Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Jannar 2023
EPUB 152kPDF 798k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

ANNESS V : PROĊEDURA GĦALL-EŻAMI U L-ADOZZJONI TA' DEĊIŻJONIJIET DWAR L-GĦOTI TAL-KWITTANZA

Artikolu 1 : Dokumenti

1.   Għandhom jiġu stampati u mqassma d-dokumenti li ġejjin:

(a)   il-kont tad-dħul u l-infiq, l-analiżi finanzjarja u l-karta tal-bilanċ mibgħuta mill-Kummissjoni;

(b)   ir-Rapport Annwali u r-rapporti speċjali tal-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet;

(c)   dikjarazzjoni li tiċċertifika li l-kontijiet huma ta' min joqgħod fuqhom u li t-tranżazzjonijiet relatati magħhom huma legali u skont ir-regoli, liema dikjarazzjoni għandha tiġi ppreżentata mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(d)   ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

2.   Dawn id-dokumenti għandhom jiġu riferuti lill-kumitat responsabbli. Kull kumitat ikkonċernat jista' jagħti l-opinjoni tiegħu.

3.   Il-President għandu jiffissa l-limitu ta’ żmien li fihl-kumitati li jixtiequ jagħtu l-opinjoni tagħhom għandhom jgħaddu l-imsemmija opinjoni lill-kumitat responsabbli.

Artikolu 2 : Eżami tar-rapport

1.   Il-Parlament għandu jeżamina rapport mill-kumitat responsabbli dwar il-kwittanza sal-15 ta' Mejju tas-sena ta' wara s-sena li fiha jkun approvat ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri, kif rikjest mir-Regolament Finanzjarju.

2.   Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament dwar l-emendi u l-votazzjoni għandhom japplikaw, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor f'dan l-Anness.

Artikolu 3 : Kontenut tar-rapport

1.   Ir-rapport tal-kwittanza mħejji mill-kumitat responsabbli għandu jinkludi:

(a)   proposta għal deċiżjoni għall-għoti tal-kwittanza jew għad-differiment tad-deċiżjoni dwar il-kwittanza (votazzjoni fis-sessjoni parzjali ta' April), jew proposta għal deċiżjoni għall-għoti jew għaċ-ċaħda tal-kwittanza (votazzjoni fis-sessjoni parzjali ta' Ottubru);

(b)   proposta għal deċiżjoni li tagħlaq il-kontijiet tad-dħul, tal-infiq, tal-attiv u tal-passiv kollu tal-Unjoni;

(c)   mozzjoni għal riżoluzzjoni li tinkludi l-kummenti dwar il-proposta għal deċiżjoni msemmija fil-punt (a) li tinkludi l-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni baġitarja tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sena finazjarja, kif ukoll osservazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-infiq għall-futur;

(d)   mehmuża bħala anness, lista ta' dokumenti mibgħuta mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dokumenti mitluba lill-Kummissjoni iżda li hija ma bagħtithomx;

(e)   l-opinjonijiet tal-kumitati kkonċernati.

2.   Jekk il-kumitat responsabbli jipproponi li d-deċiżjoni dwar il-kwittanza tiġi differita, il-mozzjoni għal riżoluzzjoni li għandha x'taqsam magħha għandha tindika wkoll, inter alia:

(a)   ir-raġunijiet tad-differiment;

(b)   il-miżuri addizzjonali li l-Kummissjoni hija mistennija li tieħu u l-iskadenzi tagħhom;

(c)   id-dokumenti meħtieġa sabiex il-Parlament ikun jista' jieħu deċiżjoni bbażata fuq informazzjoni tajba.

Artikolu 4 : Eżami u votazzjoni fil-Parlament

1.   Kull rapport mill-kumitat responsabbli dwar il-kwittanza għandu jiddaħħal fl-aġenda tal-ewwel sessjoni parzjali li tiġi wara d-data li fiha jkun tqiegħed fuq il-Mejda.

2.   Għandhom ikunu ammissibbli biss l-emendi għall-mozzjoni għal riżoluzzjoni mqiegħda fuq il-Mejda skont l-Artikolu 3(1)(c).

3.   Il-vot fuq il-proposti għal deċiżjonijiet u fuq il-mozzjoni għal riżoluzzjoni għandu jittieħed skont l-ordni indikat fl-Artikolu 3, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fl-Artikolu 5.

4.   Il-Parlament għandu jiddeċiedi b'maġġoranza tal-voti mitfugħa, skont l-Artikolu 231 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5 : Varjanti proċedurali

1.   Votazzjoni fis-sessjoni parzjali ta' April

Fl-ewwel fażi, ir-rapport dwar il-kwittanza għandu jipproponi li tingħata jew li tiġi differita d-deċiżjoni dwar il-kwittanza.

(a) Jekk proposta għall-għoti tal-kwittanza tikseb il-maġġoranza tal-voti, il-kwittanza tingħata. Fl-istess ħin dan ikun jikkostitwixxi l-għeluq tal-kontijiet.

Jekk proposta għall-għoti tal-kwittanza ma tiksibx il-maġġoranza tal-voti, il-kwittanza għandha titqies bħala posposta u l-kumitat responsabbli jkollu jqiegħed fuq il-Mejda rapport ġdid fi żmien sitt xhur li jkun jinkludi proposta ġdida biex tingħata jew tiċċaħħad il-kwittanza.

(b) Jekk tiġi adottata proposta għad-differiment tad-deċiżjoni dwar il-kwittanza, il-kumitat responsabbli jkollu jqiegħed fuq il-Mejda rapport ġdid fi żmien sitt xhur, li jkun jinkludi proposta ġdida biex tingħata jew tiċċaħħad il-kwittanza. F'dan il-każ, l-għeluq tal-kontijiet jiġi pospost ukoll u jkollu jerġa' jitqiegħed fuq il-Mejda mar-rapport il-ġdid.

Jekk proposta għad-differiment tad-deċiżjoni dwar il-kwittanza ma tiksibx il-maġġoranza, il-kwittanza titqies bħala mogħtija. F'dan il-każ, id-deċiżjoni tkun tikkostitwixxi wkoll l-għeluq tal-kontijiet. Il-mozzjoni għal riżoluzzjoni xorta jista' jittieħed vot fuqha.

2.   Votazzjoni fis-sessjoni parzjali ta' Ottubru

Fit-tieni fażi, ir-rapport għall-kwittanza għandu jipproponi li tingħata jew tiċċaħħad il-kwittanza.

(a) Jekk proposta għall-għoti tal-kwittanza tikseb il-maġġoranza tal-voti, il-kwittanza tingħata. Fl-istess ħin dan ikun jikkostitwixxi l-għeluq tal-kontijiet.

Jekk proposta għall-għoti tal-kwittanza ma tiksibx il-maġġoranza tal-voti, il-kwittanza titqies li ġiet miċħuda. Għandha tiġi ppreżentata proposta formali għall-għeluq tal-kontijiet għas-sena finanzjarja kkonċernata fis-sessjoni parzjali ta' wara, li fiha l-Kummissjoni tiġi mistiedna tagħmel dikjarazzjoni.

(b) Jekk proposta sabiex tiġi miċħuda l-kwittanza tikseb il-maġġoranza tal-voti, għandha tiġi ppreżentata proposta formali għall-għeluq tal-kontijiet għas-sena finanzjarja kkonċernata fis-sessjoni parzjali ta' wara, li fiha l-Kummissjoni tiġi mistiedna tagħmel dikjarazzjoni.

Jekk proposta sabiex tiġi miċħuda l-kwittanza ma tiksibx il-maġġoranza tal-voti, il-kwittanza titqies bħala mogħtija. F'dan il-każ, id-deċiżjoni tkun tikkostitwixxi wkoll l-għeluq tal-kontijiet. Il-mozzjoni għal riżoluzzjoni xorta jista' jittieħed vot fuqha.

3.   Jekk il-mozzjoni għal riżoluzzjoni jew il-proposta għall-għeluq tal-kontijiet ikunu jinkludu dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-vot tal-Parlament dwar il-kwittanza, il-President, wara li jkun ikkonsulta lill-president tal-kumitat responsabbli, jista' jipposponi l-votazzjoni u jistabbilixxi data ta' skadenza ġdida biex jitqiegħdu emendi fuq il-Mejda.

Artikolu 6 : Implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-kwittanza

1.   Il-President għandu jgħaddi kull deċiżjoni jew riżoluzzjoni tal-Parlament, adottati skont l-Artikolu 3, lill-Kummissjoni u lil kull waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra. Huwa għandu jieħu ħsieb li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-serje riżervata għall-atti ta' xorta leġiżlattiva.

2.   Il-kumitat responsabbli għandu jagħmel rapport lill-Parlament mhux anqas minn darba fis-sena dwar il-miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet dwar il-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta' kwittanza u l-kummenti l-oħra li jinsabu fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament u li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-infiq.

3.   Abbażi ta' rapport mill-kumitat responsabbli għall-kontroll tal-baġit, il-President, f'isem il-Parlament, jista' jiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra l-istituzzjoni kkonċernata skont l-Artikolu 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għal nuqqas ta' osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni dwar il-kwittanza jew ir-riżoluzzjonijiet l-oħra li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-infiq.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Jannar 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza