Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Settembru 2021
EPUB 152kPDF 796k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 1 : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI - DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 47 : Talbiet lill-Kummissjoni għat-tressiq ta' proposti

1.   Il-Parlament jista' jitlob lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tressaq quddiemu kwalunkwe proposta xierqa għall-adozzjoni ta’ atti ġodda jew l-emendar ta’ atti eżistenti. Il-Parlament għandu jagħmel dan billi jadotta riżoluzzjoni abbażi ta' rapport fuq inizjattiva proprja mħejji mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 54. Ir-riżoluzzjoni għandha tiġi adottata mill-maġġoranza tal-Membri li jagħmlu parti mill-Parlament fil-votazzjoni aħħarija. Il-Parlament jista', fl-istess ħin, jistabbilixxi skadenza għall-preżentazzjoni ta' din il-proposta.

2.   Kwalunkwe Membru jista' jqiegħed fuq il-Mejda proposta għal att tal-Unjoni abbażi tad-dritt ta' inizjattiva mogħti lill-Parlament skont l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Tali proposta tista' titqiegħed fuq il-Mejda b'mod konġunt minn mhux aktar minn għaxar Membri. Il-proposta għandha tindika l-bażi legali li fuqha ssir u tista' tkun akkumpanjata minn nota spjegattiva ta' mhux aktar minn 150 kelma.

Il-proposta għandha titressaq lill-President, li għandu jivverifika jekk ir-rekwiżiti legali humiex sodisfati. Huwa jista' jirreferi l-proposta għal opinjoni dwar jekk il-bażi legali hix xierqa lill-kumitat responsabbli għal tali verifika. Jekk il-President jiddikjara li l-proposta hija ammissibbli, għandu jħabbar dan fil-plenarja u jirreferiha lill-kumitat responsabbli għas-suġġett.

Qabel ma jsir tali riferiment lill-kumitat responsabbli għas-suġġett, il-proposta għandha tiġi tradotta għal dawk il-lingwi uffiċjali li l-president ta' dak il-kumitat iqis li huma meħtieġa biex isir possibbli eżami sommarju.

Il-kumitat responsabbli għas-suġġett għandu jieħu deċiżjoni dwar azzjoni ulterjuri fi żmien tliet xhur mir-riferiment, u wara li jkun ta lill-awturi tal-proposta l-opportunità li jindirizzaw lill-kumitat.

L-awturi tal-proposta għandhom jissemmew b'isimhom fit-titolu tar-rapport.

3.   Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament għandha tindika l-bażi legali xierqa u tiġi akkumpanjata minn rakkomandazzjonijiet dwar il-kontenut tal-proposti meħtieġa.

4.   F'każ li proposta jkollha implikazzjonijiet finanzjarji, il-Parlament għandu jindika kif jistgħu jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji adegwati.

5.   Il-kumitat responsabbli għas-suġġett għandu jikkontrolla l-progress fit-tħejjija ta' kull att legali propost tal-Unjoni imfassal wara talba speċifika mill-Parlament.

6.   Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati għandha timmonitorja regolarment jekk il-Kummissjoni hijiex tikkonforma mal-paragrafu 10 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li skontu l-Kummissjoni għandha twieġeb għal talbiet għa-tressiq ta' proposti fi żmien tliet xhur billi tadotta komunikazzjoni speċifika li tiddikjara l-azzjonijiet ta' segwitu intiżi li għandhom jittieħdu. Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati għandha regolarment tirrapporta dwar ir-riżultati ta' tali monitoraġġ lill-Konferenza tal-Presidenti.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Awwissu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza