Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2024/2047(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A10-0077/2025

Testi mressqa :

A10-0077/2025

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/05/2025 - 6.4
CRE 06/05/2025 - 6.4

Testi adottati :

P10_TA(2025)0067

Testi adottati
PDF 133kWORD 47k
It-Tlieta, 6 ta' Mejju 2025 - Strasburgu
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Petr Bystron
P10_TA(2025)0067A10-0077/2025

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2025 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Petr Bystron (2024/2047(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Petr Bystron, riċevuta permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Awwissu 2024 mill-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Ġustizzja, li biha ressaq it-talba tat-23 ta’ Lulju 2024 tal-Prosekutur Ġenerali ta’ Munich, b’rabta mal-proċediment ta’ investigazzjoni pendenti quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Munich, u mħabbra fis-seduta plenarja fis-16 ta’ Settembru 2024,

–  wara li sema’ lil Petr Bystron fit-13 ta’ Frar 2025, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, u wara li kkunsidra d-dokumenti mressqa minnu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta’ Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta’ Ottubru 2008, fid-19 ta’ Marzu 2010, fis-6 ta’ Settembru 2011, fis-17 ta’ Jannar 2013, fid-19 ta’ Diċembru 2019 u fil-5 ta’ Lulju 2023(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A10-0077/2025),

A.  billi l-Prosekutur Ġenerali ta’ Munich talab it-tneħħija tal-immunità ta’ Petr Bystron, Membru tal-Parlament Ewropew, b’rabta mal-akkużi mressqa kontrih fis-sens tal-Artikolu 108e(1), tal-Artikolu 261(1), il-punt (2), tal-Artikolu 261(7), tal-Artikolu 263(1)1 u tal-Artikolu 263(3), il-punt (1), tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż, tal-Artikolu 370(1) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa Ġermaniż u tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Kodiċi Kriminali, relatati mal-allegati reati ta’ mill-inqas sitt reati ta’ korruzzjoni passiva, ħasil tal-flus u frodi, u mill-inqas ħames reati ta’ evażjoni tat-taxxa;

B.  billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità tindika li, minn mument mhux determinat fl-2020, Petr Bystron seta’, possibbilment, fost affarijiet oħra, irċieva pagamenti fi flus kontanti bl-idejn jew irċieva trasferimenti fi kriptovaluta mill-operatur tas-sit web pro-Russu “Voice of Europe” bi skambju tal-impenn tiegħu li jintervjeni u jivvota, bħala membru tal-Parlament Nazzjonali, fl-interess tal-Gvern Russu; billi Petr Bystron allegatament iddepożita ammonti konsiderevoli f’ATM fis-17 u l-20 ta’ Marzu 2023 f’kont li jappartjeni lill-kumpanija li tagħha huwa l-uniku azzjonist u amministratur; billi, fl-20 ta’ Marzu 2023, huwa allegatament reġa’ rtira l-istess ammont f’karti ta’ EUR 200 minn distributur tal-istess bank; billi, bi tweġiba għal talba mill-bank, Petr Bystron allegatament ma pprovda l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġuni għal dawn il-movimenti suspettużi; billi, mill-allegat tixħim riċevut fi flus kontanti, Petr Bystron allegatament iddepożita wkoll diversi somom f’Lulju 2021, f’April u f’Settembru 2022, kif ukoll f’Ġunju u f’Lulju 2023; billi Petr Bystron allegatament ipprova jaħbi l-oriġini tal-flus kontanti; billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Munich għandu rekords tat-tranżazzjonijiet tal-kontijiet kollha ta’ Petr Bystron u tal-imsemmija kumpanija, li tagħha huwa l-uniku azzjonist u amministratur, mill-2020 ’il quddiem; billi dan allegatament kien għamilha possibbli li jiġu identifikati pagamenti ulterjuri fi flus kontanti u li jiġi konkluż li kien hemm allegat tixħim riċevut qabel;

C.  billi f’diversi deliberazzjonijiet tal-Parlament Nazzjonali, li Petr Bystron kien membru tiegħu fiż-żmien tal-fatti allegati, dwar kwistjonijiet relatati mar-Russja, huwa, mill-2022, allegatament ivvota b’mod manifest l-aktar favorevoli għall-interessi tal-Gvern Russu u allegatament ta mill-inqas żewġ diskorsi lill-Bundestag Ġermaniż li fihom iddefenda pożizzjoni favur ir-Russja;

D.  billi Petr Bystron, li kien intitolat, skont il-Liġi Ġermaniża dwar il-Membri Parlamentari, għal indennizz fiss intiż b’mod partikolari għar-reklutaġġ ta’ persunal, allegatament daħal, f’Ottubru 2021, f’kuntratt ta’ impjieg mal-avukat tiegħu u qabel ma’ ħames emendi għall-kuntratt, li kull wieħed minnhom emenda l-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa u s-salarju ta’ kull xahar tal-avukat tiegħu; billi l-indennizz fiss jista’ jintuża biss jekk l-għan maħsub jew l-attivitajiet ikkonċernati jkollhom konnessjoni suffiċjenti mat-twettiq tal-mandat; billi x-xogħol imwettaq fil-qafas ta’ dan il-kuntratt allegatament ma kienx relatat mat-twettiq tal-mandat parlamentari jew ma’ jekk ix-xogħol mistenni kienx ġie ipprovdut, iżda r-remunerazzjoni allegatament tħallset xorta waħda billi l-membru tal-persunal kompetenti inkarigat li jawtorizza l-pagament ġie mqarraq; billi dan il-ħlas allegatament wassal biex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja iġġarrab telf fl-ammont ta’ EUR 97 400,00;

E.  billi, matul is-snin finanzjarji 2017 sa 2021, Petr Bystron, permezz tal-konsulent tat-taxxa tal-kumpanija li tagħha huwa l-uniku azzjonist u amministratur, allegatament issottometta dikjarazzjonijiet tal-VAT skorretti lill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ Munich, li fihom nefqa ta’ natura privata li ma għandha l-ebda rabta mal-attività kummerċjali tal-imsemmija kumpanija; billi, bħala riżultat ta’ din l-informazzjoni skorretta fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT, allegatament tħallset rifużjoni mhux dovuta tal-VAT li tammonta għal EUR 9 949,17;

F.  billi Petr Bystron ġie elett fil-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 fil-Ġermanja u ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew fiż-żmien tal-allegati reati;

G.  billi l-allegati reati u t-talba sussegwenti għat-tneħħija tal-immunità tiegħu mhumiex relatati ma’ opinjoni espressa jew vot mitfugħ minn Petr Bystron fil-qadi ta’ dmirijietu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

H.  billi l-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-Membri tal-Parlament ta’ dak l-istat;

I.  billi l-Artikolu 46, il-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jipprevedi li:

“(2) Membru ma jistax jinżamm responsabbli jew inkella jiġi arrestat għal reat kastigabbli mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Bundestag, sakemm ma jinqabadx in flagrante delicto jew inkella l-għada tat-twettiq tar-reat.

   (3) L-awtorizzazzjoni tal-Bundestag hija barra minn hekk meħtieġa wkoll għal kwalunkwe restrizzjoni oħra tal-libertà tal-persuna ta’ Membru Parlamentari jew biex jinbdew proċedimenti kontra Membru Parlamentari fis-sens tal-Artikolu 18.
   (4) Kwalunkwe proċediment kriminali jew proċediment fis-sens tal-Artikolu 18 kontra Membru Parlamentari, kwalunkwe detenzjoni u kwalunkwe restrizzjoni oħra tal-libertà tal-persuna tiegħu għandhom jiġu sospiżi fuq talba tal-Bundestag.”;

J.  billi l-għan tal-immunità parlamentari huwa li tipproteġi lill-Parlament u lill-membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji relatati ma’ attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li huma inseparabbli minn dawn l-attivitajiet;

K.  billi, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali tal-Membru iżda garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;

L.  billi, f’dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza tal-eżistenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-proċedimenti legali inkwistjoni kellhom l-intenzjoni li jimminaw l-attività politika tal-Membru bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

M.  billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta’ proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala “akkużat”(2);

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’ Petr Bystron;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lil Petr Bystron.

(1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI:EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Lulju 2023, Puigdemont i Casamajó et vs Il-Parlament, T-272/21, ECLI:EU:T:2023:373.
(2) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2019, Briois vs Il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Ottubru 2025Avviż legali - Politika tal-privatezza