Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Jannar 2021
EPUB 151kPDF 793k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU IX : PETIZZJONIJIET

Artikolu 226 : Dritt ta' Petizzjoni

1.   B'konformità mal-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea u kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun residenti jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru għandhom id-dritt li jindirizzaw, b'mod individwali jew flimkien ma' ċittadini jew persuni oħrajn, petizzjoni lill-Parlament dwar xi kwistjoni li tkun taqa' fl-oqsma ta' attività tal-Unjoni Ewropea u li tkun taffettwahom direttament.

2.   Il-petizzjonijiet lill-Parlament għandhom juru l-isem u l-indirizz permamenti ta' kull wieħed minn dawk li jkunu qed jagħmlu l-petizzjoni.

3.   L-osservazzjonijet indirizzati lill-Parlament li juru biċ-ċar li mhumiex intenzjonati li jkunu petizzjoni ma għandhomx jiġu reġistrati bħala petizzjonijiet; minflok, għandhom jiġu mgħoddija mingħajr dewmien lis-servizz xieraq biex jiġu ttrattati ulterjorment.

4.   Meta petizzjoni tkun iffirmata minn bosta persuni fiżiċi jew ġuridiċi, il-firmatarji għandhom jaħtru rappreżentant u sostituti għalih li għandhom jitqiesu bħala l-petizzjonanti għall-finijiet ta' dan it-Titolu.

Meta ma tkun saret l-ebda ħatra ta' dan it-tip, l-ewwel firmatarju jew persuna oħra xierqa għandhom jitqiesu bħala l-petizzjonanti.

5.   Kull petizzjonant jista' fi kwalunkwe żmien jirtira l-firma tiegħu mill-petizzjoni.

Jekk il-petizzjonanti kollha jirtiraw il-firma tagħhom, il-petizzjoni għandha ssir nulla u bla effett.

6.   Il-petizzjonijiet iridu jkunu miktuba b'lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-petizzjonijiet miktuba b'xi lingwa oħra jiġu eżaminati biss jekk min jagħmel il-petizzjoni jkun hemeż traduzzjoni f'xi waħda mil-lingwi uffiċjali. Il-korrispondenza tal-Parlament ma' min jagħmel il-petizzjoni għandha tkun bil-lingwa uffiċjali li biha tkun miktuba t-traduzzjoni.

Il-Bureau jista' jiddeċiedi li l-petizzjonijiet u l-korrispondenza mal-petizzjonanti jistgħu jkunu abbozzati b'lingwi oħra li, skont l-ordni kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, igawdu minn status uffiċjali fit-territorju tiegħu kollu jew f'parti minnu.

7.   Il-petizzjonijiet jistgħu jitressqu jew bil-posta jew permezz tal-portal tal-Petizzjonijiet li għandu jsir disponibbli fuq is-sit web tal-Parlament u li għandu jiggwida lill-petizzjonant biex jifformula l-petizzjoni b'tali mod li jkun konformi mal-paragrafi 1 u 2.

8.   Meta jintlaqgħu ħafna petizzjonijiet dwar suġġett simili, dawn jistgħu jiġu ttrattati b'mod konġunt.

9.   Il-petizzjonijiet għandhom jiddaħħlu f'reġistru fl-ordni li fih jiġu rċevuti jekk ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2. Il-petizzjonijiet li ma jissodisfawx dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu arkivjati, u min għamel il-petizzjoni għandu jingħata r-raġunijiet għal dan.

10.   Il-petizzjonijiet li jiddaħħlu fir-reġistru għandhom jiġu riferuti mill-President lill-kumitat responsabbli għal petizzjonijiet li għandu l-ewwel jistabbilixxi jekk il-petizzjoni tkunx ammissibbli skont l-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Jekk il-kumitat responsabbli ma jilħaqx konsensus dwar l-ammissibbiltà tal-petizzjoni, din għandha tiġi ddikjarata ammissibbli jekk kemm-il darba jkun hemm talba f'das-sens minn mhux anqas minn terz tal-membri tal-kumitat.

11.   Il-petizzjonijiet li ġew iddikjarati inammissibbli mill-kumitat għandhom jiġu arkivjati; il-petizzjonant għandu jkun mgħarraf bid-deċiżjoni u bir-raġunijiet li wasslu għaliha. Meta jkun possibbli, jistgħu jiġu rrakkomandati mezzi ta' riparazzjoni alternattivi.

12.   Il-petizzjonijiet, ladarba jiddaħħlu fir-reġistru, għandhom isiru dokumenti pubbliċi, u l-isem tal-petizzjonant, tal-kopetizzjonanti possibbli u tas-sostenitur possibbli kif ukoll il-kontenut tal-petizzjoni jistgħu jiġu ppubblikati mill-Parlament għal raġunijiet ta' trasparenza. Il-petizzjonant, il-kopetizzjonanti u s-sostenituri għandhom jiġu mgħarrfa dwar dan.

13.   Minkejja l-paragrafu 12 hawn fuq, il-petizzjonant, kopetizzjonant jew sostenitur jista' jitlob li ismu ma jidhirx sabiex titħares il-privatezza tiegħu, f'liema każ il-Parlament għandu jilqa' it-talba.

Meta l-ilment tal-petizzjonant ma jkunx jista' jiġi investigat għal raġunijiet ta' anonomità, il-petizzjonant għandu jiġi kkonsultat rigward x'passi oħra jridu jkomplu jittieħdu.

14.   Bl-għan li jipproteġi d-drittijiet ta' partijiet terzi, il-Parlament jista', fuq mozzjoni tiegħu stess jew fuq talba mill-parti terza kkonċernata, janonimizza petizzjoni u/jew data oħra li tkun tinsab fiha, jekk jara li jkun xieraq li jagħmel hekk.

15.   Petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li la jkunu ċittadini tal-Unjoni Ewropea u lanqas ikunu residenti fi Stat Membru, u lanqas ma jkollhom l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru, għandhom ikunu reġistrati u arkivjati separatament. Kull xahar, il-President għandu jibgħat rendikont ta' tali petizzjonijiet li jkunu waslu matul ix-xahar ta' qabel, liema rendikont għandu jindika s-suġġett ta' dawn il-petizzjonijiet, lill-kumitat. Il-kumitat jista' jitlob li jingħata dawk li jkun jixtieq jeżamina.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Jannar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza