Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2024 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2024/2810(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati u l-istrumenti l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tal-1961, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963 u l-Konvenzjoni ta’ Caracas dwar l-Ażil Diplomatiku tal-1954,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-31 ta’ Lulju u tat-12 ta’ Awwissu 2024 tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni tan-NU dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-3 ta’ Settembru 2024 dwar il-“klima ta’ biża’” fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Panel ta’ Esperti tan-NU dwar l-elezzjoni presidenzjali tal-Venezwela tat-28 ta’ Lulju 2024, ippubblikat fid-9 ta’ Awwissu 2024,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) tad-29 ta’ Lulju 2024 dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-4 u tal-24 ta’ Awwissu 2024 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Parzjali dwar il-Promozzjoni tad-Drittijiet Politiċi u l-Garanziji Elettorali għal Kulħadd, iffirmat mir-reġim ta’ Nicolás Maduro u l-alleanza tal-oppożizzjoni Venezwelana, il-Pjattaforma Unitarja, f’Ottubru 2023 (il-Ftehim ta’ Barbados),
– wara li kkunsidra r-rapport tad-Dipartiment tal-Kooperazzjoni u l-Osservazzjoni Elettorali tas-Segretarjat tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) għat-Tisħiħ tad-Demokrazija, tat-30 ta’ Lulju 2024, dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Awwissu 2024 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Carter Center tat-30 ta’ Lulju 2024 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE fil-Venezwela tat-22 ta’ Frar 2022 bit-titolu “Elezzjonijiet reġjonali u muniċipali 21 ta’ Novembru 2021” u d-dikjarazzjoni tal-President tad-Delegazzjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2021 dwar l-elezzjonijiet reġjonali u lokali fil-Venezwela fl-2021,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fit-28 ta’ Lulju 2024, saret elezzjoni presidenzjali fil-Venezwela biex jintgħażel president għal mandat ta’ sitt snin li jibda fl-10 ta’ Jannar 2025; billi din l-elezzjoni kienet tirrappreżenta opportunità unika biex il-pajjiż jimxi minn awtokrazija korrotta għal ritorn għad-demokrazija li kieku l-punti kollha tal-Ftehim ta’ Barbados ġew irrispettati;
B. billi r-reġim ta’ Nicolás Maduro kontinwament iffastidja, ippersegwita u ċċensura l-attivisti, il-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qalba ta’ kriżi soċjoekonomika, politika u umanitarja li għaddejja, ikkaratterizzata minn iperinflazzjoni, ġuħ dejjem akbar, mard, livelli għoljin ta’ korruzzjoni, kriminalità u impunità, ksur flagranti tad-drittijiet tal-bniedem u rati jiżdiedu ta’ mortalità, wasslet għall-emigrazzjoni tal-massa ta’ aktar minn 7,7 miljun Venezwelan li qed jippruvaw jaħarbu mit-tirannija; billi hemm nuqqasijiet sinifikanti fis-servizzi pubbliċi u qed isir dejjem aktar diffiċli għall-Venezwelani biex jaċċessaw l-ikel u l-mediċina; billi din il-kriżi hija waħda mill-akbar kriżijiet ta’ spostament fid-dinja;
C. billi għal snin sħaħ, l-użu ta’ detenzjonijiet arbitrarji politikament motivati kien parti minn politika ta’ repressjoni implimentata mir-reġim ta’ Maduro u minn attakk mifrux u sistematiku kontra l-popolazzjoni tal-Venezwela; billi kien hemm restrizzjonijiet sistematiċi fuq l-informazzjoni pubblika, il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni u d-dritt għal għaqda paċifika, b’mod partikolari għad-dissidenti tar-reġim, għall-membri tat-trade unions, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà;
D. billi fis-17 ta’ Ottubru 2023, fil-Venezwela, rappreżentanti tar-reġim ta’ Maduro u tal-alleanza tal-oppożizzjoni Pjattaforma Unitarja ffirmaw żewġ ftehimiet, magħrufa bħala l-Ftehimiet ta’ Barbados, li jkopru kwistjonijiet li jinkludu l-promozzjoni tad-drittijiet politiċi, garanziji elettorali għal kulħadd, ir-rispett tad-dritt tal-atturi politiċi kollha li jagħżlu l-kandidat tagħhom għall-elezzjonijiet presidenzjonali liberament, u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi; billi dawn il-ftehimiet koprew suġġetti importanti bħall-fatt li osservaturi internazzjonali jitħallew jipparteċipaw fil-proċess elettorali; billi l-ftehimiet ġew iffirmati biex iservu bħala l-ewwel pass biex jiġu żgurati elezzjonijiet ħielsa u ġusti fil-Venezwela; billi l-priġunieri politiċi ma nħelsux, minkejja li din kienet kundizzjoni espliċita tal-Ftehim ta’ Barbados;
E. billi María Corina Machado ġiet eletta bħala l-kandidat tal-oppożizzjoni għar-reġim fl-elezzjonijiet primarji tal-Pjattaforma Unitarja fl-2023 bi 92,35 % tal-vot; billi r-reġim ta’ Maduro skwalifikaha mill-toħroġ għall-elezzjoni għal raġunijiet arbitrarji u politiċi, bi ksur flagranti tal-Ftehim ta’ Barbados; billi r-reġim ta’ Maduro skwalifika diversi politiċi oħra tal-oppożizzjoni matul is-snin biex jipprevjeni bidla politika; billi meta ġiet skwalifikata, María Corina Machado żammet l-għaqda tal-oppożizzjoni demokratika għar-reġim billi appoġġjat lil kandidat ġdid, Corina Yoris, li wkoll ma ġietx awtorizzata tirreġistra; billi finalment Edmundo González Urrutia ntgħażel bħala l-kandidat tal-oppożizzjoni demokratika għar-reġim;
F. billi qabel l-elezzjoni, ir-reġim, lill-attivisti tal-oppożizzjoni u lit-tim tal-kampanja tal-mexxejja tal-oppożizzjoni María Corina Machado u tal-kandidat presidenzjali Edmundo González, ippersegwitahom, ħatafhom, arrestahom u tefagħhom il-ħabs bla heda, u dan ikkriminalizza l-ħidma tal-avukati, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-atturi tas-soċjetà ċivili; billi ġew irrapportati bosta irregolaritajiet u każijiet ta’ ksur elettorali, inklużi l-iskwalifika ta’ madwar 16-il partit politiku, ostakli għar-reġistrazzjoni ta’ kandidati presidenzjali, skadenzi qosra għar-reġistrazzjoni tal-votanti u nuqqas ta’ uffiċċji ta’ reġistrazzjoni, informazzjoni pubblika mill-inqas possibbli, ostakli għall-votanti barra l-pajjiż; billi skont iċ-ċifri li pprovda r-reġim, 69 211-il Venezwelan biss li jgħixu barra mill-pajjiż setgħu jirreġistraw biex jivvutaw, għalkemm huwa stmat li nofs is-7,7 miljun Venezwelan li jgħixu barra mill-pajjiż għandhom l-età tal-vot;
G. billi mill-20 ta’ Marzu 2024, sitt kollaboraturi mill-qrib ta’ Vente Venezuela fittxew rifuġju fl-ambaxxata Arġentina f’Caracas, fejn għadhom qed jiffaċċjaw pressjoni u fastidju dejjem akbar mill-forzi tas-sigurtà Venezwelani;
H. billi fit-28 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) ikkontrollat mir-reġim irrevoka l-istedina mibgħuta lill-UE biex tosserva l-elezzjoni; billi bosta delegazzjonijiet internazzjonali li ġew mistiedna mill-oppożizzjoni demokratika għar-reġim, il-Comando Nacional de Campaña Con VZLA, ma tħallewx jidħlu fil-pajjiż jew tkeċċew, inklużi delegazzjoni ta’ membri ta’ grupp politiku tal-Parlament Ewropew u ħames ex presidenti ta’ pajjiżi tal-Amerka Latina;
I. billi l-elezzjoni tat-28 ta’ Lulju 2024 seħħet f’ambjent primarjament paċifiku u l-poplu Venezwelan ħareġ jivvota bi ħġaru, u wera mġiba ċivika u demokratika liema bħalha minkejja l-isforzi kostanti mir-reġim biex ifixkel il-proċess elettorali; billi ġew iddokumentati bosta rapporti ta’ restrizzjonijiet tal-aċċess għal ħafna postijiet tal-votazzjoni għall-osservaturi lokali u l-osservaturi tal-partit tal-oppożizzjoni; billi ġie rrapportat ukoll li saret pressjoni fuq il-votanti permezz ta’ punti ta’ kontroll stabbiliti mir-reġim f’bosta postijiet tal-votazzjoni; billi ġew żvelati irregolaritajiet kbar fil-lejl tal-elezzjoni u ġiet interrotta t-trażmissjoni tar-riżultati tal-għadd uffiċjali tal-voti mill-postijiet tal-votazzjoni lis-CNE meta madwar 30 % tar-reġistri elettorali (actas) kienu disponibbli;
J. billi l-ftit missjonijiet ta’ osservazzjoni kredibbli u independenti li rnexxielhom josservaw l-elezzjoni – timijiet min-NU u l-Carter Center – irrapportaw li “l-elezzjoni presidenzjali 2024 tal-Venezwela ma ssodisfatx l-istandards internazzjonali ta’ integrità elettorali ma tistax titqies bħala demokratika”, li “ma jistgħux jivverifikaw jew jikkorroboraw ir-riżultati tal-elezzjoni ddikjarati mis-CNE kkontrollat mir-reġim”, u li “n-nuqqas tal-awtorità elettorali li tħabbar riżultati diżaggregati skont il-post tal-votazzjoni jikkostitwixxi ksur serju tal-prinċipji elettorali”; billi r-rapport tal-panel ta’ esperti tan-NU ddikjara li d-dikjarazzjoni prematura ta’ rebbieħ “ma kellha ebda preċedent fl-elezzjonijiet demokratiċi kontemporanji”, u li l-proċess elettorali kien nieqes minn “trasparenza u integrità bażiċi”; billi l-elezzjoni la kienet ħielsa u lanqas ġusta;
K. billi wara li l-votazzjoni ngħalqet, is-CNE kkontrollat mir-reġim irrifjuta li jippubblika r-rekord uffiċjali tal-karti tal-għadd tal-voti, iffalsifika r-riżultati tal-elezzjoni, u ħabbar ir-rebħa falza ta’ Maduro, u li dan jikkostitwixxi ksur serju tal-prinċipji elettorali; billi dan fisser li l-komunità internazzjonali ma setgħetx tivverifika jew tikkorrobora r-riżultati mħabbra mis-CNE; billi l-proċess ta’ ġestjoni tar-riżultati tas-CNE għalhekk ma laħaqx il-miżuri bażiċi ta’ trasparenza u integrità li huma essenzjali biex isiru elezzjonijiet kredibbli;
L. billi l-oppożizzjoni demokratika għar-reġim irnexxielha tikseb 83,5 % tal-karti uffiċjali tal-għadd tal-voti u wriet b’mod kredibbli li r-rebbieħ tal-elezzjoni kien Edmundo González Urrutia, b’67,08 % tal-voti mitfugħa; billi r-rapport interim tal-Panel ta’ Esperti tan-NU dwar l-elezzjoni jikkonferma l-awtentiċità tad-dokumenti ppubblikati mill-oppożizzjoni;
M. billi l-UE u pajjiżi demokratiċi u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali oħra ma rrikonoxxewx l-elezzjoni jew l-eżitu tagħha;
N. billi wara l-elezzjoni, saru protesti paċifiċi fil-pajjiż kollu bħala kontestazzjoni għall-frodi elettorali mir-reġim ta’ Maduro; billi r-reġim irreaġixxa għal dawn il-protesti bi vjolenza u repressjoni estremi, u dan wassal biex mietu aktar minn 23 ruħ, filwaqt li aktar minn 2 400 ruħ ġew arrestati jew għebu bil-forza, inklużi madwar 120 tifel u tifla;
O. billi María Corina Machado kellha tmur toqgħod f’post sigriet minħabba l-biża’ ta’ ritaljazzjonijiet mir-reġim ta’ Maduro, u Edmundo González Urrutia kellu jeżilja ruħu wara li nħareġ mandat ta’ arrest kontrih u wara li sar theddid serju fuq ħajtu u fuq ħajjet qrabatu; billi l-mandat tal-Prosekutur Ġenerali, Tarek William Saab, sadanittant skada; billi sa mill-5 ta’ Awwissu 2024, infetħet investigazzjoni kriminali fil-Venezwela kontra González u Machado talli ħabbru rebbieħ tal-elezzjoni li ma kienx Maduro u allegatament instigaw diżubbidjenza u ribelljoni;
P. billi fl-14 ta’ Settembru 2024, ir-reġim Venezwelan ħabbar li żamm f’detenzjoni lil sitt ċittadini barranin, inklużi tliet ċittadini tal-UE (Ċek u żewġ Spanjoli), abbażi tar-raġunijiet dubjużi li kienu qed jikkonfoffaw biex “jiddestabbilizzaw” il-pajjiż; billi l-uffiċjali tar-reġim ifformulaw akkużi estremament serji u manifestament fittizji ta’ “interferenza” Spanjola permezz tal-aġenzija nazzjonali tal-intelligence tagħha;
Q. billi f’nofs Awwissu, ir-reġim Venezwelan keċċa l-missjonijiet diplomatiċi ta’ seba’ nazzjonijiet tal-Amerka Latina – l-Arġentina, iċ-Ċilì, il-Costa Rica, il-Perù, il-Panama, ir-Repubblika Dominicana u l-Urugwaj – li kienu esprimew tħassib dwar ir-riżultati mħabbra;
1. Jeżiġi li l-awtoritajiet elettorali tal-Venezwela jippubblikaw ir-riżultati tal-voti sħaħ, trasparenti u dettaljati, inklużi r-riżultati għal kull post tal-votazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jirrispettaw ir-riżultati tal-elezzjoni u r-rieda tal-poplu Venezwelan;
2. Jirrikonoxxi lil Edmundo González Urrutia bħala l-President leġittimu u elett demokratikament tal-Venezwela; jirrikonoxxi wkoll lil María Corina Machado bħala l-mexxejja tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela, peress li ġiet eletta fl-elezzjonijiet primarji tal-Pjattaforma Unitarja fl-2023 bi 92,35 % tal-vot;
3. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li l-president leġittimu u elett demokratikament jista’ jieħu l-kariga fl-10 ta’ Jannar 2025, f’konformità mal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;
4. Jikkundanna bil-qawwa u jirrifjuta bis-sħiħ il-frodi elettorali orkestrata mis-CNE kkontrollat mir-reġim, li rrifjuta li jippubblika r-riżultat uffiċjali billi jippubblika l-karti tal-għadd tal-voti ta’ kull post tal-votazzjoni, minkejja appelli ripetuti mill-komunità internazzjonali; jenfasizza li r-reġim Venezwelan naqas milli jirrispetta l-Ftehim ta’ Barbados fir-rigward tal-elezzjoni presidenzjali, li jagħmilha impossibbli li jiġu organizzati elezzjonijiet ħielsa u ġusti;
5. Jinnota li rapporti minn missjonijiet internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali jiddikjaraw b’mod ċar li l-elezzjoni presidenzjali Venezwelana tat-28 ta’ Lulju 2024 ma ssodisfatx l-istandards internazzjonali ta’ integrità elettorali; itenni li s-CNE kkontrollat mir-reġim naqas milli jippubblika reġistri elettorali (actas) kompluti u verifikabbli b’mod indipendenti mill-postijiet tal-votazzjoni kollha tal-pajjiż;
6. Jisħaq, b’mod partikolari, li r-rapport interim tal-Panel ta’ Esperti tan-NU, li s-CNE kkontrollat mir-reġim tal-Venezwela kien stieden biex jivvaluta t-tmexxija ġenerali tal-elezzjoni fil-qafas tal-Ftehim ta’ Barbados, enfasizza li r-riżultati mħabbra ma kinux sostanzjati; ifakkar li l-Panel ta’ Esperti tan-NU rrieżamina kampjun tar-reġistri elettorali (actas) ippubblikati mill-oppożizzjoni u kkonferma li dawn juru l-karatteristiċi ta’ sigurtà kollha tal-protokolli tar-riżultat oriġinali, li jagħti prova tal-affidabbiltà tagħhom;
7. Itenni li r-rispett lejn ir-rieda tal-poplu Venezwelan, kif espressa fl-elezzjoni, jibqa’ l-uniku mod biex il-Venezwela tirrestawra d-demokrazija, jippermetti tranżizzjoni paċifika u ġenwina u jsolvi l-kriżi umanitarja u soċjoekonomika attwali;
8. Jissottolinja u jilqa’ r-rwol li qed jaqdu l-Gvernijiet tal-Brażil, tal-Kolombja u tal-Messiku; jappoġġja l-isforzi kollha li qed isiru mill-komunità internazzjonali biex tinstab soluzzjoni paċifika, inklużiva u demokratika għall-kriżi li għaddejja fil-Venezwela; jappoġġja l-isforzi li saru mill-pajjiżi ġirien tal-Venezwela biex jindirizzaw l-għadd kbir ta’ rifuġjati li qed jaħarbu mill-Venezwela;
9. Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, il-qtil, il-fastidju, il-ksur u l-arresti li twettqu kontra l-oppożizzjoni demokratika għar-reġim, il-poplu tal-Venezwela u s-soċjetà ċivili; jappella biex tintemm ix-xejra sistematika tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jeżiġi l-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġuniera politiċi u tal-persuni kollha detenuti għal raġunijiet arbitrarji, u li jingħata kumpens lilhom u lill-familji tagħhom, filwaqt li jerġgħu jiġu stabbiliti d-drittijiet ċivili u politiċi sħaħ tagħhom; jeżiġi li l-gvern ta’ Maduro jieqaf bil-politika tiegħu ta’ repressjoni u attakki fuq is-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni;
10. Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-QKI u tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni tan-NU dwar ir-reati u l-atti ta’ repressjoni estensivi min-naħa tar-reġim Venezwelan u jappella lill-UE tappoġġja l-investigazzjonijiet li bħalissa qed jiġu kkunsidrati skont l-Istatut ta’ Ruma dwar l-allegati delitti kontra l-umanità, biex dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom;
11. Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jadotta, fis-57 sessjoni tiegħu (mid-9 ta’ Settembru sad-9 ta’ Ottubru 2024), riżoluzzjoni li ġġedded il-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni tan-NU dwar il-Venezwela u l-preżenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) fil-Venezwela; jappella għar-ritorn immedjat tal-OHCHR lejn il-Venezwela u jħeġġeġ lill-Venezwela tiżgura li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu fis-seħħ biex l-OHCHR jeżerċita bis-sħiħ il-mandat tiegħu;
12. Jappella lill-QKI tinkludi l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem u d-detenzjonijiet arbitrarji fl-investigazzjonijiet tagħha dwar l-allegati delitti kontra l-umanità mwettqa mir-reġim ta’ Maduro u biex dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom;
13. Jikkundanna bil-qawwi l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest tal-Gvern Venezwelan għal Edmundo González; jissottolinja d-deċiżjoni tal-Gvern Spanjol li jilqa’ lis-Sur González fi Spanja bil-għan li joffrilu ażil politiku fuq talba tiegħu, peress li dan se jagħmilha possibbli li huwa jiġi protett kif ukoll li tinżamm perspettiva vijabbli għal riżoluzzjoni għall-impass politiku;
14. Ifakkar li f’Mejju 2024, l-UE neħħiet is-sanzjonijiet tagħha kontra l-membri tas-CNE, bħala ġest ta’ rieda tajba; jissottolinja li din l-azzjoni ma kellha ebda effett pożittiv; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jerġgħu jistabbilixxu dawn is-sanzjonijiet kontra l-membri tas-CNE; jappella wkoll biex is-sanzjonijiet fuq ir-reġim u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jiġu estiżi sabiex jiġu applikati sanzjonijiet immirati permezz tar-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem kontra Nicolás Maduro u ċ-ċirku ta’ ġewwa tiegħu, inkluż Jorge Rodríguez, il-familji tagħhom, u dawk kollha responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;
15. Jiddeplora l-fatt li ma ġiet implimentata l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin mir-rapport finali tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE dwar l-elezzjonijiet tal-2021; jikkundanna d-deċiżjoni tas-CNE li jirrevoka l-istedina lill-UE biex tibgħat missjoni ta’ osservazzjoni elettorali; jikkundanna wkoll id-deċiżjoni tar-reġim li jimpedixxi l-aċċess tal-osservaturi internazzjonali mistiedna mill-oppożizzjoni demokratika għar-reġim, il-Comando Nacional de Campaña Con VZLA, għal jum l-elezzjoni, jew li jkeċċihom;
16. Iħeġġeġ lill-atturi reġjonali u lill-komunità internazzjonali jagħmlu l-pressjoni kollha li jistgħu fuq ir-reġim ta’ Maduro u fuq iċ-ċirku ta’ ġewwa ta’ Maduro biex jaċċettaw ir-rieda demokratika tal-poplu tal-Venezwela, u jirrikonoxxu lil Edmundo González Urrutia bħala l-President leġittimu u elett demokratikament tal-Venezwela; huwa konvint li jekk, fl-10 ta’ Jannar 2025, ma jseħħux trasferiment paċifiku tal-poter u l-istabbiliment mill-ġdid tad-demokrazija, se jseħħ eżodu migratorju mill-ġdid lejn pajjiżi oħra fir-reġjun, simili għal dak li wassal biex kważi 8 miljun Venezwelan jaħarbu mill-pajjiż f’dawn l-aħħar snin;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parteċipanti fis-Summit bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-awtoritajiet tar-reġim tal-Venezwela.