Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Jannar 2021
EPUB 151kPDF 793k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU XIIIa : ĊIRKOSTANZI STRAORDINARJI

Artikolu 237c : Reġim ta' parteċipazzjoni remota

1.   Jekk il-President jiddeċiedi, f'konformità mal-Artikolu 237a(3), punt (d), li japplika r-reġim ta' parteċipazzjoni remota, il-Parlament jista' jwettaq il-proċeduri tiegħu b'mod remot fost l-oħrajn billi jippermetti li l-Membri kollha jeżerċitaw ċerti drittijiet parlamentari tagħhom b'mezzi elettroniċi.

Jekk il-President jiddeċiedi f'konformità mal-Artikolu 237b li għandhom jintużaw mezzi tekniċi magħżula skont ir-reġim ta' parteċipazzjoni remota, din ir-Regola għandha tapplika biss sa fejn meħtieġ u biss għall-Membri kkonċernati.

2.   Ir-reġim ta' parteċipazzjoni remota jiżgura li:

-   il-Membri jkunu jistgħu jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom, inkluż, b'mod partikolari, id-dritt tagħhom li jitkellmu fil-plenarja u fil-kumitati, li jivvutaw u jressqu testi, mingħajr tfixkil;

-   il-voti kollha jintefgħu mill-Membri b'mod individwali u personalment;

-   is-sistema ta' votazzjoni remota tippermetti li l-Membri jivvutaw abbażi tal-proċedura ordinarja, b'votazzjonijiet b'sejħa tal-ismijiet u b'votazzjonijiet sigrieti u li jivverifikaw li l-voti tagħhom jitqiesu bħala mitfugħa;

-   tkun applikata sistema ta' votazzjoni uniformi għall-Membri kollha, irrispettivament jekk ikunux preżenti jew le fil-bini tal-Parlament;

-   l-Artikolu 167 jiġi applikat kemm jista' jkun possibbli;

-   is-soluzzjonijiet tat-teknoloġija tal-informatika għad-dispożizzjoni tal-Membri u l-persunal tagħhom ikunu "teknoloġikament newtrali";

-   il-parteċipazzjoni tal-Membri fid-dibattiti u l-votazzjonijiet parlamentari ssir bl-użu ta' mezzi elettroniċi siguri li jkunu ġestiti u sorveljati mis-servizzi tal-Parlament direttament u internament.

3.   Meta jieħu d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-President għandu jiddetermina jekk dak ir-reġim japplikax għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Membri fil-plenarja biss, jew ukoll għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Membri fil-kumitati u/jew f'korpi oħra tal-Parlament.

Fid-deċiżjoni tiegħu l-President għandu jiddetermina wkoll kif id-drittijiet u l-prattiki li ma jistgħux jiġu eżerċitati b'mod xieraq mingħajr il-preżenza fiżika tal-Membri jiġu adattati għal kemm idum ir-reġim.

Dawn id-drittijiet u l-prattiki jikkonċernaw, fost l-oħrajn:

-   il-mod li bih l-attendenza waqt seduta jew laqgħa tiġi magħduda;

-   il-kundizzjonijiet li skonthom issir talba għal verifika tal-kworum;

-   it-tressiq tat-testi;

-   it-talbiet għal qsim u voti separati;

-   l-allokazzjoni tal-ħin għad-diskorsi;

-   l-iskedar tad-dibattiti;

-   il-preżentazzjoni tal-emendi orali u l-oġġezzjonijiet għalihom;

-   l-ordni tal-votazzjonijiet;

-   l-iskadenzi u l-limiti ta' żmien għall-istabbiliment tal-aġenda u għal mozzjonijiet ta' proċedura.

4.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli dwar il-kworum u l-votazzjoni fil-Kamra, il-Membri li jkunu qed jipparteċipaw b'mod remot għandhom jitqiesu li jkunu fiżikament preżenti fil-Kamra.

B'deroga mill-Artikolu 171(11), Membri li ma jkunux tkellmu f'dibattitu jistgħu, darba f'kull seduta, iressqu stqarrija bil-miktub, li għandha tiġi mehmuża mar-rapport verbatim tad-dibattitu.

Il-President għandu, fejn meħtieġ, jiddetermina l-mod li bih il-Kamra tista' tintuża mill-Membri matul l-applikazzjoni tar-reġim tal-parteċipazzjoni remota, u b'mod partikolari l-għadd massimu ta' Membri li jistgħu jkunu fiżikament preżenti.

5.   Jekk il-President jiddeċiedi skont il-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, li japplika r-reġim ta' parteċipazzjoni remota għall-kumitati jew għal korpi oħra, il-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, għandu japplika, mutatis mutandis.

6.   Il-Bureau għandu jadotta miżuri li jikkonċernaw l-operat u s-sigurtà tal-mezzi elettroniċi użati skont dan l-Artikolu, f'konformità mar-rekwiżiti u l-istandards stabbiliti fil-paragrafu 2.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Jannar 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza