1. Kwalunkwe Membru jista' jagħti spjegazzjoni bil-fomm ta' mhux iżjed minn minuta dwar il-votazzjoni waħdanija u/jew aħħarija dwar punt sottomess lill-Parlament. Tali spjegazzjonijiet tal-vot għandhom jingħataw fi tmiem is-seduta li matulha tkun saret il-votazzjoni kkonċernata, sakemm ma titteħidx, fuq bażi eċċezzjonali, id-deċiżjoni mill-President li dawn jiġu posposti għal aktar tard fis-sessjoni parzjali. Kull Membru jista' jagħti mhux aktar minn tliet spjegazzjonijiet tal-voti orali f'kull sessjoni parzjali.
Kwalunkwe Membru jista' jagħti, rigward tali vot, spjegazzjoni tal-vot bil-miktub ta' mhux iżjed minn 200 kelma li għandha tiġi inkluża fil-paġna tal-Membri fuq il-websajt tal-Parlament.
Kwalunkwe grupp politiku jista' jagħti spjegazzjoni tal-vot li ma ddumx aktar minn żewġ minuti.
Ma jintlaqgħux iżjed talbiet għal spjegazzjoni tal-vot malli tibda l-ewwel spjegazzjoni tal-vot fuq l-ewwel punt.
Spjegazzjonijiet tal-vot huma ammissibbli fil-każ ta' votazzjoni waħdanija u/jew aħħarija fuq kwalunkwe punt imressaq quddiem il-Parlament. Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu l-espressjoni "votazzjoni aħħarija" ma tirreferix għat-tip ta' votazzjoni, imma tfisser l-aħħar votazzjoni fuq kwalunkwe suġġett.
2. L-ispjegazzjonijiet tal-vot m'humiex ammissibbli fil-każ ta' votazzjonijiet sigrieti jew votazzjonijiet dwar affarijiet proċedurali.
3. Meta punt ikun ġie inkluż fl-aġenda tal-Parlament mingħajr emendi jew mingħajr dibattitu, il-Membri jistgħu jressqu biss spjegazzjonijiet tal-vot bil-miktub skont il-paragrafu 1.
L-ispjegazzjonijiet tal-vot, sew orali u sew bil-miktub, irid ikollhom relevanza diretta għall-punt preżentat lill-Parlament.