Il-verżjoni li se tidħol fis-seħħ fis-16 ta' Lulju 2024
TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 2 : PROĊEDURI FIL-KUMITAT
Artikolu 56 : Opinjonijiet ta' kumitati
1. Jekk il-kumitat li lilu tkun ġiet riferuta għall-ewwel darba l-mistoqsija jkun jixtieq li jisma' l-fehmiet ta' kumitat ieħor, jew jekk kumitat ieħor ikun jixtieq jagħti l-fehmiet tiegħu lill-kumitat li lilu tkun ġiet riferuta għall-ewwel darba l-mistoqsija, dawn il-kumitati jistgħu jitolbu lill-President tal-Parlament biex, skont l-Artikolu 210(2), wieħed mill-kumitati jiġi nominat bħala l-kumitat responsabbli u l-ieħor bħala l-kumitat għal opinjoni.
Il-kumitat li jintalab jagħti opinjoni jista' jaħtar rapporteur għal opinjoni minn fost il-membri jew is-sostituti permanenti tiegħu jew jibgħat il-fehmiet tiegħu fil-forma ta' ittra mill-president tiegħu.
2. Meta l-opinjoni tikkonċerna proposta għal att legalment vinkolanti, hija għandha tkun tikkonsisti f'emendi għat-test li jkun ġie riferut lill-kumitat flimkien ma', jekk ikun il-każ, ġustifikazzjonijiet qosra. Dawn il-ġustifikazzjonijiet għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-awtur tagħhom u m'għandux jittieħed vot fuqhom. Jekk ikun meħtieġ, il-kumitat għal opinjoni jista' jippreżenta ġustifikazzjoni qasira bil-miktub għall-opinjoni sħiħa. Dik il-ġustifikazzjoni qasira bil-miktub għandha tkun ir-responsabbiltà tar-rapporteur għal opinjoni.
Meta l-opinjoni ma tkunx tikkonċerna proposta għal att legalment vinkolanti, hija għandha tkun tikkonsisti f'suġġerimenti li jolqtu partijiet mill-mozzjoni għal riżoluzzjoni ppreżentata mill-kumitat responsabbli.
Il-kumitat responsabbli għandu jivvota fuq dawn l-emendi jew suġġerimenti.
L-opinjonijiet għandhom ikunu biss dwar dawk il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta' responsabbiltà tal-kumitat għal opinjoni.
3. Il-kumitat responsabbli għandu jistabbilixxi skadenza sa meta l-kumitat għal opinjoni jeħtieġlu jagħti l-opinjoni tiegħu, biex din tiġi kkunsidrata mill-kumitat responsabbli. Kwalunkwe tibdil fil-programm imħabbar għandu jkun ikkomunikat minnufih mill-kumitat responsabbli lill-kumitat jew kumitati għal opinjoni li jintalbu jagħtu opinjoni. Il-kumitat responsabbli m'għandux jasal għall-konklużjonijiet aħħarin tiegħu qabel ma jkun skada dak iż-żmien.
4. B'mod alternattiv, il-kumitat li jintalab jagħti opinjoni jista' jiddeċiedi li jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu fil-forma ta' emendi li għandhom jitqiegħdu fuq il-Mejda direttament fil-kumitat responsabbli wara li jkunu ġew adottati. Dawn l-emendi għandhom jitqiegħdu fuq il-Mejda mill-president jew mir-rapporteur f'isem il-kumitat għal opinjoni.
5. Il-kumitat li jintalab jagħti opinjoni għandu jqiegħed fuq il-Mejda l-emendi msemmija fil-paragrafu 4 sal-iskadenza biex l-emendi jitqiegħdu fuq il-Mejda stabbilita mill-kumitat responsabbli.
6. L-opinjonijiet u l-emendi kollha adottati mill-kumitat li jintalab jagħti opinjoni għandhom ikunu annessi mar-rapport tal-kumitat responsabbli.
7. Il-kumitati li jintalbu jagħtu opinjonijiet skont dan l-Artikolu ma jistgħux iqiegħdu emendi fuq il-Mejda biex jiġu eżaminati mill-Parlament.
8. Il-president u r-rapporteur tal-kumitat għal opinjoni li jintalab jagħti opinjoni għandhom ikunu mistiedna jieħdu sehem f'kapaċità konsultattiva fil-laqgħat tal-kumitat responsabbli, sa fejn dawn il-laqgħat ikunu dwar il-kwistjoni ta' interess komuni.