Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2024 dwar l-appoġġ finanzjarju u militari kontinwu lill-Ukrajna mill-Istati Membri tal-UE (2024/2799(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja mill-1 ta’ Marzu 2022 ’l hawn, b’mod partikolari dik tas-17 ta’ Lulju 2024 dwar il-ħtieġa tal-appoġġ kontinwu tal-UE għall-Ukrajna(1),
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjonijiet ta’ The Hague, il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom, u l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-14 ta’ Frar 2024 tal-Bank Dinji, tal-Gvern tal-Ukrajna, tal-Kummissjoni Ewropea u tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu “Ukraine - Third Rapid Damage and Needs Assessment (RDNA3) February 2022 – December 2023” (L-Ukrajna - It-Tielet Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet (RDNA3) Frar 2022 – Diċembru 2023),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u d-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Appoġġ għall-Ukrajna tat-12 ta’ Lulju 2023,
– wara li kkunsidra l-impenji konġunti ta’ sigurtà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna tas-27 ta’ Ġunju 2024,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-ministri għall-affarijiet barranin ta’ Franza, tal-Ġermanja u tar-Renju Unit tal-10 ta’ Settembru 2024 dwar it-trasferiment ta’ missili ballistiċi mill-Iran lejn ir-Russja,
– wara li kkunsidra l-Kunċett Strateġiku tan-NATO tal-2022,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi r-Russja ilha mill-24 ta’ Frar 2022 tmexxi gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux provokata u inġustifikata kontra l-Ukrajna, b’kontinwazzjoni ta’ aggressjonijiet preċedenti imwettqa mill-2014, inkluża l-annessjoni tal-Krimea u l-okkupazzjoni sussegwenti ta’ partijiet mir-reġjuni ta’ Donesk u ta’ Luhansk, u qed tkompli tikser b’mod persistenti l-prinċipji tal-Karta tan-NU permezz tal-aggressjonijiet tagħha kontra s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u tikser b’mod sfaċċat u gravi d-dritt umanitarju internazzjonali, kif stabbilit mill-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949;
B. billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fir-riżoluzzjoni tagħha tat-2 ta’ Marzu 2022, ikkwalifikat immedjatament il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna bħala att ta’ aggressjoni bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, u, fir-riżoluzzjoni tagħha tal-14 ta’ Novembru 2022, irrikonoxxiet il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tinżamm responsabbli għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha u legalment u finanzjarjament responsabbli għall-atti illegali tagħha fuq livell internazzjonali, inkluż permezz ta’ reparazzjonijiet għall-ħsarat u d-danni kkawżati;
C. billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ħarġet diversi mandati ta’ arrest għal uffiċjali Russi responsabbli għad-delitti tal-gwerra billi dderieġu l-attakki fuq oġġetti ċivili, iddeportaw b’mod illegali l-popolazzjoni u ttrasferew b’mod illegali l-popolazzjoni minn żoni okkupati tal-Ukrajna lejn il-Federazzjoni Russa, għad-detriment tat-tfal Ukreni; billi f’Settembru 2024, il-Mongolja naqset milli teżegwixxi l-mandat ta’ arrest tal-QKI kontra Vladimir Putin;
D. billi l-Ukrajna u ċ-ċittadini tagħha wrew determinazzjoni soda fid-difiża b’suċċess ta’ pajjiżhom, minkejja li dan swielhom għadd kbir ta’ vittmi ċivili u militari; billi l-forzi tar-Russja qed ikomplu jwettqu attakki sistematiċi u indiskriminati kontra żoni residenzjali u infrastruttura ċivili fl-Ukrajna, li rriżultaw fil-mewt ta’ eluf ta’ ċivili Ukreni, id-deportazzjonijiet furzati u l-għajbien furzat, inkluż ta’ tfal, flimkien mal-priġunerija illegali u t-tortura ta’ ċittadini Ukreni, l-eżekuzzjoni ta’ ċivili, suldati u priġunieri tal-gwerra, u atti ta’ terroriżmu fil-pajjiż kollu, inkluż l-użu ta’ vjolenza sesswali u stupru tal-massa bħala arma tal-gwerra; billi miljuni ta’ Ukreni qed jibqgħu jiġu spostati ġewwa u barra mill-Ukrajna, wara li ħarbu mill-aggressjoni tar-Russja;
E. billi r-Russja ilha mill-24 ta’ Awwissu 2024 twettaq l-aktar kampanja intensa tagħha s’issa ta’ bumbardament mill-ajru kontra l-Ukrajna, u varat għadd kbir ta’ missili ballistiċi, glide bombs, droni u armi oħra kontra Kharkiv, Kiev, Poltava, Sumy, Odesa u Lviv, fejn attakk reċenti bid-droni u bil-missili qatel seba’ persuni ċivili 70 km biss mill-fruntiera Pollakka; billi r-Russja effettivament għamlet ħsara jew qerdet sa 80 % tal-infrastruttura tal-enerġija tal-pajjiż, u dan jista’ joħloq kriżi umanitarja gravi fl-Ukrajna matul ix-xhur tax-xitwa li ġejjin; billi tali attakki sistematiċi jikkostitwixxu delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali;
F. billi l-President Ukren, Volodymyr Zelenskyy, ħabbar li, fit-12 ta’ Settembru 2024, missila Russa kienet laqtet bastiment tal-merkanzija li kien qed iġorr il-qamħ fil-Baħar l-Iswed fi triqtu lejn l-Eġittu u b’hekk is-sigurtà tal-ikel reġgħet saret bersall; billi d-droni u l-missili Russi mmirati lejn l-Ukrajna qed jiksru dejjem aktar l-ispazju tal-ajru tal-UE u tan-NATO u b’hekk qed ipoġġu f’riskju liċ-ċittadini li jinsabu fir-reġjuni tal-Lvant tagħna;
G. billi s-sitwazzjoni umanitarja fl-Ukrajna, speċjalment qrib il-kampijiet tal-battalji, saret aktar u aktar kritika; billi, skont in-NU, l-attakki Russi reċenti fuq l-infrastruttura ċivili kritika ħallew għexieren ta’ eluf ta’ Ukreni mingħajr servizzi essenzjali u aktar minn 14,6-il miljun persuna, madwar 40 % tal-popolazzjoni Ukrena, se jkollhom bżonn għajnuna umanitarja fl-2024; billi l-ostilitajiet intensifikati fl-oblast ta’ Kharkiv f’Mejju kkawżaw ukoll l-akbar spostament fl-Ukrajna mill-2023 ’il hawn; billi, minħabba nuqqas ta’ finanzjament, in-NU tirrapporta li l-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja bħalissa mhumiex kapaċi jissodisfaw bis-sħiħ il-ħtiġijiet kritiċi fil-pajjiż; billi, jekk il-kunflitt jittawwal, il-ħtiġijiet urġenti se jippersistu u jiggravaw fix-xhur li ġejjin; billi l-qerda tal-infrastruttura fl-Ukrajna qed ikollha konsegwenzi diżastrużi għas-saħħa tan-nisa, li spiss huma dawk li qed jagħmlu x-xogħol ta’ infermiera, dak mediku u dak tal-indukrar;
H. billi l-Gvern Ungeriż ħareġ digriet bi ksur tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja(3), li jikkanċella l-kenn iffinanzjat mill-Istat għar-rifuġjati mill-Punent tal-Ukrajna, u ħalla lil ħafna, il-maġġoranza tagħhom nisa u tfal, mingħajr dar;
I. billi l-aħħar stima fil-Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet (RDNA3) konġunta maħruġa mill-Gvern tal-Ukrajna, mill-Grupp tal-Bank Dinji, mill-Kummissjoni u min-Nazzjonijiet Uniti hija li mill-31 ta’ Diċembru 2023 il-kost totali tar-rikostruzzjoni u l-irkupru fl-Ukrajna se jammonta għal mill-anqas USD 486 biljun matul id-deċennju li jmiss, żieda mill-USD 411-il biljun stmat sena ilu;
J. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha s’issa taw aktar minn EUR 100 biljun f’assistenza finanzjarja, umanitarja, għar-rifuġjati u militari lill-Ukrajna; billi l-UE pprovdiet aktar minn EUR 25 biljun f’appoġġ makrofinanzjarju lill-Ukrajna fl-2022 u fl-2023 u stabbiliet il-Faċilità għall-Ukrajna, strument finanzjarju ddedikat li se jippermettilha tipprovdi lill-Ukrajna sa EUR 50 biljun f’appoġġ finanzjarju prevedibbli u flessibbli mill-2024 sal-2027; billi f’Lulju 2024, l-UE għamlet l-ewwel pagament regolari tagħha ta’ madwar EUR 4,2 biljun fl-ambitu tal-Faċilità għall-Ukrajna stabbilita reċentement; billi dan il-pagament isegwi l-appoġġ tranżitorju u ta’ prefinanzjament li jammonta għal kważi EUR 14-il biljun minn meta ġiet stabbilita l-Faċilità f’Marzu 2024;
K. billi r-Russja żiedet b’mod sostanzjali l-infiq u l-produzzjoni militari tagħha stess fl-2024; billi r-Russja qed tuża wkoll il-ħażna tal-munizzjon tal-Belarussja u qed tiddependi mill-appoġġ militari ta’ għadd ta’ pajjiżi, primarjament l-Iran u l-Korea ta’ Fuq; billi hemm rapporti li jindikaw li ċ-Ċina qed tipprovdi lir-Russja assistenza sostanzjali biex issaħħaħ il-kapaċitajiet militari tagħha, li jestendu lil hinn mit-teknoloġiji b’użu doppju; billi skont sorsi governattivi l-Iran reċentement bagħat vjeġġi ta’ missili ballistiċi ta’ medda qasira Fath-360 lejn ir-Russja; billi Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit ħabbru sett ġdid ta’ sanzjonijiet kontra l-Iran;
L. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, flimkien mas-sħab internazzjonali u l-alleati tan-NATO, qegħdin ikomplu jipprovdu appoġġ militari lill-Ukrajna sabiex jgħinuha teżerċita d-dritt leġittimu tagħha li tiddefendi ruħha kontra l-aggressjoni Russa skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; billi l-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine), s’issa ħarrġet madwar 60 000 membru tal-Forzi Armati Ukreni kemm f’taħriġ dwar l-armi kombinati kif ukoll f’taħriġ speċjalizzat; billi n-NATO se tiżgura kontribuzzjoni finanzjarja annwali ta’ EUR 40 biljun lill-Ukrajna;
M. billi għad hemm livell baxx ta’ għajnuna militari kemm f’termini ta’ kwalità u kemm ta’ kwantità kif ukoll dewmien fil-konsenja attwali ta’ armi u munizzjon lill-Ukrajna wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-konsenja; billi ħafna Stati Membri mhumiex qed jissodisfaw il-wegħdiet tagħhom u xi kontributuri ewlenin saħansitra ħabbru pjanijiet biex inaqqsu b’mod sinifikanti l-kontribut tagħhom għall-għajnuna militari għall-Ukrajna fl-2025; billi l-UE ddeċidiet li tuża l-profitti mhux mistennija minn assi ffriżati tal-Bank Ċentrali tar-Russja biex tappoġġja lill-Ukrajna, b’mod partikolari għal assistenza militari addizzjonali; billi ma ġie stabbilit l-ebda qafas legali għall-qbid u r-ridistribuzzjoni effettivi tal-qligħ kapitali minn assi Russi ffriżati;
N. billi, barra minn hekk, l-Ungerija qed timblokka kemm il-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna ta’ EUR 5 biljun stabbilit reċentement f’Marzu 2024 fi ħdan il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) kif ukoll it-tmien segment tar-rimborżi tal-EPF għall-Istati Membri li kkunsenjaw għajnuna militari lill-Ukrajna tul aktar minn 18-il xahar;
O. billi minn Frar 2022 ’il hawn, l-UE adottat 14-il pakkett ta’ sanzjonijiet Ewropej immirati biex jimminaw il-kapaċità tar-Russja li twettaq il-gwerra illegali ta’ aggressjoni tagħha;
P. billi l-Istati Membri tal-UE qed ikomplu jixtru fjuwils fossili u uranju mir-Russja u b’hekk qed jikkontribwixxu għall-ekonomija Russa u jsaħħu r-riżorsi tagħha tal-gwerra; billi l-bejgħ tal-fjuwils fossili Russi lill-UE minn mindu faqqgħet il-gwerra ta’ aggressjoni fuq skala kbira kontra l-Ukrajna qabeż il-EUR 200 biljun, li huwa d-doppju tal-finanzjament totali pprovdut lill-Ukrajna matul l-istess perjodu; billi l-UE tat eżenzjoni għaż-żejt mhux maħdum Russu importat permezz tal-pipeline Druzhba lill-Ungerija, lis-Slovakkja u liċ-Ċekja; billi ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-gass Russu mill-Ażerbajġan hija kwistjoni ta’ tħassib dwar ir-rwol tal-Ażerbajġan bħala fornitur alternattiv tal-gass minflok ir-Russja, peress li Baku, li ma jistax jissodisfa d-domanda Ewropea, jista’ jagħti tikketta ġdida lill-gass Russu bħala gass Ażerbajġan għall-konsum Ewropew; billi flotta mistura ta’ tankers taż-żejt Russi perikolużi għall-ambjent u mhux assigurati għadha qed topera fil-Baħar Baltiku u qed tevita r-reġim ta’ sanzjonijiet;
1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna, u l-involviment tal-Belarussja f’din il-gwerra, u jeżiġi li r-Russja ttemm minnufih kull attività militari fl-Ukrajna, tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna u tikkumpensa lill-Ukrajna għall-ħsara kkawżata lill-poplu, l-art, in-natura u l-infrastruttura tagħha;
2. Jesprimi s-solidarjetà assoluta tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna, flimkien mal-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha, u jissottolinja li din il-gwerra ta’ aggressjoni tikkostitwixxi ksur sfaċċat u flagranti tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali; itenni l-appoġġ tiegħu għall-impenji tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jipprovdu assistenza umanitarja, appoġġ militari, għajnuna ekonomika u finanzjarja u appoġġ politiku b’kull mod possibbli sar-rebħa tal-Ukrajna sabiex finalment titwaqqaf il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u l-Ukrajna titħalla tillibera l-poplu kollu tagħha u terġa’ tistabbilixxi kontroll sħiħ fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha; jenfasizza li l-għan aħħari jibqa’ li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema fl-Ukrajna skont it-termini tal-Ukrajna, filwaqt li jiġu żgurati s-sikurezza u d-dinjità tal-poplu tagħha f’Ewropa paċifika u stabbli;
3. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu b’mod attiv biex jinżamm u jinkiseb l-aktar appoġġ internazzjonali mifrux possibbli għall-Ukrajna u jidentifikaw soluzzjoni paċifika għall-gwerra, li trid tkun ibbażata fuq ir-rispett sħiħ tal-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-obbligu ta’ rendikont għad-delitti tal-gwerra u għad-delitt ta’ aggressjoni mwettqa mir-Russja, u r-reparazzjonijiet u pagamenti oħra min-naħa tar-Russja għall-ħsara enormi kkawżata fl-Ukrajna; jappella għal impenn attiv tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Formula ta’ Paċi tal-Ukrajna u l-ħolqien tar-raġunijiet biex isir it-tieni Summit dwar il-Paċi;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi malajr assistenza finanzjarja fit-tul għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna f’kollaborazzjoni mal-pajjiżi sħab, b’mod partikolari billi tiżgura implimentazzjoni rapida tal-Faċilità għall-Ukrajna u tibni fuqha biex tiżgura appoġġ kontinwu f’livelli adegwati u riżorsi għar-rikostruzzjoni proporzjonati mal-appoġġ politiku tagħna għall-Ukrajna;
5. Jistieden lill-Istati Membri kollha jżidu l-finanzjament tagħhom għall-Ukrajna u joqogħdu lura milli jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom; itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li r-Russja jeħtiġilha tipprovdi kumpens finanzjarju għall-ħsara enormi li kkawżat fl-Ukrajna; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill li jidderieġi d-dħul straordinarju li ġej mill-assi immobilizzati tal-Istat Russu lejn il-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna u l-Faċilità għall-Ukrajna kif ukoll id-deċiżjoni tal-G7 li joffri lill-Ukrajna self ta’ USD 50 biljun garantit permezz ta’ assi immobilizzati tal-Istat Russu; jappella għal progress mgħaġġel fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-G7 li joffri lill-Ukrajna self ta’ USD 50 biljun, garantit permezz ta’ assi immobilizzati tal-Istat Russu, biex jiġi żgurat l-iżborż f’waqtu tal-fondi lill-Ukrajna; jappella lill-UE tmexxi dil-ħidma ‘l quddiem, flimkien ma’ sħab tal-istess fehma, billi tadatta l-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet kif meħtieġ u billi tistabbilixxi reġim legali sod għall-konfiska tal-assi proprjetà tal-Istat Russu ffriżati mill-UE;
6. Jappella għal żieda sostanzjali fl-għajnuna umanitarja tal-UE sabiex jiġi żgurat li appoġġ sħiħ għall-Ukrajna jkompli fl-2025; jinnota li l-ħtieġa ta’ appoġġ umanitarju x’aktarx se tkompli fis-snin li ġejjin u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tkun lesta tissodisfa dawn il-ħtiġijiet bi ppjanar fit-tul u b’fondi adegwati; jistieden lill-Istati newtrali jżidu l-għajnuna umanitarja tagħhom lill-Ukrajna;
7. Itenni li l-Ukrajna, bħala vittma ta’ aggressjoni, għandha dritt leġittimu għall-awtodifiża f’konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; ifakkar li l-assistenza militari sinifikanti, għalkemm għadha mhijiex biżżejjed, ipprovduta mill-UE, mill-Istati Uniti u minn sħab tal-istess fehma, hija mfassla biex tippermetti lill-Ukrajna tiddefendi ruħha b’mod effettiv kontra stat aggressur u tistabbilixxi mill-ġdid kontroll sħiħ fuq it-territorju rikonoxxut internazzjonalment kollu tagħha;
8. Jistieden lill-Istati Membri jneħħu minnufih ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-sistemi ta’ armi tal-Punent fornuti lill-Ukrajna kontra bersalli militari leġittimi fit-territorju Russu, peress li dan ixekkel il-kapaċità tal-Ukrajna li teżerċita bis-sħiħ id-dritt tagħha għall-awtodifiża skont id-dritt internazzjonali pubbliku u tħalli lill-Ukrajna esposta għal attakki fuq il-popolazzjoni u l-infrastruttura tagħha;
9. Jissottolinja li l-konsenji insuffiċjenti ta’ munizzjon u armi u r-restrizzjonijiet fuq l-użu tagħhom jistgħu jimminaw l-isforzi li saru s’issa u jiddeplora bil-qawwa t-tnaqqis fil-volum finanzjarju tal-għajnuna militari bilaterali lill-Ukrajna mill-Istati Membri, minkejja d-dikjarazzjonijiet qawwija li saru fil-bidu ta’ din is-sena; itenni, għalhekk, l-appelli tiegħu lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-impenn tagħhom ta’ Marzu 2023 li jwasslu miljun balla ta’ munizzjon lill-Ukrajna, jaċċeleraw il-kunsinni ta’ armi, b’mod partikolari ta’ sistemi moderni ta’ difiża tal-ajru u ta’ armi u munizzjon oħra skont ħtiġijiet identifikati b’mod ċar, fosthom missili Taurus; jappella għall-implimentazzjoni rapida tal-impenji li saru f’impenji konġunti tas-sigurtà bejn l-UE u l-Ukrajna; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Istati Membri kollha tal-UE u l-alleati tan-NATO għandhom jimpenjaw ruħhom b’mod kollettiv u individwali biex jappoġġjaw lill-Ukrajna b’mod militari b’mhux anqas minn 0,25 % tal-PDG tagħhom kull sena;
10. Jissottolinja l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tad-difiża tal-ajru bejn l-Istati Membri biex tiġi żgurata l-protezzjoni mit-theddid li jasal fl-ispazju tal-ajru tal-UE u tan-NATO;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha f’komunikazzjoni strateġika fl-Istati Membri biex tispjega l-importanza tad-difiża tal-Ukrajna għall-istabbiltà usa’ tal-Ewropa u tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jkunu infurmati tajjeb dwar is-sinifikat ta’ din l-assistenza, kemm għas-sovranità tal-Ukrajna kif ukoll għall-paċi u s-sigurtà madwar l-UE; jilqa’ u jfaħħar l-isforz pubbliku u l-inizjattivi ta’ finanzjament kollettiv taċ-ċittadini f’xi Stati Membri, biex jiżguraw provvista kostanti ta’ armi għall-Ukrajna; iħeġġeġ ukoll inizjattivi simili madwar l-UE biex jitrawmu s-solidarjetà u l-involviment pubbliku f’din il-kawża kritika;
12. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jissodisfaw l-impenji tad-Dikjarazzjoni ta’ Versailles tal-2022 u jaċċeleraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Boxxla Strateġika billi jsaħħu l-kooperazzjoni militari Ewropea fil-livell industrijali u dak tal-forzi armati, sabiex l-UE ssir fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħtu u aktar kapaċi li jkun interoperabbli u komplementari man-NATO; jenfasizza li għandhom jittieħdu passi konkreti favur l-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-politiki u fil-programmi tal-UE fl-oqsma tad-difiża u ċ-ċibersigurtà matul il-proċess ta’ adeżjoni mal-UE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jaċċeleraw l-adozzjoni tal-istrateġija tal-industrija tad-difiża Ewropea sabiex jiżguraw id-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom tal-prodotti tad-difiża, li min-naħa tagħhom jippermettu l-għoti f’waqtu ta’ appoġġ militari lill-Ukrajna; jistieden lill-Istati Membri jonoraw l-impenn tagħhom li jistabbilixxu produzzjoni militari fit-territorju Ukren; jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni mal-industrija tad-difiża Ukrena u l-integrazzjoni tagħha, fit-tul, fil-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża tal-UE;
13. Ifaħħar lill-Grupp ta’ Kuntatt għad-Difiża tal-Ukrajna għar-rwol vitali tiegħu fil-koordinazzjoni tal-appoġġ internazzjonali u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom biex isaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ukrajna;
14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri attivament jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Ungeriż biex ittemm l-imblokk tiegħu tal-EPF, inkluż il-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna li għadu kif ġie stabbilit, u b’hekk iżomm il-wegħdiet li saru sa minn Frar 2022 u maqbula mill-Istati Membri kollha;
15. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru bħala arma tal-gwerra u jenfasizza li dan jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; jistieden lill-pajjiżi ospitanti u ta’ tranżitu jiggarantixxu aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, b’mod partikolari l-kontraċezzjoni ta’ emerġenza, il-profilassi ta’ wara l-esponiment u l-kura f’każ ta’ abort, inkluż għas-superstiti tal-istupru;
16. Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex iżżid l-isforzi biex tindirizza s-sitwazzjoni mwiegħra ta’ dawk deportati bil-forza lejn ir-Russja u t-tfal adottati bil-forza fir-Russja, inkluż billi tissanzjona persuni direttament responsabbli għat-trasferiment furzat u d-detenzjoni mhux ġustifikata tat-tfal Ukreni u persuni involuti fihom;
17. Iħeġġeġ lill-Gvern Ungeriż jirtira d-digriet li jikkanċella l-kenn iffinanzjat mill-Istat għar-rifuġjati mill-Punent tal-Ukrajna u jirrispetta r-responsabbiltajiet tiegħu skont id-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni Temporanja;
18. Jistieden lill-Kunsill iżomm u jestendi l-politika tas-sanzjonijiet tiegħu kontra r-Russja u l-Belarussja u pajjiżi u entitajiet mhux tal-UE li jipprovdu teknoloġiji u tagħmir militari u b’użu doppju lill-kumpless militari Russu, waqt li jagħmel monitoraġġ, rieżami u titjib tal-effikaċja u l-impatt tal-politika; jikkundanna t-trasferiment reċenti ta’ missili ballistiċi mill-Iran lejn ir-Russja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jwessgħu u jsaħħu r-reġim ta’ sanzjonijiet kontra l-Iran u l-Korea ta’ Fuq fid-dawl tal-appoġġ militari ta’ dawn il-pajjiżi għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u jżidu entitajiet u individwi Ċiniżi addizzjonali mal-lista ta’ sanzjonijiet tal-UE minħabba l-appoġġ tagħhom għas-settur tad-difiża u tas-sigurtà tar-Russja; Jissottolinja l-ħtieġa li l-komponenti kritiċi prodotti f’pajjiżi tal-UE ma jitħallewx jaslu għand l-industrija militari Russa u jqis li huwa essenzjali li jissaħħu l-kontrolli fuq l-esportazzjoni u l-manutenzjoni tat-tagħmir ta’ teknoloġija avvanzata prodott fl-UE, kif ukoll li jiżdiedu l-miżuri tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni biex tiġi prevenuta ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; jistieden lill-Kunsill jindirizza b’mod sistematiku ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet minn kumpaniji bbażati fl-UE, partijiet terzi u Stati mhux tal-UE; jistieden lill-Kunsill ifassal reġim ta’ sanzjonijiet orizzontali ġdid biex jiġġieled din iċ-ċirkomvenzjoni, li jirrikjedi strument aktar ġenerali u applikabbli b’mod olistiku biex tiġi mmirata ċ-ċirkomvenzjoni fir-reġimi kollha implimentati mill-UE; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jindirizzaw, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-komponenti ddisinjati mill-Punent li qed jintużaw f’armi u tagħmir militari Russi;
19. Jenfasizza li l-impatt tas-sanzjonijiet eżistenti, u l-appoġġ finanzjarju u militari lill-Ukrajna, se jkomplu jiġu mminati sakemm l-UE tibqa’ tippermetti l-importazzjoni ta’ fjuwils fossili Russi; jitlob projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ ċereali, potassa u fertilizzanti Russi, kif ukoll materja prima, inklużi l-aluminju, il-prodotti tal-azzar, l-uranju, it-titanju, in-nikil, l-injam u l-prodotti tal-injam, u l-gass u ż-żejt; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintroduċu projbizzjoni sħiħa fuq prodotti taż-żejt raffinat Russi esportati mill-ġdid; jappella, barra minn hekk, għall-implimentazzjoni ta’ dokumentazzjoni tar-“regoli tal-oriġini”, li tiżgura l-oriġini vera tal-prodotti taż-żejt importati fl-UE;
20. Jistieden lill-pajjiżi tal-G7 jinfurzaw b’mod aktar effettiv il-limitu massimu tal-prezz impost fuq iż-żejt Russu li jinġarr bil-baħar u jrażżnu l-lakuni użati mir-Russja biex tippakkja mill-ġdid u tbigħ iż-żejt tagħha bil-prezzijiet tas-suq; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jeżerċitaw kontroll strett fuq il-“flotta mistura” tar-Russja, li, minbarra li tikser is-sanzjonijiet tal-UE u tal-G7, toħloq theddida ekoloġika enormi għall-ekosistema bħala riżultat tan-nuqqasijiet tekniċi u l-ħsarat frekwenti tagħha;
21. Jitlob embargo sħiħ fuq il-gass naturali likwifikat Russu u sanzjonijiet kontra Gazprom u kumpaniji taż-żejt Russi; jistieden lill-UE timponi r-rekwiżit li l-bastimenti tal-klassi tas-silġ Arc-7 li jesportaw il-gass naturali likwifikat Russu jiġu inklużi fil-listi ta’ sanzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Istati Uniti għall-Kontroll tal-Assi Barranin u tal-UE, filwaqt li ċċaħħadhom mill-aċċess għall-portijiet jew għas-servizzi marittimi tal-Punent; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimponu sanzjonijiet immirati fuq bastimenti marittimi użati mir-Russja biex jevitaw is-sanzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet taż-żejt u tal-gass tagħha u l-manutenzjoni tal-proġetti tal-enerġija tagħha fl-Artiku;
22. Jappella għal sanzjonijiet fuq is-settur nukleari tar-Russja u sanzjonijiet immirati kontra l-awturi ta’ ksur tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Zaporizhzhia;
23. Jikkundanna l-għadd dejjem jikber ta’ attakki ibridi mwettqa mir-Russja kontra l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi kandidati, bl-għan li ddgħajjef l-appoġġ Ewropew għall-Ukrajna permezz tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni, is-sabotaġġ, it-tentattivi ta’ destabbilizzazzjoni moħbija u l-korruzzjoni; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu b’mod strateġiku u proattiv sabiex jiġġieldu t-theddid ibridu, isaħħu l-komunikazzjoni strateġika tal-UE u jipprevjenu l-indħil tar-Russja fil-proċessi politiċi, elettorali u demokratiċi oħra fl-UE u fil-viċinat tagħha;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, lill-Gvern Russu, u lin-Nazzjonijiet Uniti.
Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/55/oj).