Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 23 ta' Jannar 2025 - Strasburgu
Il-każ ta’ Jean-Jacques Wondo fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
 Ir-repressjoni sistematika tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b’mod partikolari l-każijiet ta’ Pakhshan Azizi u Wrisha Moradi, u t-teħid ta’ ċittadini tal-UE bħala ostaġġi
 Il-każ ta’ Boualem Sansal fl-Alġerija
 Id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
 Is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-użurpazzjoni tal-presidenza fl-10 ta’ Jannar 2025

Il-każ ta’ Jean-Jacques Wondo fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
PDF 123kWORD 43k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Jannar 2025 dwar il-każ ta’ Jean-Jacques Wondo fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2025/2510(RSP))
P10_TA(2025)0003RC-B10-0069/2025

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, ratifikat mir-RDK fl-1976, u l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Prinċipji u l-Linji Gwida dwar id-Dritt għal Proċess Ġust u għall-Assistenza Legali fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 150(5) u 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi Jean-Jacques Wondo, espert tas-sigurtà, militari u politiku Belġjan-Kongoliż, ġie mistieden f’Kinshasa fi Frar 2024 biex imexxi r-riformi tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Intelligence Kongoliża, l-ANR;

B.  billi Wondo ġie arrestat wara kolp ta’ stat li falla fid-19 ta’ Mejju 2024, li għalih ġie akkużat bħala l-“awtur intellettwali”, minkejja li b’mod konsistenti baqa’ jinsisti li huwa innoċenti; billi l-akkużi kienu bbażati fuq xhieda sfurzata u mhux affidabbli;

C.  billi fit-13 ta’ Settembru 2024, Wondo u 36 persuna oħra ġew ikkundannati għall-mewt minn qorti militari fi proċess li ġie kkundannat b’mod wiesa’ għall-ksur serju ta’ proċess ġust u għan-nuqqas ta’ evidenza kredibbli;

D.  billi s-saħħa ta’ Wondo marret għall-agħar b’mod gravi fil-kustodja u teħtieġ attenzjoni medika;

E.  billi r-RDK neħħiet moratorju fuq il-piena tal-mewt f’Marzu 2024, u dan wassal għal żieda qawwija fis-sentenzi tal-mewt, li jikkontradixxi l-impenji tagħha skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-kundanna għall-mewt ta’ Wondo u oħrajn u l-ksur serju tad-dritt tagħhom għal proċess ġust;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jannulla immedjatament is-sentenzi tal-mewt, jerġa’ jdaħħal moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet u jieħu passi lejn l-abolizzjoni sħiħa tal-piena tal-mewt;

3.  Jesprimi tħassib serju dwar is-saħħa sejra għall-agħar ta’ Wondo, jitlob li jingħata aċċess immedjat għal trattament mediku u jinsisti li jinħeles immedjatament;

4.  Jiddenunzja l-użu ħażin tal-qrati militari għall-prosekuzzjoni ta’ Wondo u jistieden lir-RDK tallinja l-prattiki ġudizzjarji tagħha mal-impenji internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Itenni l-oppożizzjoni kategorika tiegħu għall-piena tal-mewt fi kwalunkwe ċirkostanza u jitlob l-abolizzjoni universali tagħha;

6.  Iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE f’Kinshasa, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-ministri għall-affarijiet barranin tal-Istati Membri biex jintensifikaw l-impenn tagħhom mal-awtoritajiet tar-RDK, filwaqt li jenfasizzaw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-indipendenza ġudizzjarja u l-istat tad-dritt;

7.  Jitlob li jiġu implimentati riformi sistemiċi fir-RDK biex il-ġudikatura tinbena mill-ġdid f’istituzzjoni indipendenti, ġusta u effiċjenti li tiggarantixxi proċess ġust u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlamenti tar-Reppubblika Demokratika tal-Kongo, lill-Unjoni Afrikana u korpi internazzjonali rilevanti oħra.


Ir-repressjoni sistematika tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b’mod partikolari l-każijiet ta’ Pakhshan Azizi u Wrisha Moradi, u t-teħid ta’ ċittadini tal-UE bħala ostaġġi
PDF 127kWORD 44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Jannar 2025 dwar ir-repressjoni sistematika tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b’mod partikolari l-każijiet ta’ Pakhshan Azizi u Wrisha Moradi, u t-teħid ta’ ċittadini tal-UE bħala ostaġġi (2025/2511(RSP))
P10_TA(2025)0004RC-B10-0066/2025

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 150(5) u l-Artikolu 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran marret għall-agħar b’mod sinifikanti, b’żieda qawwija fl-eżekuzzjonijiet, inklużi dawk fuq aktar minn 900 individwu fl-2024 biss, li ħafna minnhom kienu nisa, dissidenti politiċi u individwi konnessi mal-protesti imqanqla mill-qtil ta’ Jina Mahsa Amini;

B.  billi l-attivisti Kurdi, l-assistent soċjali Pakhshan Azizi u l-promotur tad-drittijiet tan-nisa Verisheh (Wrisha) Moradi, li ġġieldu kontra l-ISIS fil-Kurdistan, ġew ikkundannati għall-mewt minħabba “ribelljoni armata kontra l-Istat”; billi dawn ġew miċħuda proċess ġust u kienu soġġetti għal tortura u reklużjoni;

C.  billi f’Jannar 2025 il-Qorti Suprema tal-Iran ikkonfermat piena tal-mewt kontra Pakhshan Azizi u oħrajn;

D.  billi għexieren ta’ ċittadini innoċenti tal-UE ġew detenuti b’mod arbitrarju fl-Iran, mingħajr aċċess għal proċessi ġusti, bħala parti minn strateġija usa’ tal-Iran ta’ diplomazija tal-ostaġġi;

1.  Jiddenunzja r-repressjoni bla rażan tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim Iranjan, b’mod partikolari l-mira fuq l-attivisti nisa; jikkundanna bil-qawwa l-piena tal-mewt kontra Pakhshan Azizi u Wrisha Moradi; jesiġi li l-Iran jeħles immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-priġunieri politiċi kollha li jinsabu l-ħabs b’mod inġust, inklużi Pakhshan Azizi, Wrisha Moradi u mill-anqas 56 priġunier politiku ieħor ikkundannat għall-mewt;

