TITOLU V : RELAZZJONIJIET MA’ ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRA
KAPITOLU 3 : MISTOQSIJIET PARLAMENTARI
Artikolu 136 : Mistoqsijiet għal tweġiba orali b'dibattitu
1. Jistgħu jsiru mistoqsijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni jew lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà minn kumitat, minn grupp politiku jew minn għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx, flimkien ma’ talba biex il-mistoqsijiet jidħlu fl-aġenda tal-Parlament.
Tali mistoqsijiet għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub lill-President. Il-President għandu jgħaddihom minnufih lill-Konferenza tal-Presidenti.
Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tiddeċiedi jekk il-mistoqsijiet għandhomx jitqiegħdu fl-abbozz ta' aġenda skont l-Artikolu 157. Il-mistoqsijiet li ma jitqegħdux fl-abbozz ta' aġenda tal-Parlament fi żmien tliet xhur minn meta jkunu ġew ippreżentati jiskadu.
2. Il-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandhom jintbagħtu lid-destinatarju mhux anqas minn ġimgħa qabel is-seduta li fl-aġenda tagħha għandhom jidhru dawn il-mistoqsijiet, u l-mistoqsijiet lill-Kunsill għandhom jintbagħtu mhux anqas minn tliet ġimgħat qabel dik id-data.
3. Fejn il-mistoqsijiet ikollhom x'jaqsmu mal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, il-limiti ta' żmien stipulati fil-paragrafu 2 m'għandhomx japplikaw, u t-tweġiba trid tingħata kemm jista' jkun malajr sabiex il-Parlament jinżamm infurmat tajjeb.
4. Membru maħtur minn qabel mill-interpellanti għandu jiżviluppa l-mistoqsija fil-Parlament. Jekk dak il-Membru ma jkunx preżenti, il-mistoqsija għandha taqa'. Id-destinatarju għandu jwieġeb.
5. L-Artikolu 132(2) sa (8) rigward it-tqegħid fuq il-Mejda ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet u l-votazzjoni fuqhom għandu japplika
mutatis mutandis.