Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2025/2612(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B10-0211/2025

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 03/04/2025 - 9.9
CRE 03/04/2025 - 9.9

Testi adottati :

P10_TA(2025)0066

Testi adottati
PDF 142kWORD 51k
Il-Ħamis, 3 ta' April 2025 - Strasburgu
Attakki mmirati kontra l-Insara fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo: niddefendu l-libertà tar-reliġjon u s-sigurtà
P10_TA(2025)0066RC-B10-0211/2025

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' April 2025 dwar l-attakki mmirati kontra l-Insara fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo: niddefendu l-libertà tar-reliġjon u s-sigurtà (2025/2612(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), li tiggarantixxi d-dritt għal-libertà tal-kuxjenza u l-eżerċizzju liberu tal-qima reliġjuża għaċ-ċittadini kollha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Intolleranza u ta’ Diskriminazzjoni Bbażata fuq Reliġjon jew Twemmin tan-NU, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta’ Novembru 1981,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Lvant tar-RDK sofra minn vjolenza u instabbiltà mifruxa għal għexieren ta’ snin; billi s-sitwazzjoni qed tkompli tiddeterjora b’mod sinifikanti, karatterizzata minn ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem minn gruppi armati, spostamenti tal-massa, attakki fuq iċ-ċivili u kundizzjonijiet umanitarji allarmanti aggravati aktar minn kunflitti armati, bħall-kunflitt bejn il-Gvern tar-RDK, il-grupp ribelli armat tal-Moviment tat-23 ta’ Marzu (M23) appoġġat mir-Rwanda, u milizzji oħra, li diġà wassal għall-ispostament intern furzat ta’ 4,6 miljun persuna fil-Lvant tar-RDK; billi huwa stmat li madwar 100 grupp armat differenti qed joperaw fil-Lvant tar-RDK; billi d-destabbilizzazzjoni fil-pajjiż qed tiġi xprunata minn sensiela ta’ kwistjonijiet li jikkoinċidu;

B.  billi l-M23 intensifika l-attakki f’Kivu ta’ Fuq, u fid-19 ta’ Marzu 2025 ħataf il-belt rikka fil-minerali ta’ Walikale, mingħajr ma qies il-waqfien mill-ġlied;

C.  billi l-Forzi Demokratiċi Alleati (ADF) huma wieħed mill-aktar gruppi estremisti prominenti b’objettivi espliċitament reliġjużi, speċjalment minn mindu l-mexxej tagħhom wiegħed il-lealtà lill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku tal-Iraq u s-Sirja (ISIS) fl-2019, u dan sar il-fergħa tal-Provinċja tal-Afrika Ċentrali (ISCAP) tagħhom; billi l-attakki tal-ADF jeħtieġ li jitqiesu f’kuntest Afrikan usa’ fejn l-għadd ta’ gruppi Iżlamisti qed jiżdied, b’mod partikolari dawk affiljati mal-ISIS, fir-reġjun tas-Saħel, fil-Qarn tal-Afrika, fil-Mozambique, fin-Niġerja u fir-RDK; billi l-Uganda u l-Istati Uniti kklassifikaw l-ADF bħala grupp terroristiku;

D.  billi, f’Mejju 2024, il-Grupp ta’ Esperti tan-NU dwar ir-RDK wissa li l-“grupp armat kien stabbilixxa networks b’saħħithom fil-ħabsijiet, b’mod partikolari f’Kinshasa fejn id-detenuti tal-ADF kienu attivi fir-reklutaġġ u l-mobilizzazzjoni ta’ kumbattenti u kollaboraturi”, bl-użu mhux biss ta’ mezzi ideoloġiċi, iżda wkoll ta’ mezzi ta’ koerċizzjoni, qerq, ħtif u inċentivi finanzjarji biex jattiraw membri u kollaboraturi;

E.  billi l-ADF għandhom storja twila ta’ attakki terroristiċi fil-Lvant tar-RDK, b’mod partikolari fil-provinċja ta’ Kivu ta’ Fuq u Ituri; billi Kivu ta’ Fuq huwa reġjun rikk fir-riżorsi, bi provvisti vasti ta’ materja prima kritika inklużi l-kobalt, id-deheb u l-landa, liema riżorsi huma meħtieġa għat-tranżizzjonijiet diġitali u tal-enerġija globali; billi huwa magħruf li l-ADF u gruppi armati oħra, inkluż il-M23, kienu qed jiddependu, fost sorsi oħra ta’ finanzjament, fuq l-isfruttament illegali ta’ dawn ir-riżorsi biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom; billi l-Knisja Kattolika Kongoliża tiddikjara li l-ADF huma responsabbli għall-mewt ta’ madwar 6 000 ċivili f’Beni bejn l-2013 u l-2021 u ta’ aktar minn 2 000 f’Bunia fl-2020 biss; billi fl-2024, il-ġiħadisti qatlu għadd kbir ta’ Nsara fir-RDK; billi ċ-ċivili fil-provinċji tal-Lvant tar-RDK qed jiffaċċjaw għadd dejjem akbar ta’ attakki, qtil u ħtif, kif ukoll attakki bil-bombi fuq il-knejjes u l-qerda tal-proprjetajiet (reliġjużi), imwettqa minn gruppi armati b’ideoloġiji estremisti u ġiħadisti; billi l-biċċa l-kbira tal-vittmi tal-attakki tal-ADF kienu Nsara; billi dawn l-attakki jimminaw il-libertà tar-reliġjon u jaggravaw it-tensjonijiet interkomunali; billi l-isqfijiet Kattoliċi tar-RDK tkellmu f’dikjarazzjoni ta’ April 2021 dwar it-theddida tal-“Iżlamizzazzjoni tar-reġjun [Kivu ta’ Fuq] bħala tip ta’ strateġija aktar profonda biex tinfluwenza b’mod negattiv u fit-tul is-sitwazzjoni politika ġenerali tal-pajjiż”;

F.  billi fl-2021, mexxej prominenti Musulman lokali rċieva theddid ta’ mewt mill-ADF, u aktar tard inqatel; billi fl-2023, l-ADF ibbumbardjaw knisja Pentekostali f’Kasindi waqt servizz reliġjuż, u qatlu 14-il persuna; billi fl-2023, l-ADF kienu marbuta ma’ attakk fuq il-villaġġ ta’ Mukondi, li fih inqatlu mill-anqas 44 ċivili, skont l-awtoritajiet lokali; billi l-grupp ħa r-responsabbiltà li f’Diċembru 2024 biss kien wettaq 48 attakk, li fihom inqatlu aktar minn 200 persuna; billi f’Jannar 2024, l-ADF qatlu tmien persuni f’Beni waqt attakk li sar fuq knisja Pentekostali u, f’Mejju 2024, l-aggressuri tal-ADF allegatament qatlu 14-il Kattoliku fil-provinċja ta’ Kivu ta’ Fuq talli rrifjutaw li jikkonvertu għall-Iżlam; billi l-ADF allegatament qatlu wkoll 11-il Nisrani fil-villaġġ ta’ Ndimo fil-provinċja ta’ Ituri u ħatfu diversi oħrajn;

G.  billi l-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw diversi każijiet ta’ vjolenza reliġjuża fir-RDK, filwaqt li saħqu fuq il-ħtieġa urġenti li l-istat jipprovdi protezzjoni adegwata; billi, filwaqt li l-Gvern tar-RDK wera intenzjoni b’saħħitha li jindirizza l-impatti tal-vjolenza tal-gruppi armati fil-Lvant tar-RDK, żviluppi reċenti oħra jixħtu dubju fuq l-impenn tal-gvern li jissalvagwardja l-libertà tar-reliġjon b’mod speċifiku; billi n-nisa u t-tfal huma partikolarment vulnerabbli għall-istupru bħala arma tal-gwerra, għat-traffikar tal-bnedmin u għall-iskjavitù sesswali;

H.  billi l-Forzi Armati tar-RDK ilhom minn Novembru 2021 iwettqu offensiva militari konġunta, l-operazzjoni Shujaa, mal-Forza ta’ Difiża tal-Poplu tal-Uganda kontra l-ADF u forzi ribelli oħra fil-Lvant tar-RDK; billi l-kunflitt bejn il-Gvern tar-RDK u r-ribelli tal-M23, appoġġati mir-Rwanda, wassal għal tnaqqis fil-fondi, fil-persunal u fit-tagħmir allokati għal din l-operazzjoni kontra t-terroriżmu;

I.  billi d-dritt għal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin huwa dritt fundamentali tal-bniedem u jrid jiġi protett minħabba l-livell għoli ta’ vjolenza u persekuzzjoni; billi l-Kostituzzjoni tar-RDK tipprevedi l-libertà tar-reliġjon u tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq it-twemmin reliġjuż;

J.  billi aktar minn 7 miljun persuna fir-RDK bħalissa huma spostati minħabba kunflitti usa’ li għaddejjin, u għandhom aċċess limitat għall-ikel, l-ilma, il-kura tas-saħħa u s-servizzi essenzjali; billi l-awtoritajiet statali u l-gruppi ribelli għandhom obbligi lejn iċ-ċivili skont id-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-protezzjoni u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-assistenza umanitarja, u l-iffaċilitar tal-libertà ta’ moviment;

K.  billi fir-RDK in-nisa u t-tfal jiffaċċjaw livelli ogħla ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, inkluż stupru bħala arma tal-gwerra, li jfisser li kull erba’ minuti persuna tisfa’ vittma ta’ stupru;

L.  billi l-isfruttament illegali tar-riżorsi minerali jkompli jixpruna l-kunflitt fir-reġjun, u dan jirrikjedi sorveljanza internazzjonali aktar b’saħħitha u politiki tal-akkwist responsabbli;

M.  billi f’Marzu 2025, il-President Félix Tshisekedi tar-RDK u l-President Paul Kagame tar-Rwanda ħarġu dikjarazzjoni konġunta li fiha ħabbru waqfien mill-ġlied; billi minkejja dan, il-vjolenza mwettqa mir-ribelli tal-M23 appoġġati mir-Rwanda għadha għaddejja;

N.  billi r-RDK għandha waħda mill-ogħla rati ta’ spostament intern fid-dinja; billi ħafna nisa u tfal jgħixu f’kundizzjonijiet prekarji u qed jiġu esposti għar-riskju ta’ fastidju, attakki, sfruttament sesswali u reklutaġġ militari furzat; billi l-popolazzjonijiet spostati ta’ spiss ma jirċievu l-ebda servizz bażiku ta’ salvataġġ u jinsabu f’riskju ta’ malnutrizzjoni u mard; billi l-bliet li jospitaw persuni spostati internament f’ċirkostanzi prekarji huma wkoll fil-mira ta’ attakki minn milizzji differenti, u dan jikkawża tbatija kbira lill-komunitajiet spostati u lill-popolazzjoni lokali;

O.  billi l-UE impenjat ruħha li tappoġġa l-istabbiltà fir-RDK permezz ta’ djalogu diplomatiku, assistenza finanzjarja u sanzjonijiet immirati kontra individwi responsabbli għall-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi fis-17 ta’ Marzu 2025, l-UE imponiet sanzjonijiet fuq disa’ individwi u entità waħda responsabbli għal atti li jikkostitwixxu ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew li jsostnu l-kunflitt fir-RDK, inkluż permezz ta’ sfruttament illegali tar-riżorsi, iżda jistgħu jkunu meħtieġa aktar miżuri diplomatiċi u ekonomiċi;

P.  billi l-Kunsill ġedded l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-iskjerament tat-truppi tal-Forza tad-Difiża tar-Rwanda (RDF) fil-Mozambique fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF); billi l-kap ta’ dawn il-forzi qabel kien skjerat fil-Lvant tar-RDK biex jappoġġa l-abbużi mwettqa mir-ribelli tal-M23 appoġġati mir-Rwanda, u dan wassal għal dubju serju dwar jekk hemmx biżżejjed salvagwardji marbuta mal-appoġġ tal-EPF, inklużi skrutinju effettiv u rekwiżiti oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

Q.  billi l-UE affermat ripetutament l-impenn tagħha għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon globalment, u ħadet passi biex tiġġieled il-persekuzzjoni u l-intolleranza reliġjużi f’diversi partijiet tad-dinja; billi l-Insara huma l-akbar grupp reliġjuż ippersegwitat fid-dinja;

R.  billi l-Parlament appella b’mod konsistenti għat-tisħiħ tal-isforzi internazzjonali intiżi biex tiġi miġġielda l-persekuzzjoni reliġjuża u biex dawk responsabbli għall-attakki fuq il-komunitajiet minoritarji jinżammu responsabbli;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-okkupazzjoni ta’ Goma u ta’ territorji oħra fil-Lvant tar-RDK mill-M23 u mill-RDF, li tikkostitwixxi ksur inaċċettabbli tas-sovranità u tal-integrità territorjali tar-RDK; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Rwanda jirtira t-truppi tiegħu mit-territorju tar-RDK, peress li l-preżenza tagħhom hija ksur ċar tad-dritt internazzjonali u tal-Karta tan-NU, u jwaqqaf il-kooperazzjoni mar-ribelli tal-M23; jitlob li r-Rwanda u l-atturi statali potenzjali l-oħra kollha fir-reġjun jieqfu jappoġġjaw lill-M23;

2.  Jesprimi tħassib serju dwar il-kontinwazzjoni allarmanti tal-vjolenza; jiddeplora t-telf ta’ ħajjiet u l-attakki, kemm b’mod indiskriminat kif ukoll immirat, kontra l-popolazzjoni ċivili; Jesprimi tħassib serju dwar il-kriżi umanitarja u dik tas-sigurtà li sejrin għall-agħar fil-parti kollha tal-Lvant tar-RDK; jappella għall-waqfien immedjat tal-forom kollha ta’ vjolenza u jitlob lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt li għaddej fil-Lvant tar-RDK biex jimpenjaw ruħhom favur ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki terroristiċi mmirati mwettqa mill-ADF kontra l-komunitajiet Insara fil-Lvant tar-RDK, inklużi l-qtil, il-ħtif u l-qerda ta’ proprjetà reliġjuża, u jappella għall-waqfien immedjat ta’ tali atti ta’ vjolenza; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi u mal-komunitajiet Insara;

4.  Jikkundanna bil-qawwa lill-grupp ta’ ribelli M23 appoġġjat mir-Rwanda u lill-ADF, kif ukoll lil gruppi ribelli oħra, u l-abbużi atroċi li jwettqu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem li jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità f’konformità mal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); jissottolinja li jeħtieġ li ma jkun hemm l-ebda impunità għal min iwettaq dawn l-atti u li dawk responsabbli għandhom jitressqu quddiem il-QKI; iħeġġeġ l-istabbiliment ta’ kummissjoni internazzjonali ta’ inkjesta biex teżamina l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fir-RDK, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet ġodda f’Kivu ta’ Fuq mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI u l-ħolqien ta’ tribunal speċjali għal delitti atroċi fir-RDK, inkluż delitti mwettqa kontra komunitajiet Insara; jappoġġja l-isforzi mill-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo u tal-Knisja ta’ Kristu fil-Kongo, li nedew il-“Patt Soċjali għall-paċi u l-koeżistenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar” bl-għan li terġa’ tinkiseb il-paċi fil-provinċji tal-Lvant tal-pajjiż;

5.  Jappoġġja l-isforzi internazzjonali kontra l-ADF, inkluż l-operazzjoni Shujaa kontra t-terroriżmu li twettqet b’mod konġunt mill-forzi armati tar-RDK u tal-Uganda; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jikkunsidraw modi ta’ kif jikkontribwixxu għal dawn l-isforzi, inklużi sforzi akbar biex jiġi ttraċċat u projbit iċ-ċaqliq ta’ fondi sigrieti tal-ISIS miżmuma barra mill-pajjiż u biex tiġi traċċata kwalunkwe materja prima li tirriżulta mill-isfruttament illegali tagħha mill-ADF; jistieden lill-UE tappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-għarfien espert meħtieġa biex jiġu miġġielda l-ideoloġija u r-retorika tal-ADF, b’mod partikolari fil-komunitajiet Musulmani kemm tal-Uganda kif ukoll tar-RDK, biex jiġi evitat reklutaġġ fost dawk il-komunitajiet; jitlob li jiġi applikat ir-reġim globali ta’ sanzjonijiet tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għal dawk responsabbli mill-ippjanar u l-ordni tal-qtil tal-Insara fir-RDK, kif ukoll dawk jieħdu sehem f’dan;

6.  Jappella għal waqfien mill-ġlied immedjat u effettiv, u għall-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet diplomatiċi, inklużi l-proċessi ta’ paċi ta’ Luanda u Nairobi; jissottolinja l-ħtieġa urġenti tal-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż u jtenni t-talba tiegħu lill-M23 biex iwaqqaf l-avvanzi territorjali tiegħu u jirtira mit-territorju tar-RDK;

7.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-NU għall-Istabbilizzazzjoni fir-RDK (MONUSCO) li tipproteġi l-popolazzjoni ċivili u tistabbilizza r-reġjun; iħeġġeġ lill-UE tikkoopera mal-atturi kollha fuq il-post, b’mod partikolari ma’ MONUSCO, biex tiżgura l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fil-Lvant tar-RDK; jistieden lin-NU jaħdmu biex isaħħu l-mandat tal-MONUSCO sabiex tkun tista’ tirrenja l-paċi; jistieden lin-NU jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u r-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali;

8.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali żżid l-appoġġ għas-servizzi fil-Lvant tar-RDK sabiex il-popolazzjoni ċivili fil-mira tkun tista’ jkollha aċċess għal servizzi legali u appoġġ psikoloġiku; jistieden lill-Gvern tar-RDK jiġġieled il-propaganda estremista; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ twissija bikrija biex b’mod aktar effettiv jiġu impediti u tingħata reazzjoni għall-attakki mill-ADF u minn gruppi armati oħra kontra l-popolazzjoni ċivili;

9.  Itenni t-talba tiegħu lill-partijiet kollha, inklużi l-gruppi armati li joperaw fil-Lvant tar-RDK, biex jippermettu u jiffaċilitaw l-aċċess umanitarju sabiex jindirizzaw il-ħtieġa urġenti għal servizzi essenzjali fil-Lvant tar-RDK u fil-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari l-Burundi; jenfasizza li l-ħaddiema umanitarji jeħtiġilhom ikunu jistgħu joperaw b’mod sikur biex jipprovdu assistenza vitali lill-popolazzjoni ċivili Kongoliża; jisħaq li dan huwa obbligu ċentrali skont id-dritt umanitarju internazzjonali, u li l-awturi li jiksru dawn l-obbligi għandhom jinżammu responsabbli; jistieden lill-partijiet kollha jipprovdu ambjent sikur għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

10.  Jinsab maħsud ferm bl-użu xokkanti tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal bħala għodda ta’ repressjoni u arma tal-gwerra fil-Lvant tar-RDK, u bir-reklutaġġ inaċċettabbli ta’ suldati tfal mid-diversi gruppi ribelli; jitlob li dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati mill-komunità internazzjonali mingħajr dewmien;

11.  Jappella għal infurzar aktar strett tar-regolament tal-UE dwar il-minerali ta’ kunflitt(1) biex jiġi evitat li l-kummerċ illeċitu jalimenta gruppi armati fir-RDK; itenni t-talba preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex tissospendi l-Memorandum ta’ Qbil tal-UE mar-Rwanda; jitlob li l-Kummissjoni tikkondividi l-istat dettaljat tal-proġetti attwali mal-awtoritajiet Rwandiżi u l-valutazzjoni tagħha dwar jekk dawn jistgħux jikkontribwixxu biex jindirizzaw jew jonqsu milli jindirizzaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kemm fir-Rwanda kif ukoll fir-RDK;

12.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw lir-RDK fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ mmappjar tal-2010 mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), inklużi r-riforma tas-settur tas-sigurtà, it-tisħiħ tal-isforzi tagħha biex tipprevjeni aktar atroċitajiet kontra l-popolazzjoni ċivili u t-tmiem tal-appoġġ għal gruppi armati abbużivi jew il-kollaborazzjoni magħhom; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jiżgura r-responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jħarrek lil dawk responsabbli għall-attakki; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw lir-RDK fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fit-tisħiħ tal-governanza u tal-istat tad-dritt, fit-titjib tas-sigurtà u fl-iżgurar tal-protezzjoni dejjiema tal-komunitajiet f’riskju, inklużi l-komunitajiet reliġjużi, u jiżguraw li l-awturi tal-attakki jitħarrku;

13.  Jissottolinja r-rwol tal-komunitajiet, inklużi l-komunitajiet reliġjużi u l-organizzazzjonijiet ibbażati fuq twemmin fir-RDK fil-promozzjoni tal-paċi, il-koeżjoni soċjali u l-benesseri tal-komunitajiet lokali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jintensifikaw l-isforzi diplomatiċi billi jaħdmu mill-qrib mas-sħab reġjonali, inklużi l-Unjoni Afrikana, il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u n-Nazzjonijiet Uniti, sabiex iżidu l-isforzi diplomatiċi biex tinkiseb riżoluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt u biex il-gruppi estremisti jiġu impediti milli jużaw ir-reliġjon bħala għodda għall-vjolenza u d-diviżjoni;;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-għajnuna umanitarja biex jindirizzaw il-ħtiġijiet urġenti tal-persuni spostati u tal-komunitajiet vulnerabbli fir-RDK, filwaqt li jiżguraw aċċess sikur għall-ikel, għall-kura medika u għall-kenn;

16.  Jappoġġja l-impożizzjoni ta’ aktar sanzjonijiet immirati tal-UE kontra individwi u entitajiet responsabbli għall-finanzjament jew l-involviment fi vjolenza, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u sfruttament tar-riżorsi; jitlob l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet deskritti fir-rapport ta’ mmappjar tal-OHCHR;

17.  Jikkonferma l-impenn tiegħu favur il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon bħala dritt fundamentali tal-bniedem garantit minn strumenti legali internazzjonali meqjusa li għandhom valur universali, u li l-parti l-kbira tal-pajjiżi fid-dinja ħadu l-impenn li jirrispettawh u li huwa minqux fil-Kostituzzjoni tar-RDK;

18.  Itenni l-appell għal solidarjetà internazzjonali fid-difiża tal-libertà reliġjuża u l-protezzjoni tal-minoranzi reliġjużi fiż-żoni ta’ kunflitt, b’mod partikolari fir-RDK, filwaqt li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-estremiżmu vjolenti fir-RDK u fil-viċinat tagħha;

19.  Iħeġġeġ lill-UE biex tirrispetta l-impenn tagħha favur il-promozzjoni tal-libertà reliġjuża u l-protezzjoni tal-komunitajiet, inklużi l-komunitajiet reliġjużi, filwaqt li tiżgura li d-drittijiet ta’ dawn il-gruppi jingħataw prijorità fil-politiki esterni tal-UE;

20.  Jinnota, bi tħassib, l-influwenza dejjem akbar tal-Knisja Ortodossa Russa fl-Afrika, li hija sostenitur qawwi tar-reġim ta’ Putin u l-gwerra vjolenti u illegali tiegħu fl-Ukrajna; jissottolinja li dan l-iżvilupp iqajjem mistoqsijiet sinifikanti dwar l-objettivi ġeopolitiċi u ideoloġiċi usa’ tal-Federazzjoni Russa fl-Afrika;

21.  Jiddeplora l-fatt li r-Rwanda ħabbret it-tmiem tar-relazzjonijiet diplomatiċi tagħha mal-Belġju, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Belġju;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Rwanda, lill-Unjoni Afrikana, lis-segretarjati tal-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, lill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, u lil korpi internazzjonali rilevanti oħra.

(1) Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta’ landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli (ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/821/oj).

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Ġunju 2025Avviż legali - Politika tal-privatezza