Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' April 2025 dwar il-mewġa ta’ eżekuzzjonijiet fl-Iran u l-konferma tal-pieni tal-mewt tal-attivisti Behrouz Ehsani u Mehdi Hassani (2025/2628(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 150(5) u l-Artikolu 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Iran għandu l-ogħla rata ta’ sentenza tal-mewt per capita fid-dinja; billi mir-rewwixta tal-moviment “Nisa, Ħajja, Libertà” fl-2022 ’il hawn, l-awtoritajiet Iranjani qabdu jwettqu eżekuzzjonijiet bla rażan, inkluż kontra d-dissidenti, in-nisa, il-ġurnalisti u l-minoranzi;
B. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran qed tmur għall-agħar, inkluż l-immirar sistemiku tan-nisa, it-tfal u l-minoranzi etniċi u reliġjużi, bħall-Insara, il-Baħai, il-Kurdi u l-Baluċijin;
C. billi wara l-mewt ta’ Jina Mahsa Amini, li seħħet waqt li kienet f’kustodja, l-awtoritajiet Iranjani intensifikaw l-isforzi biex irażżnu l-moviment “Nisa, Ħajja u Libertà”;
D. billi skont “Iran Human Rights”, fl-2024 fl-Iran ġew iġġustizzjati mill-inqas 975 persuna, l-ogħla numru f’aktar minn għoxrin sena; billi dan jinkludi individwi arrestati bħala minorenni, kif ukoll ċittadini Ewropej;
E. billi r-reġim f’Tehran jimmira lejn il-kritiċi vokali tiegħu billi jorkestra l-assassinju ta’ politiċi, ġurnalisti u dissidenti barra mill-pajjiż, inkluż fit-territorju Ewropew u dak tal-Amerka ta’ Fuq, bħall-attentat ta’ qtil tal-eks Viċi President tal-Parlament Ewropew Alejo Vidal-Quadras;
F. billi l-priġunieri politiċi Behrouz Ehsani u Mehdi Hassani ġew arrestati f’Novembru 2022 u ġew soġġetti għal tortura u reklużjoni fit-tul, imċaħħda mid-drittijiet bażiċi tagħhom matul il-priġunerija tagħhom u ġew ikkundannati għall-mewt fuq akkużi ta’ “ribelljoni armata kontra l-istat”, “mibegħda kontra Alla” u “korruzzjoni fuq l-art”;
G. billi diversi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi Pakhshan Azizi, Wirishe Moradi, Mahvash Sabet u Sharifeh Mohammadi, qed iħabbtu wiċċhom ma’ persekuzzjoni ħarxa fl-Iran, b’xi wħud ikkundannati għall-mewt u oħrajn priġunieri l-ħabs;
1. Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-Gvern Iranjan jintroduċi moratorju immedjat li jwassal għall-abolizzjoni tagħha;
2. Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Iran li tikkonferma s-sentenza tal-mewt kontra Behrouz Ehsani u Mehdi Hassani, detenuti f’kundizzjonijiet inumani u soġġetti għal proċessi inġusti;
3. Jitlob il-ħelsien tagħhom, flimkien mal-priġunieri kollha li bħalissa jinsabu kkundannati għall-mewt għall-attiviżmu politiku; ifakkar, b’mod partikolari, fil-każijiet urġenti ta’ Pakhshan Azizi, Wirishe Moradi, Sharifeh Mohammadi u Mahvash Sabet;
4. Jikkundanna ż-żieda bla preċedent fl-eżekuzzjonijiet u l-immirar sistematiku tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi permezz tal-piena tal-mewt u l-persekuzzjonijiet, b’mod partikolari l-Insara, il-Baħai, il-Kurdi u l-Baluċijin; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-individwi detenuti minħabba r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom;
5. Jitlob b’saħħa l-ħelsien immedjat u r-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE ikkundannati, inklużi Cécile Kohler, Jacques Paris u Ahmadreza Djalali u li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jikkundanna l-użu mill-Iran tad-diplomazija tal-ostaġġi;
6. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jagħmlu l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi u taċ-ċittadini tal-UE kundizzjoni għat-titjib tar-relazzjonijiet mal-Iran;
7. Itenni l-appell tiegħu lill-Iran biex jagħti lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u lill-Missjoni ta’ Tiftix tal-Fatti tan-NU aċċess mingħajr xkiel għall-pajjiż;
8. Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jiddeżinja l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika bħala organizzazzjoni terroristika u jkompli jidentifika u jissanzjona lill-uffiċjali Iranjani responsabbli tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-komunità internazzjonali twieġeb bil-qawwa għall-attentati ta’ assassinju orkestrati ta’ Tehran madwar id-dinja mmirati lejn il-kritiċi u l-avversarji tar-reġim tal-Mullah;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jespandu l-assistenza teknika u finanzjarja għas-soċjetà ċivili Iranjana;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lill-Assemblea Konsultattiva Iżlamika u lill-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.