Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Mejju 2025 dwar l-isfidi antiki u l-prattiki kummerċjali ġodda fis-suq intern (2025/2542(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2023 dwar it-30 anniversarju tas-suq uniku: niċċelebraw il-kisbiet u nħarsu lejn żviluppi futuri(1),
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ Enrico Letta tas-17 ta’ April 2024 bit-titolu “Much more than a market” (Ħafna aktar minn suq) (ir-rapport Letta),
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ Mario Draghi tad-9 ta’ Settembru 2024 bit-titolu “Il-futur tal-kompetittività Ewropea” (ir-rapport Draghi),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Jannar 2025 bit-titolu “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2025” (COM(2025)0026),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Jannar 2025 bit-titolu “Boxxla għall-Kompetittività tal-UE” (COM(2025)0030),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Frar 2025 bit-titolu “Ewropa aktar sempliċi u rapida: Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni u s-simplifikazzjoni” (COM(2025)0047),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-isfidi antiki u l-prattiki kummerċjali ġodda fis-suq intern (O-000012/2025 – B10‑0264/2025),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 142(5) u 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tikkompeti u tirnexxi fl-ekonomija globali hija essenzjali, speċjalment fost l-isfidi ġeopolitiċi attwali u l-kriżijiet klimatiċi u ambjentali oħra; billi l-kompetittività attwali, medja u fit-tul tagħha tibbaża fuq suq uniku kompletament integrat u effiċjenti li jippermetti lin-negozji Ewropej jinnovaw u jirnexxu u jipprijoritizzaw it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi;
B. billi s-suq uniku, li jinkludi kważi 450 miljun ċittadin u 23 miljun negozju, jiġġenera prodott domestiku gross (PDG) ta’ EUR 17-il triljun, filwaqt li jpoġġi lill-UE fost it-tliet l-akbar ekonomiji tad-dinja u jikkontribwixxi madwar wieħed minn sitta tal-output ekonomiku globali;
C. billi r-rapport Draghi wera li l-kostijiet tal-konformità li jirriżultaw minn diversi partijiet tal-leġiżlazzjoni għadhom għoljin ħafna għall-kumpaniji Ewropej, u għalhekk qed ixekklu l-kapaċità Ewropea tal-innovazzjoni;
D. billi jibqa’ kruċjali li jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku billi tiġi indirizzata l-frammentazzjoni persistenti permezz tal-politiki komuni u armonizzati tal-UE, l-implimentazzjoni u l-infurzar aktar effiċjenti, u s-simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE; billi t-tnaqqis tal-piżijiet u tal-kostijiet amministrattivi, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), jista’ jgħin biex irawwem l-innovazzjoni u jappoġġja lin-negozji Ewropej; billi l-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tas-suq uniku jirrikjedi li jingħelbu l-ostakli persistenti għall-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi;
E. billi l-espansjoni rapida tal-pjattaformi diġitali u tal-kummerċ elettroniku introduċiet dinamika ġdida tas-suq u billi x-xejriet li qed jevolvu fil-kummerċ elettroniku globali qed jeżerċitaw pressjoni addizzjonali fuq il-kontrolli doganali, is-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur;
F. billi l-bidliet ġeopolitiċi u t-trasformazzjonijiet ekonomiċi globali qed isawru mill-ġdid il-ktajjen tal-provvista, u dan jirrikjedi li l-UE tadatta l-politiki tagħha tas-suq uniku; billi l-UE stabbiliet l-ogħla standards għas-sikurezza tal-prodotti u għall-protezzjoni tal-konsumatur, kemm offline kif ukoll online;
G. billi nġibdet l-attenzjoni għal għadd dejjem akbar ta’ każijiet irrapportati madwar l-UE li fihom il-prodotti u s-servizzi joffru kwantità jew kwalità mnaqqsa, minkejja l-prezzijiet stabbli jew li qed jiżdiedu;
Sfidi antiki u dejjiema
1. Jafferma mill-ġdid li s-suq uniku kien il-pedament tal-integrazzjoni ekonomika Ewropea, li jippermetti l-moviment liberu tal-prodotti, tas-servizzi, tal-kapital u tal-persuni; jisħaq, madankollu, li hemm sfidi li ilhom jeżistu u li qed jitfaċċaw li jeħtieġu riformi ambizzjużi mingħajr ma ssir ħsara lill-kompetittività Ewropea jew jiġu imposti piżijiet amministrattivi bla bżonn fuq il-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw l-isforzi lejn l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi u jeliminaw l-ostakli mhux ġustifikati li fadal għall-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi, filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur;
2. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu protezzjoni qawwija tal-konsumatur filwaqt li jipprevedu wkoll regoli tal-kompetizzjoni li huma favorevoli għall-innovazzjoni, li jibqgħu validi fil-futur u proporzjonati; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-konsistenza legali u li jiġu mminimizzati l-kumplessità u l-frammentazzjoni regolatorji, li jistgħu jaffettwaw b’mod sproporzjonat lill-SMEs, lin-negozji ġodda u lin-negozji li qed jespandu;
3. Jenfasizza li l-ostakli kontinwi u r-regolamenti llimitaw l-iżvilupp tas-suq uniku, kif ġie nnotat fir-rapport Draghi; jitlob bidla lejn approċċ regolatorju li jagħti s-setgħa lill-kumpaniji biex jikbru, jinnovaw u jmexxu internazzjonalment, u b’hekk is-suq uniku jiġi restawrat bħala mutur veru ta’ tkabbir u kompetittività;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-inizjattivi leġiżlattivi futuri jkunu ggwidati b’mod konsistenti mill-prijoritajiet strateġiċi deskritti fl-istrateġija tagħha għall-komunikazzjoni u l-kompetittività;
5. Jenfasizza li, kif muri mir-rapporti Letta u Draghi, għad hemm potenzjal mhux sfruttat fis-settur tas-servizzi; jappella għal aktar azzjoni f’dan is-settur biex jiġu indirizzati l-ostakli sinifikanti li għadhom jeżistu, li jibdew mill-istabbiliment ta’ miri ambizzjużi fl-istrateġija tas-suq uniku li ġejja; jinnota li s-servizzi jammontaw għal tliet kwarti tal-PDG tal-UE, jirrappreżentaw żewġ terzi tal-impjiegi u joħolqu 9 minn 10 impjieg ġdid fl-ekonomija tal-UE; jinnota wkoll, madankollu, li s-servizzi għadhom l-inqas segment żviluppat tas-suq uniku tal-UE;
6. Jilqa’ l-proposta għal regolament dwar interfaċċa pubblika konnessa mas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-suq Intern għad-dikjarazzjoni tal-istazzjonar ta’ ħaddiema u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (COM(2024)0531), li għandu jwassal għal simplifikazzjoni u infurzar imsaħħaħ; jinnota wkoll li d-diġitalizzazzjoni tista’ tnaqqas b’mod sinifikanti l-piżijiet amministrattivi għas-servizzi transfruntiera u tiżgura aċċess aħjar għan-negozji u għall-konsumaturi; jappella, f’dan ir-rigward, għal portal għad-dikjarazzjonijiet uniku u għad-diġitalizzazzjoni tal-formoli A1 għas-servizzi transfruntiera;
7. Jisħaq fuq l-importanza tar-rikonoxximent effettiv ta’ kwalifiki professjonali u tat-tneħħija ta’ ostakli mhux ġustifikati għall-moviment liberu ta’ professjonisti bil-għan li s-servizzi professjonali tal-UE jsiru globalment kompetittivi fid-deċennji futuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibqa’ viġilanti fl-eżerċitar ta’ proċeduri ta’ ksur fejn Stati Membri ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki;
8. Jisħaq li r-regoli tas-suq uniku għandhom jissalvagwardjaw l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u jippreżervaw id-drittijiet tal-konsumatur kif ukoll raġunijiet prevalenti oħra ta’ interess pubbliku; iżid li kwalunkwe valutazzjoni għall-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet fis-suq uniku għas-servizzi għandha tinkludi kriterji kwalitattivi;
9. Jinnota r-rwol li l-akkwist pubbliku tal-UE jista’ jkollu biex jingħelbu l-ostakli għad-dħul fis-suq, jiġu appoġġati l-ekosistemi industrijali sostenibbli u reżiljenti, l-impjiegi ta’ kwalità għolja u l-ħolqien tal-valur fl-UE;
10. Jirrikonoxxi li l-qafas leġiżlattiv ġdid (NLF) ikkontribwixxa għall-konsistenza fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti u li mill-adozzjoni tiegħu, is-settur tal-industrija, il-ktajjen tal-provvista u l-prodotti esperjenzaw trasformazzjonijiet importanti fid-dawl tat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, iżda wkoll bidliet fid-dinamika tas-suq; jinnota li l-evalwazzjoni tal-2022 tal-qafas leġiżlattiv ġdid identifikat sfidi kritiċi, bħall-influwenza barranija potenzjali, il-prattiki illegali, in-nuqqasijiet fl-indirizzar tad-diġitalizzazzjoni u tal-ekonomija ċirkolari, u l-aġġornamenti potenzjali għall-obbligi u d-definizzjonijiet għal ċerti operaturi ekonomiċi biex jirriflettu r-realtajiet ġodda tas-suq;
11. Jisħaq li l-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet u l-għoti ta’ prova fil-futur tal-qafas leġiżlattiv ġdid huma essenzjali biex tiġi żgurata l-koerenza, jitnaqqsu l-kostijiet u jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija; jitlob, għalhekk, li jsir aġġornament tal-qafas leġiżlattiv ġdid sabiex jiġu ssimplifikati r-regoli dwar il-prodotti, tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni u jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ konformità u ta’ sorveljanza tas-suq; iqis li l-qafas leġiżlattiv ġdid għandu jippromwovi l-użu ta’ Passaporti Diġitali tal-Prodotti bħala mezz biex tintwera l-konformità tal-prodott u biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-informazzjoni;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissimplifikaw ir-regoli tal-UE u jagħmluhom aktar faċli biex jiġu implimentati, u biex inaqqsu b’mod sinifikanti l-piżijiet amministrattivi, b’mod partikolari għall-SMEs, li għandhom rwol essenzjali fis-sostenn tal-komunitajiet u tal-ekonomiji lokali; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-konsistenza legali għan-negozji, kif ukoll il-prevedibbiltà għal investimenti fit-tul, li huma essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività, l-innovazzjoni u r-reżiljenza u biex jinkiseb titjib rapidu u sinifikattiv għall-konsumaturi u għan-negozji; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jipprevjenu azzjonijiet li jistgħu jikkompromettu l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-attivitajiet tal-SMEs u tal-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja fi ħdan is-suq uniku, b’mod partikolari b’omnibus ta’ simplifikazzjoni ddedikat;
14. Jirrikonoxxi li l-infurzar inkonsistenti u frammentat tad-drittijiet tal-UE fl-Istati Membri jkompli jfixkel il-kompetizzjoni u jdgħajjef l-integrità tas-suq uniku; iżid li r-responsabbiltà primarja għall-infurzar tar-regoli tal-UE hija f’idejn l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mis-setgħat ta’ infurzar tagħha; jappella għal mekkaniżmi mtejba ta’ monitoraġġ u infurzar fil-livell tal-UE, bħal regoli armonizzati dwar il-livelli minimi ta’ kontrolli, metodoloġiji armonizzati biex jitwettqu dawn il-kontrolli u l-ispezzjonijiet konġunti, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE u, fejn applikabbli, ir-rimedju rapidu għall-konsumaturi;
15. Jisħaq fuq l-importanza li jinżamm ambjent ekonomiku kompetittiv u dinamiku billi jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-konsumaturi u jiġu infurzati r-regoli tal-kompetizzjoni diġitali għall-indirizzar tal-prattiki kummerċjali inġusti li jfixklu l-kundizzjonijiet tas-suq; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jżidu l-kapaċità tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u tal-awtoritajiet doganali biex jiżguraw infurzar effettiv tar-regoli tas-suq uniku, b’mod partikolari rigward il-kummerċ elettroniku u tal-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-UE;
16. Ifakkar li r-restrizzjonijiet territorjali tal-provvista fis-segmenti tal-bejgħ bl-imnut u tal-bejgħ bl-ingrossa jifframmentaw is-suq uniku, jillimitaw l-għażla tal-konsumatur u jikkontribwixxu għal disparitajiet sinifikanti fil-prezzijiet madwar l-Unjoni, b’mod partikolari li jaffettwaw il-prezzijiet tal-oġġetti tal-konsumaturi; jenfasizza li filwaqt li l-liġi tal-kompetizzjoni tippenalizza xi wħud minn dawn il-prattiki b’mod effettiv, ħafna minnhom jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tindirizza l-kwistjoni, inkluż b’infurzar aktar b’saħħtu kontra ftehimiet ta’ distribuzzjoni antikompetittivi, sabiex tissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta, u b’hekk tiġi żgurata l-integrità tas-suq uniku;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-kawżi tal-livelli varjati ta’ inflazzjoni tal-oġġetti bażiċi u ż-żidiet fil-prezzijiet għall-konsumatur osservati f’xi Stati Membri tal-UE;
18. Iqis li s-suq uniku huwa għodda ewlenija fi żminijiet ta’ kriżi jekk l-Istati Membri jistgħu jaġixxu b’mod ikkoordinat; iqis li l-Att dwar l-Emerġenza u r-Reżiljenza tas-Suq Intern(2) li ġie adottat reċentement se jkun kruċjali biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni sabiex jiġu pprevenuti n-nuqqasijiet u jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku, inkluż il-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi essenzjali madwar l-UE;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex jeżerċitaw faċilment id-drittijiet tagħhom bħala passiġġieri billi tistabbilixxi korpi nazzjonali tal-infurzar, li għandhom jingħataw is-setgħat armonizzati ta’ investigazzjoni u infurzar u li għandhom ikunu jistgħu jipproċessaw b’mod effiċjenti l-ilmenti individwali u l-multi relatati;
20. Jenfasizza li l-miżuri ta’ kummerċ elettroniku mmirati lejn l-imblukkar ġeografiku, b’mod partikolari r-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku(3), kienu ta’ suċċess fil-ħolqien ta’ qafas għal suq uniku inqas frammentat u għaż-żieda tal-għażla għall-konsumatur għal xiri online; jinnota bi tħassib li l-implimentazzjoni tar-regolament ma kinitx adegwata;
21. Jinnota li l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà(4) se jsir applikabbli fl-Istati Membri kollha tal-UE mit-28 ta’ Ġunju 2025; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tiegħu mill-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u s-servizzi, u b’hekk tiġi ggarantita l-aċċessibbiltà tagħhom għall-persuni b’diżabbiltà fis-suq intern tal-UE;
Prattiki kummerċjali emerġenti
22. Jenfasizza li l-espansjoni rapida tal-pjattaformi diġitali u tal-kummerċ elettroniku introduċiet dinamika ġdida tas-suq u ħolqot opportunitajiet u sfidi u riskji avvanzati għall-utenti; jirrikonoxxi li l-Att dwar is-Swieq Diġitali(5) (DMA) u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali(6) (DSA) jikkostitwixxu strumenti leġiżlattivi ewlenin li jiżguraw il-kompetizzjoni ġusta, il-kontestabbiltà u l-ġustizzja fil-pjattaformi diġitali, filwaqt li jrawmu wkoll il-protezzjoni tal-konsumatur u ambjent diġitali aktar sikur, aktar affidabbli u aktar trasparenti fl-ekonomija diġitali; jappella għal infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE dwar it-teknoloġija biex jiġu żgurati l-għażla, il-protezzjoni u l-kompetizzjoni ġusta ġenwini, awtonomi u infurmati tal-konsumatur;
23. Iqis li huwa essenzjali li jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi ta’ dawn iż-żewġ atti leġiżlattivi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonkludi l-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa tagħha fil-qafas tad-DSA u tad-DMA;
24. Jisħaq li l-implimentazzjoni tad-DSA trid tirrispetta bis-sħiħ il-libertà tal-espressjoni; jissottolinja li l-azzjonijiet kontra l-kontenut illegali ma jridux jirrestrinġu d-diskors leċitu u jitlob infurzar trasparenti biex jiġi protett spazju diġitali miftuħ u demokratiku;
25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA)(7) iżomm approċċ ibbażat fuq ir-riskju u li jiffavorixxi l-innovazzjoni, filwaqt li jiżgura li r-rekwiżiti ta’ konformità jkunu proporzjonati għar-riskji attwali maħluqa mill-applikazzjonijiet tal-IA filwaqt li jirrispetta l-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, tas-sikurezza u tad-drittijiet fundamentali;
26. Jilqa’ l-kontroll tal-idoneità tal-“ekwità diġitali” tal-Kummissjoni tal-liġi tal-konsumatur u l-konsultazzjoni pubblika li jmiss; jossottolinja li għad fadal xi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-konsumaturi online, li jwasslu għal żbilanċ bejn il-konsumaturi u n-negozjanti fl-ekonomija diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-kwistjonijiet fl-Att dwar l-Ekwità Diġitali li ġej; jemmen li d-dipendenza diġitali, il-logħob tal-azzard online, il-protezzjoni tal-minorenni online u t-teknoloġiji persważivi użati mill-atturi online, bħar-reklamar immirat, ir-reklamar tal-influwenzaturi u d-disinji qarrieqa, għandhom jaqgħu taħt l-Att dwar l-Ekwità Diġitali, li għandu li jagħlaq il-lakuni legali u jkun konsistenti mal-istrumenti legali attwali sabiex il-konsumaturi jiġu protetti aħjar online, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu evitati l-piżijiet regolatorji bla bżonn;
27. Jinnota li x-xejriet li qed jevolvu fil-kummerċ elettroniku globali u fir-ristrutturar tal-katina tal-provvista qed jagħmlu pressjoni akbar fuq il-kontrolli doganali, is-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur; jenfasizza li l-volum tal-prodotti mhux sikuri u illeċiti mibjugħa fuq il-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku, b’mod partikolari minn pajjiżi mhux tal-UE, kien qed jiżdied f’dawn l-aħħar snin; jenfasizza s-sinifikanza tal-Passaporti Diġitali tal-Prodotti f’dawn il-proċessi; jappella, għalhekk, għal qafas ta’ sorveljanza tas-suq imsaħħaħ u għal reviżjoni tar-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi(8) u jistieden lill-Kunsill jadotta malajr il-pożizzjoni tiegħu sabiex jippermetti l-adozzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni rivedut u l-istabbiliment ta’ awtorità doganali tal-UE fl-2026;
28. Jistieden lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed riżorsi tekniċi, umani u finanzjarji lill-awtoritajiet nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw biżżejjed fondi u għarfien espert biex isaħħu l-awtoritajiet doganali u s-sorveljanza tas-suq madwar l-Unjoni u biex jintensifikaw l-attivitajiet konġunti u l-ittestjar tal-UE;
29. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur fis-swieq online kif ukoll f’dawk offline, filwaqt li tiġi żgurata t-trasparenza fir-reklamar u fl-ipprezzar, speċjalment rigward l-ipprezzar dinamiku, li fl-iżgurar ta’ prattiki kummerċjali ġusti u salvagwardji aktar b’saħħithom kontra l-frodi biex titrawwem il-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ transfruntier u l-ogħla livell ta’ protezzjoni;
