Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2024/2988(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B10-0074/2025

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 23/01/2025 - 8.4
CRE 23/01/2025 - 8.4

Testi adottati :

P10_TA(2025)0006

Testi adottati
PDF 138kWORD 50k
Il-Ħamis, 23 ta' Jannar 2025 - Strasburgu
Id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
P10_TA(2025)0006RC-B10-0074/2025

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Jannar 2025 dwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna (2024/2988(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-tifkira tal-istorja,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-24 ta’ Frar 2022, ir-reġim Russu ddikjara l-bidu ta’ “operazzjoni militari speċjali” fl-Ukrajna bbażata fuq dikjarazzjonijiet foloz li kellu bżonn jipproteġi lill-popolazzjoni ċivili;

B.  billi, fil-fatt, il-Federazzjoni Russa ilha twettaq gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, mhux ġustifikata u illegali kontra l-Ukrajna sa mill-24 ta’ Frar 2022, b’kontinwazzjoni ta’ aggressjonijiet preċedenti sa mill-2014, u qed tkompli tikser b’mod persistenti l-prinċipji tal-Karta tan-NU permezz tal-azzjonijiet aggressivi tagħha kontra s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u tikser b’mod sfaċċat u serju d-dritt umanitarju internazzjonali, kif stabbilit mill-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949, b’mod partikolari permezz tal-użu massiv ta’ attakki mmirati kontra l-popolazzjoni ċivili, iż-żoni residenzjali u l-infrastruttura ċivili;

C.  billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fir-riżoluzzjoni tagħha tat-2 ta’ Marzu 2022, ikkwalifikat il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna immedjatament bħala att ta’ aggressjoni bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, u, fir-riżoluzzjoni tagħha tal-14 ta’ Novembru 2022, irrikonoxxiet il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tinżamm responsabbli għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha, kif ukoll legalment u finanzjarjament responsabbli għall-atti illegali tagħha fuq livell internazzjonali, u li r-Russja għandha tħallas għar-reparazzjonijiet għall-korrimenti u l-ħsarat ikkawżati;

D.  billi l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna mhijiex att iżolat iżda kontinwazzjoni tal-politika imperjalistika tagħha, li inkludiet gwerra kontra ċ-Ċeċenja u aggressjoni militari kontra l-Georgia fl-2008, u l-okkupazzjoni tal-Krimea u l-bidu ta’ gwerra f’Donbas fl-2014;

E.  billi l-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni fuq skala kbira tar-Russja kontra l-pajjiż ġar tal-Ukrajna kien ippreċedut minn għadd ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-President tal-Federazzjoni Russa li kellhom l-għan li jiġġustifikaw l-użu tal-forza min-naħa tar-Russja permezz tar-reviżjoniżmu tal-istorja, asserzjonijiet foloz u talbiet illeġittimi għar-rikonoxximent tal-interessi esklużivi tagħha fl-Ukrajna u f’pajjiżi ġirien oħra;

F.  billi r-reġim Russu beda jagħmel użu mifrux mid-diżinformazzjoni, inkluż abbażi ta’ argumenti mgħawġa tal-istorja, u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin b’tentattiv li jiġġustifika d-delitt tal-aggressjoni, biex jinstiga lill-popolazzjoni Russa sabiex tappoġġja r-reġim illegali tiegħu u l-gwerra illegali tiegħu ta’ aggressjoni kontra l-pajjiż ġar tal-Ukrajna, biex jinterferixxi fil-proċessi demokratiċi ta’ pajjiżi oħra u jnaqqas l-appoġġ fost il-popolazzjonijiet tagħhom favur assistenza u appoġġ internazzjonali kontinwi għall-Ukrajna fil-konfront tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; billi r-reġim Russu jiċħad l-identità nazzjonali distinta tal-Ukrajna, u jiddikjara b’mod falz li hija parti mid-“dinja Russa” (“Russkiy mir”), narrattiva li għandha l-għeruq tagħha fl-ideoloġija imperjalistika; billi r-Russja qed twaqqa’ l-imfakar ta’ Holodomor u fit-territorji okkupati tal-Ukrajna qed tirrestawra l-monumenti lil Lenin li kienu twaqqgħu;

G.  billi r-Russja mhux biss naqset milli tirrikonoxxi r-rwol inizjali li ma jistax jinħafer tal-Unjoni Sovjetika fl-istadji bikrija tat-Tieni Gwerra Dinjija, pereżempju permezz tat-Trattat ta’ Non-Aggressjoni tal-1939 bejn il-Ġermanja Nażista u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (l-Unjoni Sovjetika) u l-protokolli sigrieti tiegħu, komunement imsejħa l-Patt Molotov-Ribbentrop tal-1939, li fih iż-żewġ reġimi totalitarji kkonfoffaw biex jaqsmu l-Ewropa fi sferi esklużivi ta’ influwenza, u naqset milli tassumi r-responsabbiltà tagħha għall-ħafna atroċitajiet u delitti tal-massa mwettqa fit-territorji okkupati mill-Unjoni Sovjetika, iżda r-reġim Russu attwali strumentalizza wkoll l-istorja u ħoloq kult ta’ “vittorja” rigward it-Tieni Gwerra Dinjija biex liċ-ċittadini jimmobilizzahom ideoloġikament u jimmanipulahom biex jappoġġjaw ġwerra ta’ aggressjoni illeġittima;

H.  billi r-Russja żviluppat kampanja ta’ diżinformazzjoni dejjem tikber ta’ reviżjoniżmu tal-istorja bl-għan li ċċaħħad lill-Ukrajna mill-identità nazzjonali, l-istat u saħansitra l-eżistenza tagħha, u bl-għan li tiġġustifika l-pretensjonijiet tagħha għal sferi esklużivi ta’ influwenza, li jfakkruna f’kif l-Unjoni Sovjetika qablet mal-Ġermanja Nażista li tinvadi u tokkupa partijiet mill-Polonja u r-Rumanija kif ukoll l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Ukrajna fil-Patt Molotov-Ribbentrop; billi llum il-ġurnata, ir-Russja hija ta’ theddida partikolari għall-Polonja u l-Istati Baltiċi u s-sovranità tagħhom permezz ta’ dan it-tip ta’ reviżjoniżmu tal-istorja;

I.  billi Jum il-Vitttorja, iċċelebrat kull sena fid-9 ta’ Mejju, inbidel mir-reġim Russu attwali f’għodda ta’ propaganda tal-gwerra fir-Russja, billi sfrutta n-narrattiva tal-“liberazzjoni tal-Ewropa min-Nażiżmu” u b’hekk injora l-okkupazzjoni Sovjetika sussegwenti tal-Istati Baltiċi u s-sovjugazzjoni tal-Ewropa ċentrali; billi din in-narrattiva ta’ liberazzjoni min-Nażiżmu qed tintuża llum fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

J.  billi f’xi Stati Membri, is-simboli komunisti, kif ukoll is-simboli tal-aggressjoni tar-Russja li għaddejja bħalissa, huma pprojbiti bil-liġi; billi mill-2009, it-23 ta’ Awwissu ġie mfakkar fl-UE kollha bħala l-Jum Ewropew ta’ Tifkira għall-Vittmi tar-Reġimi Totalitarji u Awtoritarji kollha; billi mill-2003 ’l hawn, il-Parlament organizza kommemorazzjoni annwali għall-vittmi tad-deportazzjonijiet Sovjetiċi tal-massa;

1.  Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod qawwi possibbli, tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, illegali u inġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna; jistieden lir-Russja ttemm immedjatament l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira kompletament u mingħajr kundizzjonijiet il-forzi kollha, il-forzi bi prokura kollha u t-tagħmir militari kollu mit-territorju kollu rikonoxxut fuq livell internazzjonali tal-Ukrajna, ittemm id-deportazzjonijiet furzati tal-popolazzjoni ċivili Ukrena u teħles lill-Ukreni kollha detenuti u deportati, u t-tfal b’mod partikolari;

2.  Jirrifjuta d-diversi allegazzjonijiet li saru mir-reġim Russu bħala tentattivi ineffettivi biex jiġġustifika gwerra ta’ aggressjoni illegali li tikkostitwixxi ksur sfaċċat tal-Karta tan-NU u tar-responsabbiltà tal-Federazzjoni Russa bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li żżomm il-paċi u l-istabbiltà u li ġiet rikonoxxuta immedjatament bħala tali mill-membri permanenti l-oħra tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU flimkien ma’ maġġoranza kbira ħafna tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; ifakkar li l-ebda kunsiderazzjoni – tkun xi tkun in-natura tagħha, kemm jekk politika, ekonomika, militari, storika jew ta’ tip ieħor – ma tista’ sservi ta’ ġustifikazzjoni għall-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

3.  Jikkundanna l-falsifikazzjoni sistematika min-naħa tar-reġim Russu u l-użu li dan qed jagħmel ta’ argumenti storiċi mgħawġa, bħal dawk relatati mal-Patt Molotov-Ribbentrop, fit-tentattiv tiegħu li jimmanipula l-opinjoni pubblika Russa biex tappoġġja azzjonijiet kriminali bħall-gwerra illegali ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, biex idgħajjef l-appoġġ u l-assistenza internazzjonali għall-Ukrajna u biex iħassar l-identità kulturali u storika distinta tal-Ukrajna; jiddenunzja l-pretensjoni tar-Russja li hija intitolata għal żoni ta’ interess esklużiv għad-detriment tas-sovranità u l-integrità territorjali ta’ stati oħra bħala inkompatibbli mad-dritt internazzjonali;

4.  Jikkundanna n-nuqqas tal-Federazzjoni Russa li tistabbilixxi r-responsabbiltà għad-delitti Sovjetiċi u l-ostakolar intenzjonat tagħha tar-riċerka storika billi ċaħdet l-aċċess għall-arkivji Sovjetiċi u għalqithom, kif ukoll il-fatt li ppromulgat leġiżlazzjoni li tikkriminalizza r-rappreżentazzjoni veritiera tad-delitti Sovjetiċi u Russi u ppersegwitat l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li investigaw id-delitti Sovjetiċi, u glorifikat it-totalitarjaniżmu Stalinista u ħolqot mill-ġdid il-metodi tiegħu; isostni li l-impunità u n-nuqqas ta’ edukazzjoni u ta’ dibattitu storiku u pubbliku preċiżi mil-lat fattwali kkontribwew biex ir-reġim Russu attwali jkun kapaċi jerġa’ jqajjem il-politiki imperjalisti u jistrumentalizza l-istorja għall-finijiet kriminali tiegħu; jikkundanna wkoll il-persekuzzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jinvestigaw id-delitti Sovjetiċi jew id-delitti tar-reġim attwali, inkluża l-likwidazzjoni ta’ International Memorial, il-Memorial Human Rights Defence Centre (iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem “Memorial” u l-Grupp Helsinki ta’ Moska, kif ukoll l-għeluq furzat taċ-Ċentru Sakharov;

5.  Ifakkar li l-attakki intenzjonati tal-Federazzjoni Russa fuq il-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna, il-qerda tal-infrastruttura ċivili, l-użu tat-tortura, tal-vjolenza sesswali u tal-istupru bħala armi tal-gwerra, id-deportazzjoni ta’ eluf ta’ ċittadini Ukreni lejn it-territorju tal-Federazzjoni Russa, it-trasferiment u l-adozzjoni b’mod furzat ta’ tfal Ukreni, u ksur serju ieħor tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxu delitti tal-gwerra li tagħhom l-awturi kollha jeħtieġ li jinżammu responsabbli;

6.  Itenni, għaldaqstant, l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-investigazzjoni li għaddejja mill-Prosekutur tal-QKI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, abbażi tal-allegati delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju; jilqa’ l-adezjoni formali tal-Ukrajna fil-QKI mill-1 ta’ Jannar 2025 bħala kontribut importanti għall-isforzi internazzjonali biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għad-delitti internazzjonali serji; jitlob lill-UE tagħmel aktar sforzi diplomatiċi biex tħeġġeġ ir-ratifika tal-Istatut ta’ Ruma u l-emendi kollha tiegħu fuq livell globali;

7.  Barra minn hekk itenni l-appell tiegħu biex jitwaqqaf tribunal speċjali sabiex jinvestiga u jipprosegwixxi d-delitt ta’ aggressjoni mwettaq mit-tmexxija tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna sabiex jipprovdu l-appoġġ politiku, finanzjarju u prattiku kollu meħtieġ biex jiġi stabbilit tribunal speċjali; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għaċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna, ibbażat f’The Hague u li jappoġġja l-isforzi attwali tal-Iskwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta, bħala l-ewwel pass konkret biex jiġi stabbilit it-tribunal speċjali;

8.  Jappella bil-qawwa lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jżidu u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom, inkluż ma’ sħab tal-istess fehma, biex jiġġieldu, b’mod rigoruż u minnufih, id-diżinformazzjoni Russa u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin sabiex jipproteġu l-integrità tal-proċessi demokratiċi tagħhom u jsaħħu r-reżiljenza tas-soċjetajiet Ewropej, fost l-oħrajn billi jippromwovu b’mod attiv il-litteriżmu medjatiku u billi jappoġġjaw il-media u l-ġurnaliżmu professjonali ta’ kwalità, b’mod partikolari l-ġurnaliżmu investigattiv li jikxef il-propaganda Russa, kif ukoll il-metodi u n-networks tagħha u billi jappoġġjaw ir-riċerka f’teknoloġiji ġodda ta’ influwenza ibrida;

9.  Jitlob lill-UE tespandi s-sanzjonijiet tagħha kontra l-mezzi tal-media Russi li jippromwovu kampanji ta’diżinformazzjoni u manipulazzjoni ta’ informazzjoni li jappoġġjaw u jiġġustifikaw il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw dawn is-sanzjonijiet malajr u bir-reqqa u jiddedikaw biżżejjed riżorsi biex jindirizzaw b’mod effettiv din il-gwerra ibrida; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-media indipendenti Russa li jinsabu fl-eżilju sabiex jippermettu vuċijiet diversi fil-media bil-lingwa Russa;

10.  Jesprimi tħassib serju dwar l-avviżi reċenti mit-tmexxija tal-kumpaniji tal-media soċjali rigward l-illaxkar tar-regoli tagħhom dwar il-verifika tal-fatti u l-moderazzjoni u kif dan se jkompli jippermetti l-kampanja ta’ diżinformazzjoni tar-Russja madwar id-dinja; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinfurzaw b’mod strett l-Att dwar is-Servizzi Diġitali b’reazzjoni għal dawn l-avviżi minn Meta u aktar kmieni minn X, inkluż bħala parti importanti mill-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni Russa;

11.  Jappella liċ-ċittadini tal-UE biex jevalwaw b’mod kritiku l-informazzjoni billi joqogħdu attenti għall-oriġini u l-intenzjonijiet tagħha, b’mod partikolari meta din tirrigwarda narrattivi marbuta mar-Russja, u jagħmlu kontroverifika tal-fatti billi jagħmlu użu minn sorsi varjati u affidabbli sabiex jirreżistu għat-tentattivi ta’ manipulazzjoni minn atturi malinni barranin;

12.  Jikkundanna l-isfruttament tar-reliġjon Ortodossa minn Moska għal skopijiet ġeopolitiċi, b’mod partikolari permezz tal-istrumentalizzazzjoni tal-Knisja Ortodossa Russa (il-Patrijarkat ta’ Moska) bħala għodda biex tinfluwenza u teżerċita kontroll fuq il-popolazzjonijiet Ortodossi fl-Ukrajna, fil-Georgia, fil-Moldova, fis-Serbja u f’pajjiżi oħra;

13.  Iwieġeb għad-dikjarazzjoni tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna tat-2 ta’ Mejju 2023 dwar l-ideoloġija tar-“Ruxxiżmu” billi jikkundanna l-ideoloġija, il-politika u l-prattiki imperjalisti nazzjonalisti tar-reġim Russu attwali; jenfasizza l-inkompatibbiltà ta’ tali ideoloġija u politika u dawn il-prattiki mad-dritt internazzjonali u mal-valuri Ewropej;

14.  Jemmen li t-tentattivi tar-Russja li tirrappreżenta ħażin, tirrevedi u tgħawweġ l-istorja tal-Ukrajna jimminaw il-memorja kollettiva u l-identità tal-Ewropa kollha kemm hi u jirrappreżentaw theddida għall-verità storika, il-valuri demokratiċi u l-paċi fl-Ewropa; jappella lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jinvestu aktar fl-edukazzjoni u fir-riċerka dwar l-istorja komuni tal-Ewropa u t-tifkira Ewropea, u sabiex jappoġġjaw proġetti li jippromwovu fehim aħjar tal-impatt tad-diviżjoni tal-Ewropa matul il-Gwerra Bierda; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-bini ta’ mafkar pan-Ewropew fi Brussell għall-vittmi tar-reġimi totalitarji tas-seklu 20; jiddispjaċih dwar l-użu kontinwu ta’ simboli ta’ reġimi totalitarji fi spazji pubbliċi u jitlob projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-użu tas-simboli kemm Nażisti u kemm komunisti Sovjetiċi, kif ukoll fuq is-simboli tal-aggressjoni tar-Russja li għaddejja bħalissa kontra l-Ukrajna;

15.  Jesprimi x-xewqa tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha jippromwovu għarfien u fehim aħjar tat-tbatija umana tal-Ewropej ikkawżata mir-reġim Sovjetiku matul is-seklu 20; f’dan ir-rigward, jitlob it-tifkira u r-rispett għall-vittmi tad-delitti Sovjetiċi, bħad-deportazzjonijiet tal-massa, inkluż tal-poplu Tatar tal-Krimea u mill-pajjiżi Baltiċi, is-sistema tal-Gulag, il-Holodomor, massakri bħall-massakru ta’ Katyn, u t-traġedja tas-Silesia ta’ Fuq;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna u lill-istituzzjonijiet Russi.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Marzu 2025Avviż legali - Politika tal-privatezza