Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2025 dwar it-tkomplija tal-appoġġ sod tal-UE għall-Ukrajna, wara tliet snin ta’ gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja (2025/2528(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u dwar ir-Russja, b’mod partikolari dawk adottati minn meta seħħet l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022 u l-annessjoni tal-peniżola tal-Krimea fid-19 ta’ Frar 2014,
– wara li kkunsidra l-Att Finali ta’ Helsinki tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) tal-1 ta’ Awwissu 1975, il-Karta ta’ Pariġi għal Ewropa Ġdida tal-OSKE tal-21 ta’ Novembru 1990 u l-Memorandum tan-NU dwar il-Garanziji ta’ Sigurtà b’Rabta mal-Adeżjoni tal-Ukrajna għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari tal-5 ta’ Diċembru 1994 (il-Memorandum ta’ Budapest dwar il-Garanziji ta’ Sigurtà),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra(1), u ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li takkumpanjah, iffirmati fl-2014,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, il-Konvenzjonijiet ta’ The Hague, il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom, u l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2023 li jiftaħ negozjati ta’ adeżjoni mal-Ukrajna, wara r-rakkomandazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023 f’dan ir-rigward,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna(2), u forom oħra ta’ appoġġ tal-UE għall-Ukrajna,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Frar 2025 dwar it-tielet anniversarju mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ES-11/7 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU adottata fl-24 ta’ Frar 2025 bit-titolu “Advancing a comprehensive, just and lasting peace in Ukraine” (Nimxu lejn paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew straordinarju tas-6 ta’ Marzu 2025,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi r-Russja ilha mill-24 ta’ Frar 2022 twettaq gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux ipprovokata u inġustifikata fuq skala kbira kontra l-Ukrajna; billi l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna bdiet fl-2014 bl-okkupazzjoni u l-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea u l-okkupazzjoni sussegwenti ta’ partijiet mir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk; billi din il-gwerra ta’ aggressjoni tikkostitwixxi ksur sfaċċat u flagranti tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali u tad-dritt umanitarju internazzjonali, kif stabbilit mill-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949;
B. billi l-azzjonijiet tar-Russja fl-Ukrajna matul it-tliet snin li għaddew għadhom jheddu l-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u mad-dinja kollha; billi l-gwerra ta’ aggressjoni Russa hija l-akbar kunflitt militari fil-kontinent Ewropew minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn u tirrifletti l-kunflitt dejjem jikber bejn l-awtoritarjaniżmu u d-demokrazija;
C. billi l-Ukrajna u ċ-ċittadini tagħha wrew determinazzjoni soda biex jirreżistu l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, u ddefendew lil pajjiżhom b’suċċess, minkejja n-numru kbir ta’ vittmi ċivili u militari, flimkien mal-attakki fuq żoni residenzjali, il-qerda tal-infrastruttura ċivili u pubblika – b’mod partikolari dik li tipprovdi l-ilma u l-enerġija – u tal-ambjent naturali u l-wirt kulturali, id-deportazzjonijiet furzati, l-għajbien u l-adozzjonijiet illegali ta’ tfal deportati, il-ħabs illegali, il-qtil tal-massa, l-eżekuzzjonijiet ta’ persuni ċivili, suldati u priġunieri tal-gwerra, it-tortura u l-użu ta’ vjolenza sesswali u stupru tal-massa bħala armi tal-gwerra u l-alterazzjoni tal-kompożizzjoni etnika tat-territorji okkupati tal-Ukrajna, li kollha jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; billi miljuni ta’ Ukreni għadhom spostati kemm f’pajjiżhom kif ukoll barra minnu; billi n-Nazzjonijiet Uniti kkonfermaw li minn Frar 2022 ’l hawn sfaw maqtula aktar minn 12 500 persuna ċivili, inklużi mijiet ta’ tfal; billi l-awtoritajiet Ukreni jistmaw li, minn meta bdiet l-invażjoni fuq skala sħiħa fi Frar 2022, mill-inqas 20 000 tifel u tifla Ukreni ġew deportati u spostati bil-forza minn djarhom lejn ir-Russja u t-territorji okkupati mir-Russja; billi l-Federazzjoni Russa qed tipprova tiċħad lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha mill-identità etnika, lingwistika u storika tagħhom billi tħassar sinjali ta’ identità Ukrena fit-territorji okkupati; billi fl-2022 il-poplu kuraġġjuż tal-Ukrajna ngħata l-Premju Sakharov bħala rikonoxximent għall-kuraġġ u r-reżiljenza tiegħu;
D. billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fir-riżoluzzjoni tagħha tat-2 ta’ Marzu 2022, ikkwalifikat immedjatament il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna bħala att ta’ aggressjoni bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, u, fir-riżoluzzjoni tagħha tal-14 ta’ Novembru 2022, irrikonoxxiet il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tinżamm responsabbli għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha u legalment u finanzjarjament responsabbli għall-atti illegali tagħha fuq livell internazzjonali, inkluż billi tagħmel riparazzjoni għall-ħsarat u d-danni kkawżati;
E. billi fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fetaħ investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, b’enfasi fuq id-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju mwettqa fit-territorju Ukren mill-21 ta’ Novembru 2013 ’il quddiem u fis-17 ta’ Marzu 2023 ħareġ mandati ta’ arrest għal Vladimir Putin, President tal-Federazzjoni Russa, u Maria Lvova-Belova, l-hekk imsejħa Kummissarju għad-Drittijiet tat-Tfal fl-Uffiċċju tal-President tal-Federazzjoni Russa, għad-delitt tal-gwerra ta’ deportazzjoni illegali ta’ tfal Ukreni, mandati ta’ arrest għal Sergei Kuzhugetovich Shoigu u Valery Vasilyevich Gerasimov għal delitti kontra l-umanità inkluż id-delitt tal-gwerra talli użaw oġġetti ċivili bħala bersalli u d-delitt tal-gwerra talli kkawżaw ħsara inċidentali eċċessiva liċ-ċivili jew ħsara lil oġġetti ċivili; billi l-UE tappoġġja l-istabbiliment ta’ tribunal speċjali għad-delitt ta’ aggressjoni;
F. billi għadd ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari l-Iran, il-Korea ta’ Fuq u l-Belarussja, ipprovdew kunsinni sostanzjali ta’ armi u munizzjon lir-Russja, u l-Belarussja ppermettiet lir-Russja tuża t-territorju tagħha biex tattakka lill-Ukrajna li jikkostitwixxi att ta’ aggressjoni skont id-dritt internazzjonali; billi ġew skjerati truppi tal-Korea ta’ Fuq fil-kamp tal-battalja u qed jiġġieldu flimkien mal-armata Russa; billi r-Russja u ċ-Ċina ffirmaw “sħubija mingħajr limiti” fl-4 ta’ Frar 2022, u sussegwentement, iċ-Ċina saret faċilitatur ewlieni tal-isforz tal-gwerra Russu permezz tal-appoġġ enormi tagħha għall-ekonomija tar-Russja u l-bażi industrijali tad-difiża tagħha, u billi pprovdiet tagħmir b’użu doppju;
G. billi l-aħħar rapport ta’ Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet jistma li, minn Diċembru 2024, il-kost totali tar-rikostruzzjoni u l-irkupru fl-Ukrajna se jkun mill-inqas EUR 506 biljun matul id-deċennju li ġej, li huwa 2,8 darbiet il-prodott domestiku gross nominali stmat tal-Ukrajna għall-2024; billi għad hemm diskrepanza fil-finanzjament totali ta’ EUR 9,62 biljun għall-ħtiġijiet ta’ rkupru u rikostruzzjoni għall-2025;
H. billi l-UE reċentement adottat is-16-il pakkett ta’ sanzjonijiet tagħha kontra r-Russja bl-għan li ddgħajjef il-bażi ekonomika tar-Russja, iċċaħħadha minn teknoloġiji kritiċi u tillimita l-kapaċità tagħha li tiġġieled gwerra; billi s-sanzjonijiet il-ġodda għandhom fil-mira individwi u entitajiet addizzjonali, inklużi ditti militari, evażuri tas-sanzjonijiet, pajjiżi mhux tal-UE sostenituri, propagandisti tal-Kremlin, networks tal-flotta mistura, u individwi involuti fid-deportazzjoni ta’ tfal Ukreni; billi s-sanzjonijiet tal-UE issa japplikaw għal aktar minn 2 400 individwu u entità, u jissoġġettawhom għal iffriżar tal-assi, projbizzjonijiet fuq il-finanzjament u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar;
I. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha pprovdew l-aktar appoġġ kumulattiv sostanzjali għall-Ukrajna fl-oqsma kollha mill-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa, u pprovdew appoġġ finanzjarju li jammonta għal kważi EUR 140 biljun, inkluż appoġġ ta’ aktar minn EUR 67 biljun lill-Ukrajna fil-forma ta’ assistenza umanitarja u ta’ emerġenza, appoġġ baġitarju u assistenza makrofinanzjarja u aktar minn EUR 48 biljun f’għajnuna militari; billi madwar EUR 300 biljun ta’ assi sovrani Russi ġew iffriżati f’ġuriżdizzjonijiet differenti; billi f’Mejju 2024, l-Istati Membri tal-UE approvaw l-użu ta’ rikavati finanzjarji ġġenerati minn assi sovrani Russi mmobilizzati miżmuma fl-UE, stmati għal madwar EUR 210 biljun, biex jappoġġjaw lill-Ukrajna, bil-għan li jipprovdu appoġġ li jammonta sa EUR 3 biljun fis-sena għall-isforzi ta’ rikostruzzjoni u reżiljenza tal-Ukrajna;
J. billi ħafna Stati Membri qed ikomplu jixtru fjuwils fossili mir-Russja, inkluż il-gass naturali likwifikat, li l-importazzjonijiet tiegħu qed jiżdiedu, kif ukoll l-uranju mir-Russja, u dawn jikkontribwixxu għall-ekonomija Russa u jsaħħu r-riżorsi tagħha għall-gwerra; billi l-bejgħ tal-fjuwils fossili Russi lill-UE minn mindu faqqgħet il-gwerra ta’ aggressjoni fuq skala sħiħa kontra l-Ukrajna qabeż il-EUR 200 biljun;
K. billi l-UE laqgħet aktar minn erba’ miljun rifuġjat mill-Ukrajna u esprimiet l-appoġġ tagħha għall-poplu tal-Ukrajna u t-tmexxija tagħha billi bdiet negozjati dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE;
L. billi l-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna fuq rakkomandazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni; billi l-ewwel konferenza intergovernattiva saret fil-25 ta’ Ġunju 2024, u fiha beda l-proċess ta’ negozjati u ġie adottat il-qafas ta’ negozjar;
M. billi, taħt l-amministrazzjoni tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, l-Istati Uniti biddlu b’mod sinifikanti l-pożizzjoni tagħhom dwar il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi l-President Trump qed jagħmel talbiet fil-konfront tal-Ukrajna iżda ma esprima l-ebda talba lin-naħa Russa, u barra minn hekk naqqas ir-responsabbiltà ta’ Moska talli bdiet il-gwerra u possibbilment jipprevedi li jirtira fuq terminu qasir is-sanzjonijiet fuq ir-Russja; billi fil-perjodu biss bejn il-laqgħa tal-President Trump mal-President Zelenskyy tat-28 ta’ Frar 2025 u dik tad-9 ta’ Marzu 2025, ir-Russja wettqet aktar minn 2 100 attakk mill-ajru, inklużi 1 200 attakk bil-bombi ggwidati u kważi 870 attakk bid-droni;
N. billi taħditiet riċenti bejn l-Istati Uniti u r-Russja f’Riyadh eskludew lill-Ukrajna u lill-UE, u l-Istati Uniti ma kkonsultawx lill-alleati Ewropej tagħhom qabel ma ddeċidew li jtemmu is-sehem tagħhom fl-isforzi biex ir-Russja tiġi iżolata; billi l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti, flimkien mar-Russja u l-alleati tagħha, ivvotat kontra riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-24 ta’ Frar 2025 li tikkundanna l-aggressjoni tar-Russja; billi din il-bidla radikali fil-pożizzjoni Amerikana dwar il-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna thedded il-kapaċità tal-Ukrajna li tirreżisti l-aggressjoni tar-Russja, tagħmilha ċara li l-impenn tal-amministrazzjoni f’Washington li żżomm lir-Russja responsabbli ma għadux ta’ min joqgħod fuqu u timmina l-isforzi internazzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi;
O. billi fit-3 ta’ Marzu 2025, l-Istati Uniti ssospendew l-assistenza militari tagħhom lill-Ukrajna, inkluża dik approvata mill-amministrazzjoni preċedenti tal-Istati Uniti, kif ukoll il-kondiviżjoni tal-intelligence mal-Ukrajna; billi mbagħad waqqfu l-aċċess tal-Ukrajna għal immaġnijiet satellitari kummerċjali miġbura mis-sistema tal-gvern tal-Istati Uniti fis-7 ta’ Marzu 2025;
P. billi, skont prinċipji demokratiċi rikonoxxuti b’mod wiesa’ u skont il-kostituzzjoni tal-Ukrajna, l-elezzjonijiet ma jistgħux iseħħu matul żmien ta’ gwerra u taħt liġi marzjali, speċjalment meta miljuni ta’ Ukreni ġew spostati; billi l-liġi marzjali ġiet iddikjarata u għadha fis-seħħ fl-Ukrajna unikament minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; billi l-UE tkompli tirrikonoxxi lill-President Zelenskyy bħala l-mexxej leġittimu tal-Ukrajna sakemm ikunu jistgħu jseħħu elezzjonijiet demokratiċi;
Q. billi l-President Donald Trump ordna ffriżar fuq firxa wiesgħa ta’ għajnuna barranija tal-Istati Uniti, u waqqaf mijiet ta’ proġetti kritiċi fl-Ukrajna, inklużi attivitajiet ta’ tneħħija tal-mini, riabilitazzjoni tal-veterani militari, għajnuna umanitarja, media indipendenti u inizjattivi kontra l-korruzzjoni, investigazzjonijiet dwar delitti tal-gwerra Russi, iżda wkoll dawk li jsaħħu n-networks tat-telekomunikazzjoni tal-Ukrajna kontra l-attakki ċibernetiċi Russi;
R. billi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja hija xhieda tal-attitudni imperjalistika tagħha lejn il-ġirien tagħha; billi sakemm ir-Russja tibqa’ stat li jsegwi politiki reviżjonisti, tibqa’ theddida għas-sigurtà fil-kontinent Ewropew; billi l-gwerra ta’ aggressjoni Russa hija parti minn sett usa’ ta’ objettivi kontra l-Punent u l-interessi u l-valuri tiegħu, l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, id-demokrazija u s-sigurtà, kif iddikjarat b’mod miftuħ minn Vladimir Putin fil-ġimgħat ta’ qabel l-invażjoni fuq skala sħiħa; billi bosta atturi internazzjonali rrikonoxxew lir-Russja bħala sponsor statali tat-terroriżmu u stat li juża mezzi ta’ terroriżmu;
S. billi jekk l-Ukrajna titlef il-gwerra, dan jitqies b’mod wiesa’ bħala telfa strateġika għall-Ewropa, l-Istati Uniti u l-alleanza kollha tan-NATO u bħala premju għar-Russja li hija l-aggressur, b’konsegwenzi ta’ sigurtà estensivi, li l-firxa tagħhom ma tistax tiġi enfasizzata biżżejjed; billi skont l-eżitu tal-gwerra fl-Ukrajna, dan x’aktarx se jkollu effetti kollaterali f’partijiet oħra tad-dinja, b’mod partikolari fl-Indo-Paċifiku, u jaf iħeġġeġ setgħat reviżjonisti oħra biex isegwu l-ambizzjonijiet eġemoniċi tagħhom stess;
T. billi fis-6 ta’ Marzu 2025 sar Kunsill Ewropew Speċjali ddedikat għas-sitwazzjoni fl-Ukrajna u l-ħtieġa li tissaħħaħ id-difiża Ewropea; billi l-Kunsill Ewropew approva l-pakkett ta’ difiża mressaq mill-Kummissjoni għat-tisħiħ tad-difiża Ewropea permezz tal-pjan “ReArm Europe”, li jista’ potenzjalment jimmobilizza sa EUR 800 biljun, u tenna l-appoġġ tiegħu għall-Ukrajna, filwaqt li enfasizza b’mod partikolari li ma jista’ jkun hemm l-ebda negozjati dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna u li ma jista’ jkun hemm l-ebda negozjati li jaffettwaw is-sigurtà Ewropea mingħajr l-involviment tal-Ewropa, u, barra minn hekk, li s-sigurtà tal-Ukrajna u s-sigurtà Ewropea, transatlantika u globali huma interkonnessi;
U. billi mindu faqqgħet il-gwerra, il-kejbils sottomarini fil-Baħar Baltiku u l-infrastruttura ewlenija kienu fil-mira, x’aktarx, ta’ atturi marbuta mar-Russja u maċ-Ċina;
1. Jagħti ġieħ, fit-tielet anniversarju tal-aggressjoni fuq skala sħiħa tar-Russja kontra l-Ukrajna, lill-eluf ta’ persuni li ssagrifikaw ħajjithom għal Ukrajna ħielsa u demokratika; itenni s-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna u l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti fuq livell internazzjonali; jissottolinja b’saħħa d-dritt inerenti tal-Ukrajna għall-awtodifiża f’konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU;
2. Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod qawwi possibbli, tal-gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux ipprovokata u inġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja, tal-Korea ta’ Fuq u tal-Iran; jeżiġi li r-Russja u l-forzi bi prokura tagħha jwaqqfu b’mod immedjat, komplut u mingħajr kundizzjonijiet l-attakki kollha kontra ż-żoni residenzjali u l-infrastruttura ċivili, iwaqqfu l-azzjoni militari kollha fl-Ukrajna u jirtiraw il-forzi militari, il-forzi bi prokura u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu tal-Ukrajna rikonoxxut fuq livell internazzjonali; itenni l-politika tiegħu ta’ nonrikonoxximent tat-territorji okkupati temporanjament tal-Ukrajna mir-Russja, inkluż iżda mhux limitat għall-Krimea; jeżiġi li l-Federazzjoni Russa tieqaf b’mod permanenti milli tikser jew thedded is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna; jikkundanna l-atroċitajiet imwettqa kontra l-popolazzjoni Ukrena mill-forza invadenti Russa u l-qerda indiskriminata tal-infrastruttura tal-Ukrajna; jeżiġi t-tmiem tad-deportazzjonijiet furzati ta’ ċivili Ukreni, u l-ħelsien u r-ritorn tal-Ukreni kollha detenuti, speċjalment it-tfal;
3. Itenni l-kundanna tiegħu tal-aggressjoni fuq skala sħiħa tar-Russja kontra l-Ukrajna bħala theddida eżistenzjali għas-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea; jenfasizza li d-delitt ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna huwa ksur gravi tad-dritt internazzjonali u tal-Karta tan-NU; jissottolinja li l-gwerra ta’ aggressjoni Russa biddlet b’mod fundamentali s-sitwazzjoni ġeopolitika fl-Ewropa u lil hinn minnha, u qed thedded l-arkitettura tas-sigurtà tagħha, u li bħala reazzjoni din titlob li l-UE tieħu deċiżjonijiet politiċi, ta’ sigurtà u finanzjarji qalbiena, kuraġġjużi u komprensivi; jemmen li Ukrajna li tkun kapaċi tiddefendi lilha nnifisha b’mod effettiv hija parti integrali minn xenarju tas-sigurtà Ewropew stabbli u prevedibbli;
4. Jemmen li l-eżitu tal-gwerra u l-pożizzjoni meħuda mill-komunità internazzjonali se jkollhom rwol kruċjali biex jinfluwenzaw azzjoni futura minn reġimi awtoritarji oħra, li qed josservaw mill-qrib l-andament tal-gwerra u qed jivvalutaw kemm għandhom spazju biex jeżerċitaw politiki esteri aggressivi, inkluż b’mezzi militari;
5. Jesprimi tħassib serju dwar il-bidla apparenti fil-pożizzjoni tal-Istati Uniti dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, li inkludiet li jingħata t-tort b’mod sfaċċat lill-Ukrajna għall-gwerra li għaddejja, li tiġi sospiża l-għajnuna militari tal-Istati Uniti, u li jsir tentattiv biex l-Ukrajna tiġi mġiegħla ċċedi d-dritt leġittimu tagħha ta’ awtodifiża u tagħmel konċessjonijiet territorjali; jisħaq li, fid-dawl ta’ din il-bidla fil-pożizzjoni, l-UE u l-Istati Membri tagħha issa huma l-alleati strateġiċi primarji tal-Ukrajna u jeħtiġilhom iżommu r-rwol tagħhom bħala l-akbar donaturi għall-Ukrajna u jżidu b’mod sinifikanti l-assistenza tant meħtieġa li jipprovdu biex jiġi rispettat id-dritt tal-Ukrajna ta’ awtodifiża u jikkontribwixxu, sa fejn ikun possibbli, biex jagħmlu tajjeb għall-finanzjament sospiż tal-USAID, filwaqt li jiżguraw għajnuna fit-tul għar-rikostruzzjoni u l-irkupru;
6. Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri biex iżidu u jaċċelleraw b’mod sostanzjali l-appoġġ militari tagħhom, b’mod partikolari l-forniment ta’ armi u munizzjon, kif ukoll taħriġ, b’rispons għall-ħtiġijiet urġenti (fost l-oħrajn sistemi ta’ armi fuq distanza twila, sistemi ta’ difiża tal-ajru, sistemi ta’ artillerija, sistemi ta’ gwerra elettronika, kapaċitajiet kontra d-droni u tagħmir tal-inġinerija); iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-industriji tad-difiża tagħhom jinvestu fl-industrija tad-difiża Ukrena u jissieħbu magħha sabiex jimmassimizzaw il-potenzjal sħiħ tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha sabiex jipproduċu tagħmir kritiku bl-aktar mod effiċjenti u li jsegwi l-eżempju Daniż u dak Olandiż; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Istati Membri kollha tal-UE u l-alleati tan-NATO għandhom jimpenjaw ruħhom b’mod kollettiv u individwali biex jappoġġjaw lill-Ukrajna b’mod militari b’mhux anqas minn 0,25 % tal-PDG tagħhom ta’ kull sena; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw l-infrastruttura tal-immaġni bis-satellita tagħhom għall-Ukrajna; ifakkar li l-appoġġ militari lill-Ukrajna jrid ikun biżżejjed biex fl-aħħar mill-aħħar iwaqqaf il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u jippermetti lill-Ukrajna tillibera lill-poplu kollu tagħha, tistabbilixxi mill-ġdid kontroll sħiħ fuq it-territorju kollu tagħha fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u tiskoraġġixxi kwalunkwe aggressjoni ulterjuri mir-Russja; jinnota, f’dan il-kuntest, li għadd ta’ Stati Membri tal-UE mhumiex allinjati u jħeġġiġhom iżidu l-appoġġ tagħhom għall-Ukrajna f’konformità mal-kostituzzjonijiet tagħhom;
7. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jappoġġja x-xewqa tal-Ukrajna għal paċi ġusta u dejjiema u għall-Formula ta’ Paċi u għall-Pjan tar-Rebħa ppreżentati mill-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky; jemmen li huwa pjan komprensiv biex tiġi restawrata l-integrità territorjali tal-Ukrajna u jinkludi l-elementi kostitwenti ta’ paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna bbażata fuq il-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali, li jirrikjedi r-restawr sħiħ tal-integrità territorjali tal-Ukrajna, ir-responsabbiltà għad-delitti tal-gwerra u d-delitt ta’ aggressjoni, il-kumpens Russu għall-ħsara enormi kkawżata fl-Ukrajna, responsabbiltà sħiħa għal dawk responsabbli, u l-esklużjoni ta’ kwalunkwe aggressjoni futura mir-Russja; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu ma’ sħab tal-istess fehma biex jiżguraw li n-negozjati għall-paċi jsiru b’mod konformi mal-prinċipji msemmija hawn fuq;
8. Jissottolinja li kwalunkwe negozjati ta’ paċi ġenwini jridu jitwettqu in bona fide u jinkludu l-Ukrajna; ifakkar li kwalunkwe soluzzjoni li teskludi lill-Ukrajna jew li ddgħajjef l-aspirazzjonijiet leġittimi tagħha, bħad-dritt tagħha li tagħżel l-arranġamenti ta’ sigurtà tagħha stess, jew li ma jkollhiex garanziji kredibbli ta’ sigurtà għall-Ukrajna li jikkontribwixxu biex tiġi skoraġġita aggressjoni Russa futura, la se tkun ġusta u lanqas vijabbli;
9. Jinsisti li l-UE jeħtiġilha tikkontribwixxi għal garanziji ta’ sigurtà robusti għall-Ukrajna sabiex tiskoraġġixxi aggressjoni ulterjuri mir-Russja; jissottolinja li l-Ukrajna jeħtiġilha tingħata s-setgħa li tirreżisti u timpedixxi aktar attakki Russi u li tirrifjuta ftehimiet mgħaġġla li jdgħajfu s-sigurtà tagħha fuq terminu medju sa dak twil u li jirriskjaw li jissoġġettaw lill-Ukrajna u lil pajjiżi Ewropej oħra għal aggressjoni Russa mġedda; jissottolinja li l-ekonomija tal-gwerra tar-Russja mhijiex sostenibbli u li l-akkoppjament tal-pressjoni ekonomika orkestrata ma’ appoġġ militari aċċellerat għall-Ukrajna jippermetti lill-forzi Ukreni jtejbu l-pożizzjonijiet tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jagħmlu ħsara lill-ekonomija tar-Russja, sabiex jiġi żgurat li l-Ukrajna jkollha pożizzjoni ta’ negozjar aktar b’saħħitha meta taqbel li tidħol f’taħditiet ta’ paċi;
10. Jiddeplora bil-qawwa kwalunkwe tentattiv ta’ rikatt lit-tmexxija tal-Ukrajna biex iċċedi lill-aggressur Russu għall-iskop uniku li jitħabbar l-hekk imsejjaħ “ftehim ta’ paċi”; iqis li t-tentattivi attwali mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex tinnegozja ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u ta’ paċi mar-Russja mingħajr il-preżenza tal-kapijiet tal-Ukrajna u ta’ Stati Ewropej oħra, li fihom dawn tal-aħħar jiġu kkonfrontati bir-riżultat mingħajr il-parteċipazzjoni sinifikanti tagħhom, bħala kontroproduttivi u perikolużi, peress li dan iwassal biex tingħata s-setgħa lill-Istat belliġerenti, u b’hekk jintwera li politika aggressiva mhijiex kkastigata iżda ppremjata; jikkonkludi li, meta titqies l-istorja tal-ksur mir-Russja ta’ ftehimiet preċedenti u ta’ prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali, tali paċi tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ saħħa, inklużi garanziji ta’ sigurtà effettivi;
11. Jenfasizza li l-appoġġ finanzjarju pprovdut mill-UE u l-Istati Membri tagħha lill-Ukrajna jeċċedi lil dak ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor, u dan jirrifletti l-impenn mingħajr paragun tal-Unjoni lejn l-Ukrajna u konsegwentement lejn is-sigurtà tal-Ewropa; jenfasizza li r-rwol tal-UE fi kwalunkwe negozjati li għandhom impatt fuq is-sigurtà tal-Ewropa jrid ikun proporzjonat mal-piż politiku u ekonomiku tagħha; jafferma mill-ġdid li ma jistax ikun hemm negozjati dwar is-sigurtà Ewropea mingħajr l-Unjoni Ewropea mal-mejda; jilqa’ l-isforzi tal-President ta’ Franza Macron u tal-Prim Ministru tar-Renju Unit Starmer biex jospitaw summits ta’ emerġenza Ewropej f’Pariġi u Londra; jilqa’ t-tnedija ta’ “koalizzjoni ta’ dawk li jridu” li tippermetti infurzar immexxi mill-Ewropa ta’ ftehim ta’ paċi eventwali;
12. Jesprimi diżappunt dwar il-politika tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li tipplaka lir-Russja u tattakka lill-alleati tagħha; iwissi li din il-politika ddgħajjef il-fiduċja tal-alleati tradizzjonali tal-Istati Uniti madwar id-dinja u jista’ jkollha konsegwenzi devastanti għar-rabta transatlantika, il-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa u lil hinn minnha;
13. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu l-aħħar żviluppi fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Ukrajna bħala l-aħħar sinjal ta’ twissija biex jieħdu r-rwol ta’ sħab ewlenin tal-Ukrajna, u jaħdmu b’mod attiv biex jinżamm l-aktar appoġġ internazzjonali wiesa’ possibbli għall-Ukrajna, inkluż permezz tal-ħolqien ta’ “koalizzjoni ta’ dawk li jistgħu u li jridu” ma’ sħab tal-istess fehma madwar id-dinja biex jappoġġjaw lill-Ukrajna u jżidu l-pressjoni fuq ir-Russja;
14. Jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta mill-Ukrajna u mill-Istati Uniti wara l-laqgħa tagħhom fir-Renju tal-Arabja Sawdija fil-11 ta' Marzu 2025, inkluż it-tkomplija tal-assistenza militari tal-Istati Uniti u l-kondiviżjoni tal-intelligence kif ukoll proposta għal ftehim ta' waqfien mill-ġlied għal 30 jum; ifakkar li waqfien mill-ġlied jista' jkun għodda effettiva għal sospensjoni tal-ostilitajiet, biss jekk l-aggressur jaderixxi bis-sħiħ miegħu; jistenna għalhekk li r-Russja taqbel miegħu u ssegwih billi twaqqaf l-attakki kollha fuq l-Ukrajna, il-pożizzjonijiet militari, il-popolazzjoni ċivili, l-infrastruttura u t-territorju tagħha;
15. Jesprimi tħassib dwar iż-żieda fit-tensjonijiet fil-Baħar Baltiku u l-azzjonijiet tal-gwerra ibrida kontra l-infrastruttura kritika u jqis li kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Nordiċi, l-Istati Baltiċi, il-Polonja u l-Ġermanja hija kruċjali;
16. Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew Speċjali tas-6 ta’ Marzu 2025 u l-appoġġ tiegħu għat-tisħiħ rapidu tad-difiża Ewropea permezz tal-pjan “ReArm Europe” u għat-tennija tal-appoġġ tiegħu għall-Ukrajna permezz tal-approċċ “il-paċi permezz tas-saħħa”, filwaqt li enfasizza b’mod partikolari l-interkonnessjoni bejn is-sigurtà tal-Ukrajna u s-sigurtà Ewropea, transatlantika u globali;
17. Itenni li l-attakki intenzjonati tar-Russja fuq il-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna, il-qerda tal-infrastruttura ċivili, l-użu tal-vjolenza sesswali u l-istupru bħala arma tal-gwerra, id-deportazzjoni ta’ eluf ta’ ċittadini Ukreni lejn it-territorju tal-Federazzjoni Russa, it-trasferiment furzat u l-adozzjoni ta’ tfal Ukreni, u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali lkoll jikkostitwixxu delitti tal-gwerra li għalihom l-awturi kollha jeħtiġilhom jinżammu responsabbli;
18. Jenfasizza li dawk kollha responsabbli għad-delitti tal-gwerra mwettqa fl-Ukrajna jridu jinżammu responsabbli u jisħaq li l-ebda paċi mhi se tkun sostenibbli mingħajr ġustizzja; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien mal-Ukrajna u mal-komunità internazzjonali biex jistabbilixxu tribunal speċjali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tad-delitt ta’ aggressjoni mwettaq kontra l-Ukrajna mir-Russja u l-alleati tagħha u jissottolinja l-ħtieġa li l-ġuriżdizzjoni ta’ dan it-tribunal tkopri t-tmexxija kollha tar-Russja u tal-Belarussja responsabbli għall-aggressjoni kontra l-Ukrajna; jilqa’ l-istabbiliment taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni fl-Ukrajna f’The Hague;
19. Jenfasizza l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-investigazzjoni li għaddejja mill-Prosekutur tal-QKI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna abbażi tal-allegati delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità u ġenoċidju; jilqa’ r-ratifika tal-Ukrajna tal-Istatut ta’ Ruma tal-QKI, li ppermettielha ssir stat parti għalih minn Jannar 2025; f’dan il-kuntest, jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra l-QKI, il-prosekuturi, l-imħallfin u l-persunal tagħha, li jikkostitwixxu attakk serju fuq is-sistema ġudizzjarja internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tattiva b’mod urġenti l-Istatut ta’ Mblukkar u lill-Istati Membri jżidu b’mod urġenti l-isforzi diplomatiċi tagħhom sabiex jipproteġu u jissalvagwardjaw il-QKI bħala pedament indispensabbli tas-sistema ġudizzjarja internazzjonali;
20. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jiftaħ negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna ladarba jiġu ssodisfati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni; jafferma mill-ġdid li l-futur tal-Ukrajna jinsab fl-UE; jilqa’ l-progress fir-riformi relatati mal-adeżjoni minkejja l-kundizzjonijiet ta’ żmien il-gwerra; jappella biex jitħaffu t-taħditiet dwar l-adeżjoni, filwaqt li l-integrazzjoni tal-Ukrajna mal-UE tiġi rikonoxxuta bħala prijorità strateġika; jenfasizza l-importanza ta’ assistenza finanzjarja kontinwa tal-UE, marbuta ma’ riforma konkreta, bħala strument ewlieni biex tiġi sostnuta u aċċellerata t-trasformazzjoni tal-Ukrajna f’konformità mal-istandards Ewropej; jissottolinja li l-kriterji ta’ Copenhagen u r-riformi meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, id-demokrazija, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, huma fundamentali għall-proċess ta’ adeżjoni bbażat fuq il-mertu; jemmen li s-sħubija tal-Ukrajna mal-UE tirrappreżenta investiment ġeostrateġiku f’Ewropa magħquda u b’saħħitha u li din tammonta għal turija ta’ tintwera tmexxija, determinazzjoni u viżjoni;
21. Ifakkar fl-impenji tan-NATO li l-Ukrajna tiġi ammessa fl-Alleanza; jieħu nota f’dan ir-rigward tal-politika konsistenti ta’ bibien miftuħa tan-NATO, li abbażi tagħha n-NATO tibqa’ miftuħa għad-demokraziji Ewropej kollha li jikkondividu l-valuri tal-Alleanza, u li abbażi tagħha d-deċiżjonijiet dwar is-sħubija għandhom jittieħdu biss mill-alleati tan-NATO, mingħajr l-intervent ta’ ebda parti terza f’dan il-proċess;
22. Jistieden lill-awtoritajiet Ukreni jsaħħu l-unità politika interna fl-Ukrajna, iħarsu l-pluraliżmu parlamentari u jimpenjaw ruħhom f’kooperazzjoni kostruttiva mal-partiti politiċi fil-Verkhovna Rada; jistieden lill-atturi politiċi tal-Ukrajna jkomplu jsaħħu l-unità politika u l-pluraliżmu parlamentari u jimpenjaw ruħhom f’kooperazzjoni kostruttiva fi ħdan il-Verkhovna Rada; jitlob li jitqiesu kif xieraq is-setgħat u d-drittijiet tal-korpi awtogovernattivi lokali; jitlob li l-pluraliżmu tal-media jiġi ggarantit f’konformità mal-prinċipji u l-valuri demokratiċi li l-Ukreni qed jiddefendu b’mod tant determinat u kuraġġjuż; jissuġġerixxi, fid-dawl tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE, li jintemmu l-limitazzjonijiet kollha tal-ivvjaġġar barra mill-pajjiż tal-membri tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna;
23. Ifaħħar lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ukreni, Ewropej u internazzjonali talli appoġġjaw lill-familji ta’ tfal Ukreni maħtufa, lill-priġunieri tal-gwerra u liċ-ċivili detenuti illegalment; jappella lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jgħinuhom fl-isforzi tagħhom u jintensifikaw il-pressjoni fuq ir-Russja biex tirritorna l-Ukreni kollha maħtufa u detenuti;
24. Jiġbed l-attenzjoni għall-istima tal-aħħar Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet li tistma li se jkunu meħtieġa mill-inqas EUR 506 biljun tul l-għaxar snin li ġejjin għall-irkupru u għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna; jilqa’ l-Faċilità tal-UE għall-Ukrajna, li għandha baġit ta’ kważi EUR 50 biljun, u l-Mekkaniżmu tal-UE ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna, li, f’kooperazzjoni mal-G7, joffri self lill-Ukrajna sa EUR 45 biljun; madankollu, iħeġġeġ lill-UE tipprepara għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna billi jiġu ddedikati u żgurati riżorsi ġodda; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lis-sħab tal-istess fehma jipprovdu assistenza politika, ekonomika, teknika u umanitarja komprensiva u kkoordinata biex jappoġġjaw ir-rikostruzzjoni u l-irkupru sostenibbli u inklużivi tal-Ukrajna wara l-gwerra; jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għal appoġġ finanzjarju u ekonomiku sostenibbli u fit-tul lill-Ukrajna, inkluża l-assistenza makrofinanzjarja, l-appoġġ għar-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku u soċjali u miżuri biex tiġi żgurata r-reżiljenza tal-ekonomija u l-infrastruttura kritika tal-Ukrajna; itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li r-Russja jeħtiġilha tħallas għall-ħsara massiva kkawżata fl-Ukrajna u għalhekk jappella għall-konfiska tal-assi Russi immobilizzati taħt is-sanzjonijiet tal-UE biex jappoġġjaw id-difiża u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna;
25. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-effettività u l-impatt tas-sanzjonijiet fuq ir-Russja sabiex jimminaw b’mod definittiv il-kapaċità tar-Russja li tkompli twettaq il-gwerra brutali ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u li thedded is-sigurtà ta’ pajjiżi Ewropej oħra; jitlob projbizzjoni jew tariffi mmirati fuq l-importazzjonijiet Russi lejn l-UE bl-għan li jingħalaq kompletament il-fluss ta’ qamħ, potassa u fertilizzanti kif ukoll materja prima inklużi l-azzar, l-uranju, it-titanju, in-nikil, l-injam u l-prodotti tal-injam, u t-tipi kollha ta’ żejt u gass; jistieden lill-Kunsill iżomm, jirrifletti fejn possibbli u jestendi l-politika ta’ sanzjonijiet tiegħu kontra r-Russja, u l-Istati abilitanti kollha, bħall-Belarussja, l-Iran, il-Korea ta’ Fuq, u jissanzjona lill-entitajiet Ċiniżi li jfornu oġġetti b’użu doppju u oġġetti militari, filwaqt li jimmonitorja, jirrieżamina u jsaħħaħ l-effettività u l-impatt tal-politika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni rapida u l-infurzar strett tal-pakketti ta’ sanzjonijiet kollha, u jsaħħu l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tal-impatt tal-effikaċja tas-sanzjonijiet fit-tfixkil tal-isforz tal-gwerra Russu u dwar l-effikaċja tal-miżuri għall-prevenzjoni taċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; jistieden lill-Kunsill jindirizza b’mod sistematiku l-kwistjoni ta’ ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet minn kumpaniji bbażati fl-UE, partijiet terzi u pajjiżi mhux tal-UE u jadotta u jimplimenta b’mod strett miżuri restrittivi kontra l-entitajiet kollha li jiffaċilitaw iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet u li jipprovdu lill-kumpless militari Russu teknoloġiji u tagħmir militari u b’użu doppju;
26. Jappella għal aktar sanzjonijiet kontra setturi ta’ importanza speċjali għall-ekonomija Russa, b’mod partikolari s-settur bankarju, is-settur tal-metallurġija, is-settur nukleari, is-settur tal-kimika u s-settur tal-agrikoltura, il-materja prima bħall-aluminju, l-azzar, l-uranju, it-titanju u n-nikil, kif ukoll għal miżuri kontra ċ-ċirkomvenzjoni fil-konfront tal-pajjiżi u l-entitajiet kollha li jipprovdu lir-Russja bi prodotti u teknoloġiji militari u b’użu doppju; jappella għal aktar azzjonijiet kontra l-“flotta mistura” Russa, fid-dawl taċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet, is-sabotaġġ tal-infrastruttura kritika u r-riskji ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b’mod konġunt mal-Istati tal-bandiera u tal-port barra mill-UE u tieħu azzjoni kontra s-sidien, l-operaturi u l-operaturi tal-assigurazzjoni f’pajjiżi terzi li jgħinu l-flotta mistura tar-Russja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jikkoordinaw il-kooperazzjoni operattiva bejn l-aġenziji tal-gwardja tal-kosta sabiex tiżdied il-kapaċità ġenerali għas-sorveljanza marittima; jenfasizza li r-Russja qed iżżid id-dipendenza tagħha fuq fertilizzanti derivati mill-gass, li jipprovdu sors dejjem akbar ta’ dħul, filwaqt li fl-istess ħin jikkompromettu l-ekonomiji tal-UE u jheddu s-sigurtà tal-ikel; jistenna li l-UE żżomm is-sanzjonijiet tagħha kontra r-Russja fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ biex tiżgura paċi ġusta u dejjiema u sakemm ma tiġi determinata r-responsabbiltà;
27. Jitlob li l-pakkett ta’ sanzjonijiet tal-UE li jmiss jissanzjona t-tankers tal-flotta mistura kollha magħrufa u s-sidien tagħhom, filwaqt li jintroduċi wkoll sanzjonijiet fuq kwalunkwe tanker taż-żejt li jikser il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, u jinforza l-implimentazzjoni stretta mill-Istati Membri kollha tal-miżuri li jipprojbixxu l-bastimenti, irrispettivament mill-bandiera, milli jbaħħru fl-ibħra Ewropej jew fi kwalunkwe port tal-Istati Membri tal-UE f’każ li ma jkunux segwew ir-regoli internazzjonali rigward it-trasferimenti minn vapur għal vapur (STS) fil-baħar jew li jkunu tfew illegalment is-sistema ta’ identifikazzjoni awtomatika tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprojbixxu t-trasferimenti minn vapur għal vapur taż-żejt Russu fl-ilmijiet tal-UE;
28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw sanzjonijiet usa’ fuq l-injam Russu u Belarussu, inkluż b’mod speċifiku l-projbizzjoni tal-importazzjoni jew ix-xiri ta’ prodotti tal-injam ipproċessati f’pajjiżi mhux tal-UE li jinkorporaw l-injam, b’mod partikolari l-plywood tal-betula, li joriġina mir-Russja jew mill-Belarussja, biex jappoġġjaw l-infurzar tas-sanzjonijiet attwali;
29. Jikkundanna bil-qawwa lill-Gvern Ungeriż talli hedded li jimblokka t-tiġdid tal-qafas ta’ sanzjonijiet tal-UE kif ukoll talli llimita rispons xieraq tal-UE proporzjonat mal-gravità tas-sitwazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jużaw l-għodod disponibbli kollha biex jipprevjenu lill-Gvern Ungeriż milli jkompli bl-imblokkar tiegħu;
30. Jappella għal aktar limitazzjonijiet fuq iċ-ċittadini Russi u Belarussi li jidħlu fl-UE, speċjalment permezz ta’ skrinjar tas-sigurtà aktar strett, inkluża l-preżentazzjoni ta’ rekords tas-servizz militari matul il-proċess ta’ applikazzjoni għal viża ta’ Schengen, minkejja l-ħtieġa tal-ħruġ ta’ viżi umanitarji;
31. Jikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjoni ta’ priġunieri tal-gwerra Ukreni mill-forzi Russi; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-sħab internazzjonali jżidu l-pressjoni fuq ir-Russja biex tikkonforma mal-obbligi internazzjonali tagħha, b’mod partikolari mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, u biex tippermetti l-aċċess tal-organizzazzjonijiet internazzjonali għall-priġunieri;
32. Jikkundanna l-impatt devastanti tal-gwerra tar-Russja fuq it-tfal; jappella għal aktar appoġġ tal-UE għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-servizzi tas-saħħa mentali għat-tfal, u għall-protezzjoni tagħhom, inkluż billi tipprovdilhom irkupru mit-trawma u ambjenti ta’ tagħlim siguri; iħeġġeġ lill-UE u lill-Ukrajna jagħtu prijorità lill-ħtiġijiet tat-tfal fl-isforzi ta’ għajnuna u ta’ rikostruzzjoni, fit-tneħħija tal-mini tal-art, u fl-integrazzjoni tal-benesseri tat-tfal fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE;
33. Itenni t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Zaporizhzhia, li huwa kkontrollat b’mod illegali mir-Russja; jappoġġja l-isforzi biex tinżamm preżenza kontinwa tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Zaporizhzhia; itenni t-tħassib serju tiegħu dwar l-impatt ambjentali usa’ u fit-tul tal-gwerra;
34. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika tal-UE, b’mod partikolari sabiex tiċċara pubblikament l-appoġġ ewlieni tal-UE lill-Ukrajna – speċjalment fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet li jfittxu li jnaqqsu s-sinifikat tal-kontribut tagħha – tiġġieled it-theddid ibridu u l-attivitajiet f’żona griża, u tipprevjeni l-indħil Russu fil-proċessi politiċi, elettorali u proċessi demokratiċi oħrajn fl-Ukrajna u fl-Ewropa; iħeġġeġ komunikazzjoni proattiva dwar il-benefiċċji tat-tkabbir tal-UE sabiex jissaħħu l-fehim u l-appoġġ tal-pubbliku għall-adeżjoni tal-Ukrajna kemm fl-Ukrajna kif ukoll fl-Istati Membri; jissottolinja li l-integrazzjoni tal-Ukrajna fl-UE hija opportunità għall-iżvilupp kemm tar-reġjuni tal-fruntiera kif ukoll tal-Istati Membri; jitlob bil-qawwa li l-UE u l-Istati Membri jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni Russa dwar il-gwerra, billi jsaħħu l-litteriżmu diġitali, jippromwovu narrattivi bbażati fuq il-fatti u jżommu lill-pjattaformi tal-media soċjali responsabbli għat-tixrid ta’ kontenut dannuż billi jinfurzaw b’mod strett l-Att dwar is-Servizzi Diġitali(3);
35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali), ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj.