TITOLU V : RELAZZJONIJIET MA’ ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRA
KAPITOLU 3 : MISTOQSIJIET PARLAMENTARI
Artikolu 139 : Interpellanzi maġġuri għal tweġiba bil-miktub
1. L-interpellanzi maġġuri għandhom jikkonsistu f'mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub li jsiru lill-Kunsill, lill-Kummissjoni jew lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà minn grupp politiku.
2. L-interpellanza maġġuri għandha tkun ta' interess ġenerali u għandha tintbagħat bil-miktub lill-President. Din m'għandhiex taqbeż il-500 kelma. Dment li l-interpellanza maġġuri tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta' Proċedura b'mod ġenerali, il-President għandu minnufih jittrażmettiha lid-destinatarju għal tweġiba bil-miktub.
3. Għandu jkun hemm massimu ta' 30 interpellanza maġġuri kull sena. Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tiżgura distribuzzjoni ġusta ta' dawn l-interpellazzjonijiet fost il-gruppi politiċi, u l-ebda grupp politiku m'għandu jibgħat iktar minn waħda kull xahar.
4. Jekk id-destinatarju jonqos milli jwieġeb għall-interpellanza maġġuri fi żmien sitt ġimgħat minn meta tiġi trażmessa lilu, l-interpellanza għandha, fuq it-talba tal-awtur, titqiegħed fuq l-abbozz tal-aġenda finali skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 157 u soġġetta għall-paragrafu 6.
5. Malli tasal it-tweġiba bil-miktub, jekk il-Membri jew grupp politiku jew gruppi politiċi li jilħqu tal-anqas il-limitu medju jitolbu dan, l-interpellanza maġġuri għandha titqiegħed fuq l-abbozz tal-aġenda finali tal-Parlament skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 157 u soġġetta għall-paragrafu 6.
6. In-numru ta' interpellanzi maġġuri diskussi matul l-istess sessjoni parzjali m'għandux ikun aktar minn tlieta. Jekk jintalbu dibattiti għal aktar minn tliet interpellanzi maġġuri matul l-istess sessjoni parzjali, il-Konferenza tal-Presidenti għandha tinkludihom fl-abbozz finali tal-aġenda fl-ordni li tkun irċeviet dawk it-talbiet għal dibattitu.
7. Membru nnominat minn qabel mill-awtur, jew minn dawk li jitolbu d-dibattitu skont il-paragrafu 5, għandu jiżviluppa l-interpellanza maġġuri fil-Parlament. Jekk dak il-Membru ma jkunx preżenti, l-interpellanza maġġuri għandha taqa'. Id-destinatarju għandu jwieġeb.
L-Artikolu 132(2) sa (8) li jikkonċerna t-tqegħid fuq il-Mejda u l-votazzjoni ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet għandu japplika mutatis mutandis.
8. Tali interpellanzi kif ukoll it-tweġibiet għalihom għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Parlament.