Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2024/2804(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B10-0026/2024

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/09/2024 - 7.2
CRE 19/09/2024 - 7.2

Testi adottati :

P10_TA(2024)0009

Testi adottati
PDF 124kWORD 44k
Il-Ħamis, 19 ta' Settembru 2024 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni gravi tal-priġunieri politiċi fil-Belarussja
P10_TA(2024)0009RC-B10-0026/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2024 dwar is-sitwazzjoni gravi tal-priġunieri politiċi fil-Belarussja (2024/2804(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-diversi riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja minn Awwissu 2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 150(5) u 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi r-reġim ta’ Lukashenka ilu mill-elezzjoni presidenzjali frawdolenti tad-9 ta’ Awwissu 2020 irażżan b’mod sistematiku lill-attivisti politiċi, lis-soċjetà ċivili, lill-media, lit-trade unions u lid-dissidenti kollha u lid-difensuri tagħhom, u arbitrarjament żamm għexieren ta’ eluf ta’ persuni;

B.  billi Lukashenka ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali tal-2025 għas-seba’ mandat;

C.  billi ħafna mill-1 350 priġunier politiku fil-Belarussja huma soġġetti għal kundizzjonijiet ta’ theddida għal ħajjithom u bosta mietu fil-ħabs;

1.  Jitlob li l-awtoritajiet Belarussi jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi kollha u lill-persuni kollha detenuti b’mod arbitrarju;

2.  Jesprimi tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni ta’ ħafna priġunieri politiċi, inklużi Maria Kalesnikava, Siarhei Tsikhanouski, Mikalai Statkevich, Ales Bialiatski, Maksim Znak, Viktar Babaryka, Ihar Losik, Palina Szarenda-Panasiuk, Pavel Seviarynets, Aliaksandr Yarashuk, Mikita Zalatarou u Yana Pinchuk, li ħafna minnhom ilhom jinżammu f’iżolament għal xhur jew snin, jiffaċċjaw problemi serji ta’ saħħa, bħal Maria Kalesnikava u Andrzej Poczobut, u huma soġġetti għal iżolament, trattament ħażin u tortura;

3.  Jiddispjaċih li l-priġunieri politiċi Belarussi ma setgħux jibbenefikaw mill-isforzi reċenti biex jinħelsu l-priġunieri politiċi u ċ-ċittadini tal-Punent fir-Russja u fil-Belarussja; jappella għal sforzi intensifikati biex dawn jinħelsu;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem tad-detenuti, jipprovdu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tagħhom, jipprovdu t-trattament mediku meħtieġ u jippermettu aċċess għall-avukati, għall-membri tal-familja u għall-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar;

5.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw lill-priġunieri politiċi u lill-familji tagħhom billi jitolbu, f’kull opportunità, il-ħelsien immedjat tagħhom, isejħu lill-ambaxxaturi tar-reġim biex jitolbu prova tal-kundizzjoni u l-post tagħhom, jissimplifikaw il-proċeduri għall-kisba ta’ viżi u dokumenti ta’ identifikazzjoni proviżorja għal dawk li qed jaħarbu mill-Belarussja, u jipprovdu riabilitazzjoni, u appoġġ prattiku u finanzjarju;

6.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwessgħu u jsaħħu s-sanzjonijiet kontra l-individwi u l-entitajiet responsabbli għar-repressjoni fil-Belarussja;

7.  Jesprimi tħassib dwar il-persekuzzjoni fl-eżilju, eż. l-abbuż tal-mandati ta’ arrest tal-Interpol biex tinkiseb l-estradizzjoni ta’ avversarji politiċi minn pajjiżi mhux tal-UE; jistieden lis-Serbja żżomm lura milli testradixxi lill-ġurnalist Belarussu Andrei Hnyot u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimmonitorjaw il-każ tiegħu; jesprimi tħassib dwar it-300 000 Belarussu li ġew imġiegħla jitilqu mill-Belarussja mill-2020 u jiffaċċjaw persekuzzjoni politika barra mill-pajjiż;

8.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu biex ir-reġim ta’ Lukashenka jinżamm responsabbli għar-reati tiegħu u japplikaw il-prinċipju ta’ ġuriżdizzjoni universali;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tas-Serbja, lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lir-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi Belarussi u lill-awtoritajiet de facto tar-Repubblika tal-Belarussja.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Novembru 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza