Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Settembru 2021
EPUB 152kPDF 796k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU I : MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU 3 : KORPI U DMIRIJIET

Artikolu 22 : Dmirijiet tal-President

1.   Il-President għandu jmexxi l-attivitajiet kollha tal-Parlament u tal-korpi tiegħu skont dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Huwa għandu jgawdi s-setgħat kollha li huma meħtieġa sabiex jippresjedi l-proċedimenti tal-Parlament u sabiex jiżgura li dawn jitmexxew kif għandu jkun.

2.   Id-dmirijiet tal-President huma li jiftaħ, jissospendi u jagħlaq is-seduti; li jagħti deċiżjonijiet dwar l-ammissibbilià ta' emendi u testi oħra li għandu jittieħed vot fuqhom, kif ukoll dwar l-ammissibbiltà tal-mistoqsijiet parlamentari; li jiżgura l-osservanza ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura; li jżomm l-ordni, li jsejjaħ lill-kelliema, li jagħlaq diskussjonijiet, li jressaq kwistjonijiet biex jittieħed vot fuqhom u li jħabbar ir-riżultat tal-votazzjonijiet; kif ukoll li jirreferi lill-kumitati dawk il-komunikazzjonijiet li jkunu jikkonċernawhom.

3.   Il-President jista' jitkellem waqt diskussjoni biss sabiex jagħlaq jew sabiex jitlob lill-kelliema jżommu mad-diskussjoni. Jekk ikun jixtieq jieħu sehem f'diskussjoni, huwa għandu jħalli s-sedja u m'għandux jerġa jeħodha qabel ma tispiċċa d-diskussjoni.

4.   F'relazzjonijiet internazzjonali, f'okkażjonijiet ċerimonjali u f'affarijiet amministrattivi, legali u finanzjarji, il-Parlament għandu jiġi rrappreżentat mill-President, li jista' jiddelega dawn is-setgħat.

5.   Il-President huwa responsabbli għas-sigurtà u l-invjolabbiltà tal-binjiet tal-Parlament Ewropew.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Awwissu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza