjalment, id-delega tas-setgħat jew li tiġi opposta l-estensjoni awtomatika tad-delega tas-setgħat stipulati għal dan l-att.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, deċiżjoni ta' revoka tad-delega tas-setgħat tirrikjedi l-voti tal-maġġoranza tal-Membri li jagħmlu parti mill-Parlament.

8.   Il-President għandu jgħarraf lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjonijiet meħuda skont dan l-Artikolu.

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Ġunju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza