TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 1 : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI - DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 48 : Eżami ta' atti legalment vinkolanti
1. Il-President għandu jirreferi proposti għal atti legalment vinkolanti rċevuti minn istituzzjonijiet jew Stati Membri oħra lill-kumitat responsabbli biex jiġu eżaminati.
2. Fil-każ ta' dubju, il-President jista', qabel it-tħabbira fil-Parlament ta' riferiment lill-kumitat responsabbli, iressaq mistoqsija dwar il-kompetenza lill-Konferenza tal-Presidenti. Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, jew mill-president tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, skont l-Artikolu 211(2).
3. Il-kumitat responsabbli jista', fi kwalunkwe ħin, jiddeċiedi li jaħtar rapporteur biex isegwi l-fażi preparatorja ta' proposta. Huwa għandu jagħti attenzjoni partikolari biex isir hekk fejn il-proposta tkun mniżżla fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni.
4. Fil-każ ta' konflitt bejn dispożizzjoni tar-Regoli ta' Proċedura li għandha x'taqsam mat-tieni u t-tielet qari u kull dispożizzjoni oħra tar-Regoli ta' Proċedura, id-dispożizzjoni li għandha x'taqsam mat-tieni u t-tielet qari għandha tieħu l-preċedenza.