Artikolu 222 : Seduti ta' smigħ pubbliku u dibattiti dwar inizjattivi taċ-ċittadini
1. Meta l-Kummissjoni tkun ippubblikat l-avviż dwar inizjattiva taċ-ċittadini fir-reġistru rilevanti skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(1), il-President tal-Parlament Ewropew, fuq proposta mill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati:
(a) għandu jagħti l-kompitu lill-kumitat responsabbli għas-suġġett skont l-Anness VI biex jorganizza s-smigħ pubbliku stipulat fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2019/788; il-kumitat responsabbli għall-petizzjonijiet għandu jkun awtomatikament assoċjat skont l-Artikolu 57 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura;
(b) jista', meta żewġ inizjattivi taċ-ċittadini jew aktar li fir-rigward tagħhom ikunu ġew ippubblikati l-avviżi fir-reġistru rilevanti skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2019/788, ikollhom suġġett simili, jiddeċiedi, wara li jikkonsulta lill-organizzaturi, li jiġi organizzat smigħ pubbliku konġunt fejn jiġu indirizzati l-inizjattivi taċ-ċittadini kollha fuq l-istess livell.
2. Il-kumitat responsabbli għas-suġġett:
(a) għandu jiżgura li l-Kummissjoni tirċievi lill-grupp ta' organizzaturi fil-livell xieraq skont l-Artikolu 15(1), tar-Regolament (UE) 2019/788;
(b) għandu jiżgura, jekk ikun hemm bżonn bl-appoġġ tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li l-Kummissjoni tipparteċipa kif xieraq fl-organizzazzjoni tas-smigħ pubbliku u li, f'din l-okkażjoni, tkun rappreżentata fil-livell xieraq.
3. Il-President tal-kumitat responsabbli għas-suġġett għandu jagħżel id-data għas-smigħ pubbliku fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni tal-inizjattiva lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2019/788.
4. Il-kumitat responsabbli għas-suġġett għandu jorganizza s-smigħ pubbliku fil-Parlament, jekk ikun il-każ flimkien mal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħrajn tal-Unjoni li juru x-xewqa li jipparteċipaw. Jista' jistieden lil partijiet interessati oħrajn biex jattendu.
Il-kumitat responsabbli għas-suġġett għandu jistieden lil grupp rappreżentattiv tal-organizzaturi, inkluża tal-anqas waħda mill-persuni ta' kuntatt imsemmija fl-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/788, biex tippreżenta l-inizjattiva fis-seduta ta' smigħ.
5. Il-Bureau għandu, skont l-arranġamenti maqbulha mal-Kummissjoni, jadotta regoli dwar ir-rimborż ta' spejjeż imġarrba.
6. Il-President tal-Parlament u l-president tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati jistgħu jiddelegaw is-setgħat tagħhom fil-qafas ta' dan l-Artikolu lil Viċi President jew president ieħor ta' kumitat rispettivament.
7. Jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 57 jew fl-Artikolu 58, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll
mutatis mutandis għal kumitati oħrajn. L-Artikoli 210 u 211 għandhom japplikaw ukoll.
L-Artikolu 25(9) ma għandux japplika għas-seduti ta' smigħ pubbliku dwar inizjattivi taċ-ċittadini.
8. Il-Parlament għandu jorganizza dibattitu dwar inizjattiva taċ-ċittadini li fir-rigward tagħha jkun ġie ppubblikat avviż fir-reġistru rilevanti skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2019/788, f'sessjoni parzjali wara s-seduta ta' smigħ pubbliku u għandu, meta jqiegħed id-dibattitu fuq l-aġenda tiegħu, jiddeċiedi jekk jagħlaqx id-dibattitu b'riżoluzzjoni jew le. M'għandux jagħlaq id-dibattitu b'riżoluzzjoni jekk rapport fuq l-istess suġġett jew suġġett simili huwa skedat għall-istess seduta parzjali jew f'dik ta' wara, ħlief jekk il-President, għal raġunijiet eċċezzjonali, jipproponi mod ieħor. Jekk il-Parlament jiddeċiedi li jagħlaq id-dibattitu b'riżoluzzjoni, il-kumitat responsabbli jew grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx jistgħu jqiegħdu fuq il-Mejda mozzjoni għal riżoluzzjoni. L-Artikolu 132(3) sa (8) rigward it-tqegħid fuq il-Mejda ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet u l-votazzjoni fuqhom għandu japplika
mutatis mutandis.
9. Wara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar inizjattiva taċ-ċittadini speċifika, il-Parlament għandu jivvaluta l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni bħala riżultat ta' tali komunikazzjoni. Fil-każ li l-Kummissjoni tonqos milli tippreżenta proposta xierqa dwar inizjattiva taċ-ċittadini, il-kumitat responsabbli għas-suġġett jista' jorganizza seduta ta' smigħ b'konsultazzjoni mal-organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini. Barra minn hekk, il-Parlament jista' jiddeċiedi jekk jorganizzax dibattitu plenarju u jekk jagħlaqx dan id-dibattitu b'riżoluzzjoni. Il-proċedura msemmija fil-paragrafu 8 għandha tapplika mutatis mutandis. Il-Parlament jista' wkoll jiddeċiedi li jeżerċita d-dritt mogħti lilu mill-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'hekk jattiva l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 47.
Ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55).