2.  Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-piena tal-mewt u jappella lill-Gvern Iranjan biex jintroduċi moratorju immedjat fuqha u jneħħiha;

3.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Iranjani u jesprimi l-appoġġ sħiħ u s-solidarjetà tiegħu mal-Iranjani magħqudin fil-moviment “Mara, Ħajja, Libertà”;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jeħilsu immedjatament, jirripatrijaw b’mod sikur u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontra ċ-ċittadini tal-UE, inklużi Olivier Grondeau, Cécile Kohler, Jacques Paris u Ahmadreza Djalali; jikkundanna bil-qawwa l-użu mill-Iran tad-diplomazija tal-ostaġġi; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwettqu sforzi diplomatiċi konġunti u jaħdmu b’mod kollettiv biex jiġu meħlusa;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta’ Jamshid Sharmahd; iħeġġeġ lir-reġim Iżlamiku fl-Iran biex jipprovdi d-dettalji taċ-ċirkostanzi tal-mewt tiegħu u biex il-fdalijiet tiegħu jiġu rritornati immedjatament lill-familja tiegħu;

6.  Jikkundanna s-soppressjoni sistemika mir-reġim Iranjan tal-movimenti tad-drittijiet tal-bniedem u l-persekuzzjoni tal-minoranzi, inklużi l-Kurdi, l-Baluchis, l-Insara, li qed iħabbtu wiċċhom mal-persekuzzjoni wara li jikkonvertu, kif ukoll il-Baha’is, li kollha kemm huma qed iħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni etnika u reliġjuża, arrest u ksur tad-drittijiet fundamentali li għandhom l-għan li jssikktu d-dissens;

7.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jiddeżinjaw il-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika bħala organizzazzjoni terroristika u biex jestendi s-sanzjonijiet tal-UE għal dawk kollha responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Mexxej Suprem Ali Khamenei, il-President Masoud Pezeshkian, il-Kap Ġudizzjarju Gholam-Hossein Mohseni-Eje’ i, il-Prosekutur Ġenerali Mohammad Movahedi-Azad u l-Imħallef Iman Afshari;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jipprovdu lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u lill-missjoni ta’ tiftix tal-fatti tan-NU aċċess sħiħ u mingħajr xkiel sabiex iwettqu l-mandati tagħhom; jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw bis-sħiħ il-missjoni u jappoġġjaw it-tiġdid tal-mandat tagħha;

9.  Itenni l-appell tiegħu għal aktar appoġġ finanzjarju għas-soċjetà ċivili Iranjana;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lill-Assemblea Konsultattiva Iżlamika u lill-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.


Il-każ ta’ Boualem Sansal fl-Alġerija
PDF 121kWORD 44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Jannar 2025 dwar il-każ ta’ Boualem Sansal fl-Alġerija (2025/2512(RSP))
P10_TA(2025)0005RC-B10-0087/2025

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Alġerija,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 150(5) u 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-16 ta’ Novembru 2024 l-awtoritajiet Alġerini arrestaw lill-kittieb Franko-Alġerin Boualem Sansal, li kien ħa pożizzjoni robusta pubblika kontra r-reġim awtoritarju, filwaqt li kien appella għal-libertà tal-espressjoni fl-Alġerija; billi għal aktar minn ġimgħa ma kienx magħruf fejn kien jinsab, u matul dak il-perjodu ġie mċaħħad mill-aċċess għall-familja tiegħu u għall-konsulent legali tiegħu, u dan imur kontra d-dritt internazzjonali; billi Sansal ġie interrogat mingħajr l-avukat tiegħu, u dan huwa ksur tad-dritt tiegħu għal proċess ġust; billi sussegwentement ġie akkużat b’reati relatati mas-sigurtà nazzjonali skont l-Artikolu 87a tal-Kodiċi Penali tal-Alġerija, dispożizzjoni li sikwit tintuża kontra dawk li jikkritikaw lill-gvern, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi Sansal iddaħħal l-isptar diversi drabi;

B.  billi l-Alġerija hija firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, billi l-Alġerija impenjat ruħha li tirrispetta u tippromwovi l-libertà tal-espressjoni f’konformità sħiħa mal-obbligi internazzjonali tagħha, il-prijoritajiet tas-sħubija UE-Alġerija, u l-Kostituzzjoni tagħha; billi fl-2024 ġew adottati emendi ġodda għall-Kodiċi Penali, li jimponu restrizzjonijiet sinifikanti fuq il-libertà tal-espressjoni;

C.  billi l-libertà tal-espressjoni fl-Alġerija marret għall-agħar, u l-pajjiż ikklassifika fil-139 post fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2024; billi l-ġurnalisti tqiegħdu taħt pressjoni dejjem akbar u sikwit jiġu detenuti u proċessati quddiem il-qrati; billi fl-Alġerija hemm mill-inqas 215-il priġunier tal-opinjoni, skont id-difensuri Alġerini tad-drittijiet tal-bniedem; billi qed ikomplu jiżdiedu ċ-ċensura, il-proċessi quddiem il-qrati u l-pieni ħorox għall-membri tal-media indipendenti, li sikwit jiġu akkużati b’kollużjoni ma’ potenzi barranin kontra s-sigurtà nazzjonali;

D.  billi bejn l-2021 u l-2024 l-UE żborżat EUR 213 miljun lill-Alġerija taħt il-Programm Indikattiv Pluriennali;

1.  Jikkundanna l-arrest u d-detenzjoni ta’ Boualem Sansal u jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu;

2.  Jikkundanna bl-istess mod l-arresti tal-attivisti, il-priġunieri politiċi, il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem l-oħra kollha, u ta’ persuni oħra detenuti jew ikkundannati talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, inkluż il-ġurnalista Abdelwakil Blamm u l-kittieb Tadjadit Mohamed, u jitlob il-ħelsien tagħhom;

3.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lid-Delegazzjoni tal-UE biex b’mod pubbliku jikkondividu t-tħassib tagħhom mal-awtoritajiet Alġerini, u jorganizzaw missjoni medika biex tiġi vvalutata s-saħħa ta’ Sansal;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Alġerini jagħmlu rieżami tal-liġijiet repressivi kollha li jirrestrinġu l-libertajiet, b’mod partikolari l-Artikoli 87a, 95a u 196a tal-Kodiċi Penali tal-Alġerija, u l-indipendenza tal-ġudikatura, sabiex tiġi protetta l-libertà tal-istampa kif minquxa fl-Artikolu 54 tal-Kostituzzjoni tal-Alġerija;

5.  Itenni, kif minqux fil-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Alġerija, l-importanza tal-istat tad-dritt sabiex tiġi kkonsolidata l-libertà tal-espressjoni; jisħaq li t-tiġdid ta’ dan il-ftehim irid ikun ibbażat fuq progress kontinwu u sostanzjali fl-oqsma msemmija hawn fuq u jenfasizza li l-iżborżi futuri kollha tal-fondi tal-UE għandhom iqisu l-progress li jkun sar f’dan ir-rigward;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta bl-Għarbi u tintbagħat lill-Awtoritajiet Alġerini, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ.


Id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
PDF 138kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Jannar 2025 dwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna (2024/2988(RSP))
P10_TA(2025)0006RC-B10-0074/2025

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-tifkira tal-istorja,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-24 ta’ Frar 2022, ir-reġim Russu ddikjara l-bidu ta’ “operazzjoni militari speċjali” fl-Ukrajna bbażata fuq dikjarazzjonijiet foloz li kellu bżonn jipproteġi lill-popolazzjoni ċivili;

B.  billi, fil-fatt, il-Federazzjoni Russa ilha twettaq gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, mhux ġustifikata u illegali kontra l-Ukrajna sa mill-24 ta’ Frar 2022, b’kontinwazzjoni ta’ aggressjonijiet preċedenti sa mill-2014, u qed tkompli tikser b’mod persistenti l-prinċipji tal-Karta tan-NU permezz tal-azzjonijiet aggressivi tagħha kontra s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u tikser b’mod sfaċċat u serju d-dritt umanitarju internazzjonali, kif stabbilit mill-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949, b’mod partikolari permezz tal-użu massiv ta’ attakki mmirati kontra l-popolazzjoni ċivili, iż-żoni residenzjali u l-infrastruttura ċivili;

C.  billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fir-riżoluzzjoni tagħha tat-2 ta’ Marzu 2022, ikkwalifikat il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna immedjatament bħala att ta’ aggressjoni bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, u, fir-riżoluzzjoni tagħha tal-14 ta’ Novembru 2022, irrikonoxxiet il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tinżamm responsabbli għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha, kif ukoll legalment u finanzjarjament responsabbli għall-atti illegali tagħha fuq livell internazzjonali, u li r-Russja għandha tħallas għar-reparazzjonijiet għall-korrimenti u l-ħsarat ikkawżati;

D.  billi l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna mhijiex att iżolat iżda kontinwazzjoni tal-politika imperjalistika tagħha, li inkludiet gwerra kontra ċ-Ċeċenja u aggressjoni militari kontra l-Georgia fl-2008, u l-okkupazzjoni tal-Krimea u l-bidu ta’ gwerra f’Donbas fl-2014;

E.  billi l-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni fuq skala kbira tar-Russja kontra l-pajjiż ġar tal-Ukrajna kien ippreċedut minn għadd ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-President tal-Federazzjoni Russa li kellhom l-għan li jiġġustifikaw l-użu tal-forza min-naħa tar-Russja permezz tar-reviżjoniżmu tal-istorja, asserzjonijiet foloz u talbiet illeġittimi għar-rikonoxximent tal-interessi esklużivi tagħha fl-Ukrajna u f’pajjiżi ġirien oħra;

F.  billi r-reġim Russu beda jagħmel użu mifrux mid-diżinformazzjoni, inkluż abbażi ta’ argumenti mgħawġa tal-istorja, u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin b’tentattiv li jiġġustifika d-delitt tal-aggressjoni, biex jinstiga lill-popolazzjoni Russa sabiex tappoġġja r-reġim illegali tiegħu u l-gwerra illegali tiegħu ta’ aggressjoni kontra l-pajjiż ġar tal-Ukrajna, biex jinterferixxi fil-proċessi demokratiċi ta’ pajjiżi oħra u jnaqqas l-appoġġ fost il-popolazzjonijiet tagħhom favur assistenza u appoġġ internazzjonali kontinwi għall-Ukrajna fil-konfront tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; billi r-reġim Russu jiċħad l-identità nazzjonali distinta tal-Ukrajna, u jiddikjara b’mod falz li hija parti mid-“dinja Russa” (“Russkiy mir”), narrattiva li għandha l-għeruq tagħha fl-ideoloġija imperjalistika; billi r-Russja qed twaqqa’ l-imfakar ta’ Holodomor u fit-territorji okkupati tal-Ukrajna qed tirrestawra l-monumenti lil Lenin li kienu twaqqgħu;

G.  billi r-Russja mhux biss naqset milli tirrikonoxxi r-rwol inizjali li ma jistax jinħafer tal-Unjoni Sovjetika fl-istadji bikrija tat-Tieni Gwerra Dinjija, pereżempju permezz tat-Trattat ta’ Non-Aggressjoni tal-1939 bejn il-Ġermanja Nażista u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (l-Unjoni Sovjetika) u l-protokolli sigrieti tiegħu, komunement imsejħa l-Patt Molotov-Ribbentrop tal-1939, li fih iż-żewġ reġimi totalitarji kkonfoffaw biex jaqsmu l-Ewropa fi sferi esklużivi ta’ influwenza, u naqset milli tassumi r-responsabbiltà tagħha għall-ħafna atroċitajiet u delitti tal-massa mwettqa fit-territorji okkupati mill-Unjoni Sovjetika, iżda r-reġim Russu attwali strumentalizza wkoll l-istorja u ħoloq kult ta’ “vittorja” rigward it-Tieni Gwerra Dinjija biex liċ-ċittadini jimmobilizzahom ideoloġikament u jimmanipulahom biex jappoġġjaw ġwerra ta’ aggressjoni illeġittima;

H.  billi r-Russja żviluppat kampanja ta’ diżinformazzjoni dejjem tikber ta’ reviżjoniżmu tal-istorja bl-għan li ċċaħħad lill-Ukrajna mill-identità nazzjonali, l-istat u saħansitra l-eżistenza tagħha, u bl-għan li tiġġustifika l-pretensjonijiet tagħha għal sferi esklużivi ta’ influwenza, li jfakkruna f’kif l-Unjoni Sovjetika qablet mal-Ġermanja Nażista li tinvadi u tokkupa partijiet mill-Polonja u r-Rumanija kif ukoll l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Ukrajna fil-Patt Molotov-Ribbentrop; billi llum il-ġurnata, ir-Russja hija ta’ theddida partikolari għall-Polonja u l-Istati Baltiċi u s-sovranità tagħhom permezz ta’ dan it-tip ta’ reviżjoniżmu tal-istorja;

I.  billi Jum il-Vitttorja, iċċelebrat kull sena fid-9 ta’ Mejju, inbidel mir-reġim Russu attwali f’għodda ta’ propaganda tal-gwerra fir-Russja, billi sfrutta n-narrattiva tal-“liberazzjoni tal-Ewropa min-Nażiżmu” u b’hekk injora l-okkupazzjoni Sovjetika sussegwenti tal-Istati Baltiċi u s-sovjugazzjoni tal-Ewropa ċentrali; billi din in-narrattiva ta’ liberazzjoni min-Nażiżmu qed tintuża llum fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

J.  billi f’xi Stati Membri, is-simboli komunisti, kif ukoll is-simboli tal-aggressjoni tar-Russja li għaddejja bħalissa, huma pprojbiti bil-liġi; billi mill-2009, it-23 ta’ Awwissu ġie mfakkar fl-UE kollha bħala l-Jum Ewropew ta’ Tifkira għall-Vittmi tar-Reġimi Totalitarji u Awtoritarji kollha; billi mill-2003 ’l hawn, il-Parlament organizza kommemorazzjoni annwali għall-vittmi tad-deportazzjonijiet Sovjetiċi tal-massa;

1.  Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod qawwi possibbli, tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, illegali u inġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna; jistieden lir-Russja ttemm immedjatament l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira kompletament u mingħajr kundizzjonijiet il-forzi kollha, il-forzi bi prokura kollha u t-tagħmir militari kollu mit-territorju kollu rikonoxxut fuq livell internazzjonali tal-Ukrajna, ittemm id-deportazzjonijiet furzati tal-popolazzjoni ċivili Ukrena u teħles lill-Ukreni kollha detenuti u deportati, u t-tfal b’mod partikolari;

2.  Jirrifjuta d-diversi allegazzjonijiet li saru mir-reġim Russu bħala tentattivi ineffettivi biex jiġġustifika gwerra ta’ aggressjoni illegali li tikkostitwixxi ksur sfaċċat tal-Karta tan-NU u tar-responsabbiltà tal-Federazzjoni Russa bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li żżomm il-paċi u l-istabbiltà u li ġiet rikonoxxuta immedjatament bħala tali mill-membri permanenti l-oħra tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU flimkien ma’ maġġoranza kbira ħafna tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; ifakkar li l-ebda kunsiderazzjoni – tkun xi tkun in-natura tagħha, kemm jekk politika, ekonomika, militari, storika jew ta’ tip ieħor – ma tista’ sservi ta’ ġustifikazzjoni għall-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

3.  Jikkundanna l-falsifikazzjoni sistematika min-naħa tar-reġim Russu u l-użu li dan qed jagħmel ta’ argumenti storiċi mgħawġa, bħal dawk relatati mal-Patt Molotov-Ribbentrop, fit-tentattiv tiegħu li jimmanipula l-opinjoni pubblika Russa biex tappoġġja azzjonijiet kriminali bħall-gwerra illegali ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, biex idgħajjef l-appoġġ u l-assistenza internazzjonali għall-Ukrajna u biex iħassar l-identità kulturali u storika distinta tal-Ukrajna; jiddenunzja l-pretensjoni tar-Russja li hija intitolata għal żoni ta’ interess esklużiv għad-detriment tas-sovranità u l-integrità territorjali ta’ stati oħra bħala inkompatibbli mad-dritt internazzjonali;

4.  Jikkundanna n-nuqqas tal-Federazzjoni Russa li tistabbilixxi r-responsabbiltà għad-delitti Sovjetiċi u l-ostakolar intenzjonat tagħha tar-riċerka storika billi ċaħdet l-aċċess għall-arkivji Sovjetiċi u għalqithom, kif ukoll il-fatt li ppromulgat leġiżlazzjoni li tikkriminalizza r-rappreżentazzjoni veritiera tad-delitti Sovjetiċi u Russi u ppersegwitat l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li investigaw id-delitti Sovjetiċi, u glorifikat it-totalitarjaniżmu Stalinista u ħolqot mill-ġdid il-metodi tiegħu; isostni li l-impunità u n-nuqqas ta’ edukazzjoni u ta’ dibattitu storiku u pubbliku preċiżi mil-lat fattwali kkontribwew biex ir-reġim Russu attwali jkun kapaċi jerġa’ jqajjem il-politiki imperjalisti u jistrumentalizza l-istorja għall-finijiet kriminali tiegħu; jikkundanna wkoll il-persekuzzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jinvestigaw id-delitti Sovjetiċi jew id-delitti tar-reġim attwali, inkluża l-likwidazzjoni ta’ International Memorial, il-Memorial Human Rights Defence Centre (iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem “Memorial” u l-Grupp Helsinki ta’ Moska, kif ukoll l-għeluq furzat taċ-Ċentru Sakharov;

5.  Ifakkar li l-attakki intenzjonati tal-Federazzjoni Russa fuq il-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna, il-qerda tal-infrastruttura ċivili, l-użu tat-tortura, tal-vjolenza sesswali u tal-istupru bħala armi tal-gwerra, id-deportazzjoni ta’ eluf ta’ ċittadini Ukreni lejn it-territorju tal-Federazzjoni Russa, it-trasferiment u l-adozzjoni b’mod furzat ta’ tfal Ukreni, u ksur serju ieħor tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxu delitti tal-gwerra li tagħhom l-awturi kollha jeħtieġ li jinżammu responsabbli;

6.  Itenni, għaldaqstant, l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-investigazzjoni li għaddejja mill-Prosekutur tal-QKI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, abbażi tal-allegati delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju; jilqa’ l-adezjoni formali tal-Ukrajna fil-QKI mill-1 ta’ Jannar 2025 bħala kontribut importanti għall-isforzi internazzjonali biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għad-delitti internazzjonali serji; jitlob lill-UE tagħmel aktar sforzi diplomatiċi biex tħeġġeġ ir-ratifika tal-Istatut ta’ Ruma u l-emendi kollha tiegħu fuq livell globali;

7.  Barra minn hekk itenni l-appell tiegħu biex jitwaqqaf tribunal speċjali sabiex jinvestiga u jipprosegwixxi d-delitt ta’ aggressjoni mwettaq mit-tmexxija tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna sabiex jipprovdu l-appoġġ politiku, finanzjarju u prattiku kollu meħtieġ biex jiġi stabbilit tribunal speċjali; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għaċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna, ibbażat f’The Hague u li jappoġġja l-isforzi attwali tal-Iskwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta, bħala l-ewwel pass konkret biex jiġi stabbilit it-tribunal speċjali;

8.  Jappella bil-qawwa lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jżidu u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom, inkluż ma’ sħab tal-istess fehma, biex jiġġieldu, b’mod rigoruż u minnufih, id-diżinformazzjoni Russa u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin sabiex jipproteġu l-integrità tal-proċessi demokratiċi tagħhom u jsaħħu r-reżiljenza tas-soċjetajiet Ewropej, fost l-oħrajn billi jippromwovu b’mod attiv il-litteriżmu medjatiku u billi jappoġġjaw il-media u l-ġurnaliżmu professjonali ta’ kwalità, b’mod partikolari l-ġurnaliżmu investigattiv li jikxef il-propaganda Russa, kif ukoll il-metodi u n-networks tagħha u billi jappoġġjaw ir-riċerka f’teknoloġiji ġodda ta’ influwenza ibrida;

9.  Jitlob lill-UE tespandi s-sanzjonijiet tagħha kontra l-mezzi tal-media Russi li jippromwovu kampanji ta’diżinformazzjoni u manipulazzjoni ta’ informazzjoni li jappoġġjaw u jiġġustifikaw il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw dawn is-sanzjonijiet malajr u bir-reqqa u jiddedikaw biżżejjed riżorsi biex jindirizzaw b’mod effettiv din il-gwerra ibrida; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-media indipendenti Russa li jinsabu fl-eżilju sabiex jippermettu vuċijiet diversi fil-media bil-lingwa Russa;

10.  Jesprimi tħassib serju dwar l-avviżi reċenti mit-tmexxija tal-kumpaniji tal-media soċjali rigward l-illaxkar tar-regoli tagħhom dwar il-verifika tal-fatti u l-moderazzjoni u kif dan se jkompli jippermetti l-kampanja ta’ diżinformazzjoni tar-Russja madwar id-dinja; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinfurzaw b’mod strett l-Att dwar is-Servizzi Diġitali b’reazzjoni għal dawn l-avviżi minn Meta u aktar kmieni minn X, inkluż bħala parti importanti mill-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni Russa;

11.  Jappella liċ-ċittadini tal-UE biex jevalwaw b’mod kritiku l-informazzjoni billi joqogħdu attenti għall-oriġini u l-intenzjonijiet tagħha, b’mod partikolari meta din tirrigwarda narrattivi marbuta mar-Russja, u jagħmlu kontroverifika tal-fatti billi jagħmlu użu minn sorsi varjati u affidabbli sabiex jirreżistu għat-tentattivi ta’ manipulazzjoni minn atturi malinni barranin;

12.  Jikkundanna l-isfruttament tar-reliġjon Ortodossa minn Moska għal skopijiet ġeopolitiċi, b’mod partikolari permezz tal-istrumentalizzazzjoni tal-Knisja Ortodossa Russa (il-Patrijarkat ta’ Moska) bħala għodda biex tinfluwenza u teżerċita kontroll fuq il-popolazzjonijiet Ortodossi fl-Ukrajna, fil-Georgia, fil-Moldova, fis-Serbja u f’pajjiżi oħra;

13.  Iwieġeb għad-dikjarazzjoni tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna tat-2 ta’ Mejju 2023 dwar l-ideoloġija tar-“Ruxxiżmu” billi jikkundanna l-ideoloġija, il-politika u l-prattiki imperjalisti nazzjonalisti tar-reġim Russu attwali; jenfasizza l-inkompatibbiltà ta’ tali ideoloġija u politika u dawn il-prattiki mad-dritt internazzjonali u mal-valuri Ewropej;

14.  Jemmen li t-tentattivi tar-Russja li tirrappreżenta ħażin, tirrevedi u tgħawweġ l-istorja tal-Ukrajna jimminaw il-memorja kollettiva u l-identità tal-Ewropa kollha kemm hi u jirrappreżentaw theddida għall-verità storika, il-valuri demokratiċi u l-paċi fl-Ewropa; jappella lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jinvestu aktar fl-edukazzjoni u fir-riċerka dwar l-istorja komuni tal-Ewropa u t-tifkira Ewropea, u sabiex jappoġġjaw proġetti li jippromwovu fehim aħjar tal-impatt tad-diviżjoni tal-Ewropa matul il-Gwerra Bierda; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-bini ta’ mafkar pan-Ewropew fi Brussell għall-vittmi tar-reġimi totalitarji tas-seklu 20; jiddispjaċih dwar l-użu kontinwu ta’ simboli ta’ reġimi totalitarji fi spazji pubbliċi u jitlob projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-użu tas-simboli kemm Nażisti u kemm komunisti Sovjetiċi, kif ukoll fuq is-simboli tal-aggressjoni tar-Russja li għaddejja bħalissa kontra l-Ukrajna;

15.  Jesprimi x-xewqa tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha jippromwovu għarfien u fehim aħjar tat-tbatija umana tal-Ewropej ikkawżata mir-reġim Sovjetiku matul is-seklu 20; f’dan ir-rigward, jitlob it-tifkira u r-rispett għall-vittmi tad-delitti Sovjetiċi, bħad-deportazzjonijiet tal-massa, inkluż tal-poplu Tatar tal-Krimea u mill-pajjiżi Baltiċi, is-sistema tal-Gulag, il-Holodomor, massakri bħall-massakru ta’ Katyn, u t-traġedja tas-Silesia ta’ Fuq;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna u lill-istituzzjonijiet Russi.


Is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-użurpazzjoni tal-presidenza fl-10 ta’ Jannar 2025
PDF 134kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Jannar 2025 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-użurpazzjoni tal-presidenza fl-10 ta’ Jannar 2025 (2025/2519(RSP))
P10_TA(2025)0007RC-B10-0064/2025

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b’mod partikolari dik tad-19 ta’ Settembru 2024 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati u l-istrumenti l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Carter Center tat-30 ta’ Lulju 2024 dwar l-elezzjoni tal-Venezwela u dik tat-2 ta’ Ottubru 2024 li tilleġittimizza r-rekords elettorali ppreżentati mill-oppożizzjoni demokratika,

–  wara li kkunsidra s-sejbiet dettaljati tal-missjoni internazzjonali indipendenti ta’ tiftix ta’ fatti dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tal-14 ta’ Ottubru 2024,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tas-27 ta’ Diċembru 2024 dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem wara l-elezzjonijiet fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta’ Jannar 2025 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà f’isem l-Unjoni Ewropea dwar l-avvenimenti tal-10 ta’ Jannar 2025,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta’ Jannar 2025 mill-kelliema tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar id-deċiżjonijiet riċenti tal-awtoritajiet Venezwelani,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Parzjali dwar il-Promozzjoni tad-Drittijiet Politiċi u l-Garanziji Elettorali għal Kulħadd, iffirmat mir-reġim ta’ Nicolás Maduro u l-alleanza tal-oppożizzjoni Venezwelana, il-Pjattaforma Unitarja, f’Ottubru 2023 (il-Ftehim ta’ Barbados),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-28 ta’ Lulju 2024, il-poplu Venezwelan ivvota bi ħġaru u b’mod paċifiku biex jiddetermina l-futur ta’ pajjiżu, u dan juri mġiba ċivika u demokratika eċċezzjonali; billi wara li għalqet il-votazzjoni, il-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) kkontrollat mir-reġim irrifjuta li jippubblika r-rekord uffiċjali tal-karti tal-għadd tal-voti (“actas”) u ffalsifika r-riżultati tal-elezzjoni, filwaqt li ħabbar ir-rebħa falza ta’ Maduro; billi miljunita’ Venezwelani vvutaw għal bidla demokratika billi appoġġjaw lil Edmundo González Urrutia b’maġġoranza sinifikanti (67,05 % tal-voti mitfugħa), skont kopji disponibbli pubblikament tar-rekords elettorali kkorroborati mill-uniċi osservaturi internazzjonali kredibbli u imparzjali, jiġifieri l-missjoni tan-NU u l-Carter Center;

B.  billi fil-perjodu ta’ wara l-elezzjoni, saru protesti paċifiċi fil-pajjiż kollu bħala kontestazzjoni tal-wirja frodulenti mir-reġim ta’ Maduro; billi r-reġim irreaġixxa għal dawn il-protesti bi vjolenza u repressjoni estremi, li wasslu għall-mewt ta’ mill-inqas 23 ruħ, filwaqt li aktar minn 2 500 ruħ ġew arrestati jew għebu bil-forza, inklużi madwar 120 tifel u tifla; billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi Venezwelani rrappurtaw li, mill-1 ta’ Jannar 2025, fil-pajjiż hemm mill-inqas 1 697 priġunier politiku;

C.  billi diversi ċittadini barranin, inklużi ċittadini tal-UE, għadhom qed jinżammu arrestati fuq akkużi foloz ta’ “destabbilizzazzjoni”;

D.  billi l-oppożizzjoni demokratika għar-reġim ħabbtet wiċċha ma’ persekuzzjoni kontinwa anke qabel l-elezzjonijiet tat-28 ta’ Lulju 2024, iżda dan il-fastidju żdied b’mod sinifikanti minn dak iż-żmien ’l hawn, b’mod partikolari permezz ta’ każijiet ta’ għajbien furzat u arresti arbitrarji; billi María Corina Machado għadha mġiegħla tgħix klandestinament minħabba t-theddid kontra ħajjitha, u Edmundo González Urrutia ġie mġiegħel jaħrab mill-pajjiż mal-familja tiegħu minħabba theddid serju; billi mill-20 ta’ Marzu 2024, sitt kollaboraturi mill-qrib ta’ Vente Venezuela fittxew rifuġju fl-ambaxxata Arġentina f’Caracas, fejn għadhom qed jiffaċċjaw pressjoni u fastidju dejjem akbar mill-forzi tas-sigurtà Venezwelani;

E.  billi għadhom għaddejjin ħafna każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi detenzjonijiet arbitrarji, użu eċċessiv ta’ forza, eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarja, għajbien furzat, fastidju, persekuzzjoni u prosekuzzjoni ta’ ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal għaqda paċifika u l-libertà tal-espressjoni, kif ukoll ksur ta’ proċess ġust; billi minbarra l-kriżi politika u istituzzjonali, il-Venezwela qed tesperjenza kriżi ekonomika, soċjali u demografika profonda li qed taffettwa serjament il-ħajja taċ-ċittadini tagħha;

F.  billi fid-19 ta’ Settembru 2024, il-Parlament irrikonoxxa lil Edmundo González Urrutia bħala l-President leġittimu u elett demokratikament tal-Venezwela, u lil María Corina Machado bħala l-mexxejja tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela; billi stati demokratiċi oħra fir-reġjun u madwar id-dinja rrikonoxxew lil Edmundo González Urrutia bħala l-President elett; billi hu kellu jieħu l-ġurament tal-ħatra fl-10 ta’ Jannar 2025; billi fis-17 ta’ Diċembru 2024, il-Parlament Ewropew ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2024 lil María Corina Machado bħala l-mexxejja tal-forzi demokratiċi fil-Venezwela, u lill-President elett Edmundo González Urrutia, li jirrappreżentaw lill-Venezwelani kollha fil-pajjiż u barra minnu li qegħdin jiġġieldu biex jerġgħu jiġu stabbilit l-libertà u d-demokrazija;

G.  billi ftit jiem qabel l-10 ta’ Jannar 2025, ir-reġim ħataf lil Rafael Tudares, ir-raġel ta’ bint Edmundo González Urrutia, u għadu mhux magħruf fejn jinsab; billi, bl-istess mod, ir-reġim ta fastidju lil omm María Corina Machado f’darha stess; billi ħafna politiċi u membri tal-persunal oħra tal-oppożizzjoni demokratika għar-reġim iffaċċjaw ukoll persekuzzjoni, arresti arbitrarji u għajbien furzat, inkluż il-kandidat presidenzjali Enrique Márquez;

H.  billi fid-9 ta’ Jannar 2025, il-poplu Venezwelan, immexxi minn María Corina Machado, ħareġ jipprotesta fit-toroq kontra l-aktar tentattiv reċenti ta’ Nicolás Maduro li jieħu l-poter f’idejh b’mod illeġittimu; billi María Corina Machado ġiet maħtufa mill-forzi tar-reġim waqt li kienet qed tipprova titlaq mill-protesta, filwaqt li ġiet meħlusa aktar tard: att sfaċċat ta’ intimidazzjoni mmirata u fastidju li rċieva kundanna internazzjonali mifruxa;

I.  billi fl-10 ta’ Jannar 2025, id-dittatur Nicolás Maduro ħa l-poter b’mod illeġittmu permezz ta’ att frodulenti, mingħajr ebda leġittimità demokratika jew evidenza verifikabbli ta’ integrità elettorali; billi l-ebda kap ta’ stat jew ta’ gvern elett demokratikament ma attenda għaċ-ċerimonja; billi l-fruntieri tal-pajjiż ingħalqu u l-ispazju tal-ajru kien mgħasses ħafna, u dan żamm lil Edmundo González Urrutia milli jivvjaġġa lejn il-Venezwela;

J.  billi sa mill-ħtif frodulenti u illeġittimu tal-poter, ir-reġim ta’ Maduro ordna li l-preżenza diplomatika ta’ xi Stati Membri titnaqqas b’mod konsiderevoli, b’mod arbitrarju, u r-reġim jiġġustifika l-aġir tiegħu bħala rispons għall-“imġiba ostili tal-gvernijiet tar-Renju tan-Netherlands, Franza u l-Italja, ikkaratterizzata mill-appoġġ tagħhom għal gruppi estremisti u l-indħil tagħhom fl-affarijiet interni”;

K.  billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), sa mill-2014 telqu mill-pajjiż madwar 8 miljun Venezwelan, l-akbar eżodu fl-istorja reċenti tal-Amerka Latina u waħda mill-akbar kriżijiet ta’ spostament fid-dinja;

L.  billi fl-10 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill iddeċieda li jadotta pakkett ġdid ta’ sanzjonijiet immirati kontra 15-il individwu responsabbli li dgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt jew id-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-użurpazzjoni tal-presidenza minn Nicolás Maduro u jenfasizza li r-reġim tiegħu huwa illeġittimu u l-użurpazzjoni tal-presidenza min-naħa tiegħu tikkostitwixxi f’tentattiv illegali biex jibqa’ fil-poter bil-forza;

2.  Ifakkar li abbażi tar-rekords elettorali ppreżentati mill-oppożizzjoni demokratika għar-reġim u kif iddikjarat mill-organizzazzjonijiet internazzjonali indipendenti preżenti fl-elezzjonijiet tat-28 ta’ Lulju 2024, jiġifieri l-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Carter Center, il-Parlament irrikonoxxa lil Edmundo González Urrutia bħala r-rebbieħ leġittimu tal-elezzjonijiet presidenzjali, rebħa rikonoxxuta mill-UE u l-Istati Membri tagħha;

3.  Itenni t-talba tiegħu fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Settembru 2024, u espressa wkoll f’diversi okkażjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-CNE kkontrollat mir-reġim biex jippubblika r-rekords elettorali tal-elezzjonijiet tat-28 ta’ Lulju 2024;

4.  Jaqbel mal-Istati Membri li r-reġim Venezwelan tilef opportunità ewlenija biex jirrispetta r-rieda tal-poplu u jiżgura tranżizzjoni demokratika trasparenti fil-pajjiż u li b’riżulat, Maduro m’għandu l-ebda leġittimità demokratika u għaldaqstant, il-Parlament ma jirrikonoxxihx;

5.  Jilqa’ d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f’isem l-Istati Membri tal-UE li tirrikonoxxi r-rebħa ta’ Edmundo González Urrutia b’maġġoranza sinifikanti, u l-Parlament iqis li kellu jieħu l-ġurament presidenzjali fl-10 ta’ Jannar 2025; jilqa’ wkoll l-impenn mill-UE biex tkompli tindirizza l-ħtiġijiet urġenti tal-poplu Venezwelan, li qed isofri l-konsegwenzi tal-kriżi umanitarja twila;

6.  Ifaħħar ir-reżiljenza tal-oppożizzjoni demokratika u l-impenn tal-poplu Venezwelan għad-demokrazija fil-konfront tar-repressjoni u l-avversità; itenni li r-rispett lejn ir-rieda tal-poplu Venezwelan, kif espressa fl-elezzjonijiet, jibqa’ l-uniku mod biex il-Venezwela ġġib lura d-demokrazija, li tippermetti tranżizzjoni paċifika u ġenwina u biex issolvi l-kriżi umanitarja u soċjoekonomika attwali; iħeġġeġ lir-reġim Venezwelan jirrevoka l-mandat ta’ arrest mhux ġustifikat maħruġ għal Edmundo González Urrutia;

7.  Jilqa’ d-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill tal-10 ta’ Jannar 2025 li testendi s-sanzjonijiet immirati għal 15-il individwu addizzjonali; jitlob li dawn is-sanzjonijiet jiġu msaħħa u estiżi biex jinkludu lil Nicolás Maduro, iċ-ċirku ta’ ġewwa tiegħu u l-familji tagħhom, inklużi Jorge Rodríguez u Vladimir Padrino López, u lil dawk kollha responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-affermazzjoni illeġittima tal-awtorità, l-użurpazzjoni tal-funzjonijiet uffiċjali u l-atti repressivi kollha fil-Venezwela;

8.  Jesprimi tħassib dwar Alberto Trentini, ċittadin Taljan u voluntier mal-organizzazzjoni nongovernattiva Humanity and Inclusion (Umanità u Inklużjoni) li tgħin lill-persuni b’diżabbiltà, li ġie arrestat mill-awtoritajiet Venezwelani fil-15 ta’ Novembru 2024 matul missjoni umanitarja u li minn dakinhar, għad ma kien hemm l-ebda aħbar dwaru; jenfasizza li s-Sur Trentini jbati wkoll minn problemi tas-saħħa u ma għandux mediċini jew prodotti meħtieġa bażiċi;

9.  Jikkundanna wkoll il-persekuzzjoni mwettqa min-naħa tar-reġim kontra l-oppożizzjoni demokratika għar-reġim u l-poplu Venezwelan, kif ukoll kontra ħafna ċittadini tal-UE li ġew detenuti b’mod arbitrarju u għadhom qed jinżammu l-ħabs inġustament; jitlob li tintemm ix-xejra sistematika ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jeżiġi l-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha u tal-persuni kollha detenuti b’mod arbitrarju; jitlob li r-reġim ta’ Maduro jwaqqaf il-politika tiegħu ta’ abbużi u ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jara li l-persuni responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom, u li jiżgura li l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet kollha tal-bniedem jiġu rispettati bis-sħiħ;

10.  Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-QKI dwar id-delitti u l-atti ta’ repressjoni estensivi tar-reġim Venezwelan;

11.  Iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-atturi demokratiċi reġjonali u internazzjonali kollha biex jallinjaw mingħajr kundizzjonijiet, bħala dmir morali, mal-forzi demokratiċi tal-Venezwela u biex jagħmlu l-almu tagħhom biex tinġieb lura d-demokrazija fil-pajjiż sabiex juru solidarjetà u rispett lejn il-poplu Venezwelan u r-rieda u d-dritt leġittimi tagħhom li jgħixu fil-libertà u l-paċi f’sistema demokratika; jafferma mill-ġdid l-impenn sod lejn il-poplu Venezwelan u lejn id-difiża tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jesprimi solidarjetà mal-forzi demokratiċi tal-Venezwela;

12.  Jilqa’ r-ritorn f’Caracas tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR); jemmen li l-OHCHR, il-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Tiftix tal-Fatti tan-NU dwar il-Venezwela, il-QKI u l-mekkaniżmi reġjonali rilevanti għandhom joperaw liberament u mingħajr indħil;

13.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-ħtif illeġittimu tal-poter minn Maduro aggrava kriżi umanitarja mwiegħra li diġà kienet teżisti, li diġà kienet wasslet lil 8 miljun Venezwelan biex ifittxu kenn barra mill-pajjiż, u li aktarx se ġġiegħel saħansitra aktar nies jaħarbu, filwaqt li twassal għal pressjoni migratorja mġedda u dejjem tikber li se tinħass l-aktar fil-viċinat dirett tal-Venezwela; ifakkar li s-sitwazzjoni tar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani tirrikjedi soluzzjonijiet fit-tul; jirrikonoxxi l-għadd kbir ta’ sforzi mill-pajjiżi ġirien biex jipprovdu mhux biss ikel u akkomodazzjoni, iżda wkoll dokumentazzjoni legali regolari, edukazzjoni u appoġġ mediku; jistieden lill-UE tagħmel l-almu tagħha biex tassisti lill-Venezwelani li qed jitilqu minn pajjiżhom f’konformità mal-istandards internazzjonali u l-perkorsi legali eżistenti;

14.  Jiddeplora d-deċiżjoni ta’ Jannar 2025 mill-awtoritajiet Venezwelani li jnaqqsu sostanzjalment il-persunal diplomatiku akkreditat ta’ diversi Stati Membri f’Caracas u jħeġġeġ it-treġġigħ lura immedjat ta’ din l-azzjoni unilaterali u inaċċettabbli;

15.  Jemmen li fid-disġunzjoni bejn id-demokrazija u d-dittatorjat, m’hemm l-ebda lok għal ambigwità jew triq tan-nofs, peress li persuna jew tkun man-naħa tad-demokratiċi u dawk li jbatu r-repressjoni, jew man-naħa tad-dittaturi;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parteċipanti tas-Summit bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-awtoritajiet tar-reġim tal-Venezwela.

(1) ĠU C, C/2024/7215, 10.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7215/oj.

Avviż legali - Politika tal-privatezza