Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Jannar 2025 dwar il-każ ta’ Jean-Jacques Wondo fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2025/2510(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, ratifikat mir-RDK fl-1976, u l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Prinċipji u l-Linji Gwida dwar id-Dritt għal Proċess Ġust u għall-Assistenza Legali fl-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 150(5) u 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi Jean-Jacques Wondo, espert tas-sigurtà, militari u politiku Belġjan-Kongoliż, ġie mistieden f’Kinshasa fi Frar 2024 biex imexxi r-riformi tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Intelligence Kongoliża, l-ANR;
B. billi Wondo ġie arrestat wara kolp ta’ stat li falla fid-19 ta’ Mejju 2024, li għalih ġie akkużat bħala l-“awtur intellettwali”, minkejja li b’mod konsistenti baqa’ jinsisti li huwa innoċenti; billi l-akkużi kienu bbażati fuq xhieda sfurzata u mhux affidabbli;
C. billi fit-13 ta’ Settembru 2024, Wondo u 36 persuna oħra ġew ikkundannati għall-mewt minn qorti militari fi proċess li ġie kkundannat b’mod wiesa’ għall-ksur serju ta’ proċess ġust u għan-nuqqas ta’ evidenza kredibbli;
D. billi s-saħħa ta’ Wondo marret għall-agħar b’mod gravi fil-kustodja u teħtieġ attenzjoni medika;
E. billi r-RDK neħħiet moratorju fuq il-piena tal-mewt f’Marzu 2024, u dan wassal għal żieda qawwija fis-sentenzi tal-mewt, li jikkontradixxi l-impenji tagħha skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-kundanna għall-mewt ta’ Wondo u oħrajn u l-ksur serju tad-dritt tagħhom għal proċess ġust;
2. Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jannulla immedjatament is-sentenzi tal-mewt, jerġa’ jdaħħal moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet u jieħu passi lejn l-abolizzjoni sħiħa tal-piena tal-mewt;
3. Jesprimi tħassib serju dwar is-saħħa sejra għall-agħar ta’ Wondo, jitlob li jingħata aċċess immedjat għal trattament mediku u jinsisti li jinħeles immedjatament;
4. Jiddenunzja l-użu ħażin tal-qrati militari għall-prosekuzzjoni ta’ Wondo u jistieden lir-RDK tallinja l-prattiki ġudizzjarji tagħha mal-impenji internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Itenni l-oppożizzjoni kategorika tiegħu għall-piena tal-mewt fi kwalunkwe ċirkostanza u jitlob l-abolizzjoni universali tagħha;
6. Iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE f’Kinshasa, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-ministri għall-affarijiet barranin tal-Istati Membri biex jintensifikaw l-impenn tagħhom mal-awtoritajiet tar-RDK, filwaqt li jenfasizzaw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-indipendenza ġudizzjarja u l-istat tad-dritt;
7. Jitlob li jiġu implimentati riformi sistemiċi fir-RDK biex il-ġudikatura tinbena mill-ġdid f’istituzzjoni indipendenti, ġusta u effiċjenti li tiggarantixxi proċess ġust u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlamenti tar-Reppubblika Demokratika tal-Kongo, lill-Unjoni Afrikana u korpi internazzjonali rilevanti oħra.