Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2024 dwar il-ħtieġa tal-appoġġ kontinwu tal-UE għall-Ukrajna (2024/2721(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u dwar ir-Russja, b’mod partikolari dawk adottati mill-bidu tal-okkupazzjoni tal-Peniżola tal-Krimea fis-27 ta’ Frar 2014 u l-eskalazzjoni tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 167(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi r-Russja ilha twettaq gwerra ta’ aggressjoni fuq skala kbira illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022, u b’hekk kompliet dak li bdiet fl-2014 bl-annessjoni tal-Krimea u l-okkupazzjoni sussegwenti ta’ partijiet tar-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk;
B. billi l-Ukrajna u ċ-ċittadini tagħha wrew determinazzjoni soda fid-difiża b’suċċess ta’ pajjiżhom, minkejja li dan swiehom għadd kbir ta’ vittmi ċivili u militari; billi r-Russja qed twettaq intenzjonalment atroċitajiet fuq skala kbira u sistematiċi fit-territorji okkupati, filwaqt li qed tattakka b’mod indiskriminat żoni residenzjali u infrastruttura ċivili, bl-aktar eżempju reċenti ta’ dan ikun l-attakk bil-bombi fuq l-isptar tat-tfal ta’ Ohmatdyt; billi miljuni ta’ Ukreni għadhom spostati kemm ġewwa kif ukoll barra l-Ukrajna, wara li ħarbu mill-aggressjoni tar-Russja; billi din l-imġiba inumana mill-forzi Russi u mill-proxies tagħhom tikkostitwixxi delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;
C. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha s’issa kkontribwew madwar EUR 108 biljun f’assistenza finanzjarja, umanitarja, għar-rifuġjati u militari lill-Ukrajna, inkluż madwar EUR 39 biljun f’għajnuna militari b’ EUR 21 biljun oħra għandhom jiġu allegatament allokati sal-2025; billi l-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine), ħarrġet aktar minn 55 000 membru tal-Forzi Armati Ukreni kemm f’taħriġ dwar l-armi kombinati kif ukoll f’taħriġ speċjalizzat; billi n-NATO se tiżgura kontribuzzjoni finanzjarja annwali lejn l-Ukrajna ta’ EUR 40 biljun;
D. billi l-UE nediet uffiċjalment in-negozjati tal-adeżjoni u organizzat l-ewwel konferenzi intergovernattivi tagħha mal-Ukrajna u l-Moldova fil-25 ta’ Ġunju 2024;
E. billi Viktor Orbán, il-Prim Ministru tal-Ungerija, il-pajjiż li bħalissa huwa fil-presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill, għamel żjara mhux koordinata u sorprendenti fil-Federazzjoni Russa u fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fil-5 u fit-8 ta’ Lulju 2024 rispettivament; billi dawn il-laqgħat ma ġew approvati minn ebda istituzzjoni tal-UE jew Stat Membru;
1. Jafferma mill-ġdid il-pożizzjonijiet tiegħu dwar l-appoġġ kontinwu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u l-impenn sod tal-UE li tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku sakemm ikun meħtieġ biex tiġi żgurata r-rebħa tal-Ukrajna; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu b’mod attiv biex iżommu u jiksbu l-usa’ appoġġ internazzjonali possibbli għall-Ukrajna;
2. Itenni li l-Ukrajna, bħala vittma ta’ aggressjoni, għandha d-dritt leġittimu għall-awtodifiża f’konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; ifakkar li l-assistenza militari sinifikanti, għalkemm għadha mhijiex biżżejjed, ipprovduta mill-UE, mill-Istati Uniti u minn sħab tal-istess fehma hija mfassla biex tippermetti lill-Ukrajna tiddefendi lilha nnifisha b’mod effettiv kontra stat aggressur u tistabbilixxi mill-ġdid kontroll sħiħ fuq it-territorju kollu tagħha rikonoxxut internazzjonalment;
3. Jilqa’ n-negozjati ta’ adeżjoni mal-UE mal-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova li tnedew dan l-aħħar; jemmen li l-integrazzjoni kostanti tagħhom fl-UE tirrappreżenta opportunità ġeostrateġika u demokratika u investiment f’Ewropa magħquda u b’saħħitha; ifakkar li l-adeżjoni mal-UE hija proċess strettament ibbażat fuq il-mertu li jirrikjedi l-issodisfar tal-kriterji għas-sħubija fl-UE, inklużi dawk li jikkonċernaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-valuri fundamentali u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; ifakkar li l-proċess ta’ adeżjoni jirrikjedi assistenza finanzjarja u teknika adegwata tal-UE;
4. Jikkundanna ż-żjara reċenti tal-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán fil-Federazzjoni Russa; jisħaq li matul din iż-żjara, huwa ma rrappreżentax lill-UE, u jqis li ż-żjara hija ksur sfaċċat tat-Trattati u tal-politika barranija komuni tal-UE, inkluż tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali; jissottolinja li l-Prim Ministru Ungeriż ma jistax jiddikjara li jirrappreżenta lill-UE meta jikser il-pożizzjonijiet komuni tal-UE; iqis li dan il-ksur għandu jiġi indirizzat b’riperkussjonijiet għall-Ungerija; ifakkar li immedjatament wara l-hekk imsejħa missjoni ta’ paċi tal-Prim Ministru Ungeriż, ir-Russja attakkat l-isptar tat-tfal Ohmatdyt fi Kiev, li jura l-irrilevanza tal-allegati sforzi tiegħu, liema sforzi ntlaqgħu b’xettiċiżmu mit-tmexxija Ukrena; itenni l-appoġġ tiegħu għall-formula ta’ paċi ppreżentata mill-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskyy; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Ungerija abbużat mis-setgħa ta’ veto tagħha fil-Kunsill, u b’hekk ippreveniet li tingħata għajnuna essenzjali lill-Ukrajna; iħeġġeġ lill-Ungerija tneħħi l-imblokk tagħha tal-finanzjament tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi għall-Ukrajna, inkluż ir-rimborż maqbul għall-Istati Membri għall-assistenza militari diġà mogħtija;
5. Ifakkar li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna hija parti minn sett usa’ ta’ objettivi kontra l-Punent, kontra d-demokrazija u l-valuri tagħna; jilqa’ l-eżitu tas-Summit tan-NATO u jtenni l-fehma tiegħu li l-Ukrajna tinsab fi triq irriversibbli lejn is-sħubija fin-NATO; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ militari tagħhom lill-Ukrajna sakemm ikun meħtieġ u fi kwalunkwe forma meħtieġa; itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu li l-Istati Membri kollha tal-UE u l-alleati tan-NATO għandhom jimpenjaw ruħhom b’mod kollettiv u individwali li jappoġġjaw lill-Ukrajna b’mod militari b’mhux inqas minn 0,25 % tal-PDG tagħhom kull sena; jistieden lill-Istati Membri jespandu aktar l-operazzjonijiet ta’ taħriġ għall-Forzi Armati Ukreni bħall-EUMAM Ukraine, bil-ħsieb li jkomplu jżidu l-kapaċitajiet operazzjonali tagħhom; jissottolinja li twassil insuffiċjenti jew imdewwem ta’ armi u munizzjon jirriskja li jelimina l-isforzi li saru s’issa u għalhekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu b’mod sostanzjali u jaċċeleraw b’mod sinifikanti l-appoġġ militari tagħhom u jagħtu spinta lill-kapaċità tal-industriji militari tagħhom; jirrakkomanda bil-qawwa li jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-sistemi tal-armi tal-Punent ikkonsenjati lill-Ukrajna kontra miri militari fit-territorju Russu; jilqa’ d-deċiżjoni tan-NATO li tiggarantixxi provvisti militari b’valur ta’ mill-inqas EUR 40 biljun fil-futur qrib;
6. Jikkundanna l-attakk barbariku reċenti fuq l-isptar tat-tfal Ohmatdyt fi Kiev; jesprimi s-solidarjetà sħiħa u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; ifakkar fl-okkorrenzi dokumentati ta’ tortura, stupru u ħtif tat-tfal; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw b’mod attiv l-isforzi biex jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont għad-delitti tal-gwerra fi ħdan il-qrati u l-istituzzjonijiet internazzjonali eżistenti, kif ukoll għad-delitt ta’ aggressjoni, permezz tal-istabbiliment ta’ tribunal internazzjonali speċjali, fost metodi oħra; itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li r-Russja jeħtiġilha tipprovdi kumpens finanzjarju għall-ħsara enormi li kkawżat fl-Ukrajna; jilqa’, għaldaqstant, id-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill li jidderieġi dħul straordinarju li jirriżulta minn assi Russi immobilizzati biex jappoġġja l-isforz tal-gwerra tal-Ukrajna, kif ukoll id-deċiżjoni tal-G7 li joffri lill-Ukrajna self ta’ USD 50 biljun garantit permezz ta’ assi statali Russi immobilizzati; jappella lill-UE tistabbilixxi reġim legali sod għall-konfiska tal-assi Russi li huma proprjetà tal-istat iffriżati mill-UE;
7. Jikkundanna l-għadd dejjem jikber ta’ attakki ibridi mwettqa mir-Russja kontra l-UE u l-Istati Membri tagħha bl-għan li jiddgħajjef l-appoġġ Ewropew għall-Ukrajna bl-użu ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni, tentattivi ta’ destabbilizzazzjoni moħbija u korruzzjoni ta’ personalitajiet politiċi; jinsab ixxukkjat bir-rapporti li r-Russja kienet qed tikkonfoffa attentat ta’ qtil kontra s-CEO ta’ kumpanija tad-difiża Ewropea;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi assistenza finanzjarja fit-tul għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tal-Faċilità tal-Ukrajna li għadha kif ġiet stabbilita;
9. Jistieden lill-Kunsill iżomm u jestendi l-politika ta’ sanzjonijiet tiegħu kontra r-Russja u l-Belarussja, filwaqt li jimmonitorja, jirrieżamina u jsaħħaħ l-effettività u l-impatt tagħha; jistieden lill-Kunsill jindirizza b’mod sistematiku l-kwistjoni ta’ ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet minn kumpaniji bbażati fl-UE, partijiet terzi u stati terzi, u jadotta u jimplimenta b’mod strett miżuri restrittivi kontra l-entitajiet kollha li jaġevolaw iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet u li jipprovdu lill-kumpless militari Russu teknoloġiji u tagħmir militari u ta’ użu doppju;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Moldova, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-awtoritajiet Russi.