TITOLU V : RELAZZJONIJIET MA’ ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRA
KAPITOLU 6 : KONSULTAZZJONI TA' ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRA
Artikolu 145 : Konsultazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
1. Fejn it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-President għandu jibda l-proċedura ta' konsultazzjoni u jgħarraf lill-Parlament b'dan.
2. Kumitat jista' jitlob li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jiġi kkonsultat dwar kwistjonijiet ta' xorta ġenerali jew dwar punti speċifiċi.
Il-kumitat għandu jindika, fit-talba tiegħu, l-iskadenza sa meta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu.
Talba għall-konsultazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandha titħabbar lill-Parlament fis-sessjoni parzjali tiegħu li jkun imiss u għandha titqies adottata, sakemm grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx ma jitolbux fi żmien 24 siegħa mit-tħabbira li għandu jittieħed vot fuqha.
3. L-opinjonijiet mogħtija mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandhom jiġu riferuti lill-kumitat responsabbli.