30. Jisħaq li qed tinġibed aktar l-attenzjoni lejn każijiet meta l-oġġetti u s-servizzi joffru anqas f’termini ta’ kwantità jew kwalità filwaqt li l-prezzijiet jibqgħu l-istess jew jiżdiedu; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-iskala u l-kawżi sottostanti ta’ tali prattiki u tesplora miżuri xierqa biex ittejjeb it-trasparenza u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur;
31. Jissottolinja li s-sostenibbiltà ambjentali u l-kunsiderazzjonijiet tal-kummerċ ġust qed isawru dejjem aktar il-prattiki kummerċjali billi għandhom rwol importanti fid-deċiżjonijiet dwar ix-xiri tal-konsumaturi u konsegwentement jixprunaw lin-negozji lejn is-sostenibbiltà; iżid li t-trasparenza u l-informazzjoni għall-konsumaturi dwar l-aspetti ambjentali kif ukoll dwar il-proċessi ta’ produzzjoni soċjalment responsabbli u etiċi jippermettu lill-konsumaturi jadottaw xejriet ta’ konsum sostenibbli;
32. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu l-livell ta’ ambizzjoni tagħhom f’dan ir-rigward u jaħdmu aktar fuq l-iskemi ta’ tikkettar madwar l-UE kollha; ifakkar li l-objettiv tad-Direttiva dwar l-Asserzjonijiet Ekoloġiċi huwa li tistabbilixxi għodda għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-greenwashing billi tistabbilixxi rekwiżiti għas-sostanzjar u l-verifika;
33. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu miġġielda aktar ir-reklamar qarrieqi u l-greenwashing u li jissaħħaħ is-suq tal-oġġetti użati; jinnota, madankollu, li r-regoli restrittivi dwar is-sostenibbiltà jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kompetittività Ewropea;
34. Jenfasizza li xi xejriet li qed jikbru fil-kummerċ elettroniku jqajmu tħassib fir-rigward ta’ oġġetti minn pajjiżi mhux tal-UE li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tas-sikurezza u s-sostenibbiltà tal-UE, u b’hekk iħallu impatt negattiv fuq l-SMEs fl-UE; jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Sett ta’ għodod komprensiv tal-UE għal kummerċ elettroniku sikur u sostenibbli” u jitlob lill-Kummissjoni timplimenta malajr ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fiha;
35. Jenfasizza li l-istandards tekniċi armonizzati huma essenzjali għall-moviment liberu tal-oġġetti fi ħdan is-suq uniku, filwaqt li jiġu żgurati s-sikurezza, il-kwalità u l-prestazzjoni tal-prodotti madwar l-Istati Membri; jenfasizza li l-istandards iridu jirriflettu l-interessi, l-objettivi tal-politika u l-valuri tal-Unjoni billi jitqiesu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kollha; iżid li s-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(9) tirrikonoxxi l-valur miżjud tal-istandards armonizzati li jiffurmaw parti mid-dritt tal-UE minħabba l-effetti legali tagħhom u jistabbilixxi li dawn għandhom isiru aċċessibbli b’mod liberu; jissottolinja l-ħtieġa li tittejjeb l-aġilità tal-qafas ta’ standardizzazzjoni, b’mod partikolari għall-ktajjen ta’ valur ekoloġiċi u diġitali emerġenti, u li l-industrija tiġi megħjuna żżomm pożizzjonijiet kompetittivi fis-swieq teknoloġiċi ewlenin;
36. Iqis li l-UE jeħtiġilha żżid l-isforzi tagħha biex tistabbilixxi mekkaniżmu ġdid mal-Istati Membri u mal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni biex jikkondividu l-informazzjoni, jikkoordinaw u jsaħħu l-approċċ Ewropew għall-attivitajiet internazzjonali tal-istandardizzazzjoni; jappella għal azzjoni rapida biex jiġi aġġornat il-qafas ta’ standardizzazzjoni tal-UE sabiex jitħaffef il-proċess ta’ standardizzazzjoni biex tiġi żgurata l-pubblikazzjoni rapida ta’ standards armonizzati li jagħtu preżunzjoni ta’ konformità u li huma allinjati mal-istandards internazzjonali biex jappoġġjaw il-kummerċ globali filwaqt li jħeġġu l-parteċipazzjoni akbar tal-industrija, b’mod partikolari mill-SMEs;
37. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tas-suq uniku biex jiġu ssalvagwardjati l-awtonomija strateġika u l-influwenza globali tal-UE u jilqa’ l-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi kandidati tal-UE fis-suq uniku bil-ħsieb tas-sħubija futura tagħhom fl-UE; jenfasizza li l-istandards regolatorji għoljin tal-UE jistgħu jservu bħala parametru referenzjarju globali u jridu jiġu infurzati b’mod effettiv biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għan-negozji Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogi regolatorji u l-kooperazzjoni politika ma’ pajjiżi rilevanti oħra mhux tal-UE sabiex tidentifika l-isfidi komuni u tipprova tibni l-azzjonijiet konġunti, speċjalment dwar il-kummerċ elettroniku, ir-regoli diġitali u l-konsumaturi;
38. Itenni l-appell tiegħu għal interazzjoni innovattiva, komplementari u flessibbli bejn il-ħidma li tinsab għaddejja fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna attwalment fis-seħħ u l-proċess ta’ negozjati tal-adeżjoni, biex b’hekk jingħata lok għall-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq uniku u fil-programmi settorjali tal-UE;
Konklużjonijiet
39. Jirrikonoxxi li t-tensjonijiet ġeopolitiċi, it-tibdil fil-klima, l-isfidi għall-kompetittività u d-disparitajiet ekonomiċi tal-UE joħolqu riskji sinifikanti għall-integrità tas-suq uniku; jitlob rispons politiku robust, ikkoordinat u strateġiku biex jissaħħaħ is-suq uniku;
40. Jitlob li l-evoluzzjoni kontinwa tas-suq uniku tindirizza l-ostakli mhux ġustifikati li fadal kif ukoll l-isfidi kummerċjali emerġenti; huwa tal-fehma li l-eliminazzjoni tal-frammentazzjoni regolatorja, il-promozzjoni tas-simplifikazzjoni, it-tnaqqis sinifikanti tal-piżijiet amministrattivi, it-titjib tal-infurzar u l-iżgurar ta’ ktajjen tal-provvista reżiljenti huma kritiċi għaż-żamma tal-vantaġġ kompetittiv u tal-kundizzjonijiet tas-suq ġusti u t-titjib tas-suq uniku tal-UE; jissottolinja l-importanza li jiġu kkonsultati l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha f’dawn il-proċessi;
41. Jenfasizza l-importanza tat-trasformazzjoni diġitali, tal-ekonomija ċirkolari u tal-adattabilità għal bidliet ekonomiċi globali fl-iżgurar tad-dinamiżmu ekonomiku fit-tul tal-UE;
42. Itenni li t-tisħiħ tad-dimensjonijiet interni u esterni tas-suq uniku huwa essenzjali għall-preżervazzjoni tal-awtonomija strateġika u tal-kompetittività tal-UE;
43. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tirrifletti dak li ntqal hawn fuq fl-istrateġija l-ġdida li jmiss tas-suq uniku, skedata għal Ġunju 2025, fl-aġenda tal-konsumatur tal-2030, skedata għal tmiem l-2025, u fl-Att dwar l-Ekwità Diġitali, skedat għall-2026;
o o o
44. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Ir-Regolament (UE) 2024/2747 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri relatati ma’ emerġenzi tas-suq intern u mar-reżiljenza tas-suq intern u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98 (ĠU L, 2024/2747, 8.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2747/oj).
Ir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 60 I , 2.3.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/302/oj).
Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/882/oj).
Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1925/oj).
Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj).
Ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (ĠU L, 2024/1689, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1689/oj).
Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2394/oj).