TITOLU V : RELAZZJONIJIET MA’ ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRA
KAPITOLU 3 : MISTOQSIJIET PARLAMENTARI
Artikolu 140 : Mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lill-Bank Ċentrali Ewropew
1. Kwalunkwe Membru jista' jagħmel sa mhux aktar minn sitt mistoqsijiet fix-xahar għal tweġiba bil-miktub lill-Bank Ċentrali Ewropew b'konformità ma' kriterji stipulati f'anness għal dawn ir-Regoli ta' Proċedura
(1). L-interpellanti għandhom ikunu esklużivament responsabbli għall-kontenut tal-mistoqsijiet.
2. Tali mistoqsijiet għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub lill-president tal-kumitat responsabbli. Meta jirċievi tali mistoqsijiet, il-president tal-kumitat responsabbli għandu jinnotifikahom lill-Bank Ċentrali Ewropew. Kwistjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta' mistoqsija għandhom jiġu deċiżi mill-president tal-kumitat responsabbli. Id-deċiżjoni tal-president għandha tkun innotifikata lill-interpellant.
3. Tali mistoqsijiet u t-tweġibiet għalihom, għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Parlament.
4. Jekk mistoqsija għal tweġiba bil-miktub ma tkunx ingħatat tweġiba fi żmien sitt ġimgħat, tista' tiġi inkluża, fuq talba tal-interpellant, fl-aġenda tal-ewwel laqgħa li l-kumitat responsabbli jkollu mal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew.