KAPITOLU 6 : PUNTI TA' ORDNI U MOZZJONIJIET TA' PROĊEDURA
Artikolu 201 : Sospensjoni jew għeluq tas-seduta
(1)
Is-seduta tista' tiġi sospiża jew magħluqa waqt dibattitu jew votazzjoni jekk il-Parlament hekk jiddeċiedi fuq proposta mill-President jew fuq talba ta' għadd ta' Membri jew grupp politiku jew gruppi politiċi li jilħqu tal-anqas il-limitu għoli. Għandu jittieħed vot minnufih fuq proposta jew talba bħal din.
Jekk tiġi ppreżentata talba biex seduta tiġi sospiża jew biex tingħalaq, il-proċedura għall-votazzjoni fuq talba bħal din għandha tkun mibdija bla dewmien. Il-mod normali ta' kif jitħabbru l-votazzjonijiet fil-plenarja għandu jintuża u, skont il-prattika attwali, għandu jingħata biżżejjed żmien biex il-Membri jaslu fl-Awla.
B'analoġija mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 158(2) tar-Regoli ta' Proċedura, jekk tali talba tiġi miċħuda, talba simili ma tkunx tista' titqiegħed mill-ġdid fuq il-Mejda matul l-istess jum. Skont l-Artikolu 174 tar-Regoli ta' Proċedura, il-President għandu d-dritt li jtemm l-użu eċċessiv ta' talbiet ippreżentati taħt dan l-Artikolu.