Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2025/2798(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B10-0335/2025

Dibattiti :

PV 09/07/2025 - 19.3
CRE 09/07/2025 - 19.3

Votazzjonijiet :

PV 10/07/2025 - 6.4
CRE 10/07/2025 - 6.4

Testi adottati :

P10_TA(2025)0163

Testi adottati
PDF 128kWORD 46k
Il-Ħamis, 10 ta' Lulju 2025 - Strasburgu
Il-ħtieġa urġenti li jiġu protetti l-minoranzi reliġjużi fis-Sirja b’segwitu għall-attakk terroristiku reċenti fuq il-knisja ta’ Mar Elias f’Damasku
P10_TA(2025)0163RC-B10-0335/2025

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2025 dwar il-ħtieġa urġenti li jiġu protetti l-minoranzi reliġjużi fis-Sirja b’segwitu għall-attakk terroristiku reċenti fuq il-knisja ta’ Mar Elias f’Damasku (2025/2798(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kelliem tas-SEAE tal-11 ta’ Marzu, tas-7 ta’ Mejju u tat-23 ta’ Ġunju 2025 dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2025 dwar is-Sirja u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Ġunju 2025 dwar il-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 150(5) u l-Artikolu 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi s-soċjetà tas-Sirja, b’diversi reliġjonijiet u etniċitajiet, sofriet għal aktar minn għaxar snin taħt l-idejn tar-reġim vjolenti u diviżiv ta’ Assad u ta’ gruppi terroristiċi, speċjalment id-Da’esh, u dan affettwa l-komunitajiet kollha, inklużi l-Għarab, il-Kurdi, is-Sunnis, ix-Xiiti, l-Alawiti, l-Insara, id-Drużi u l-Yazidi;

B.  billi mewġa ta’ vjolenza mifruxa, inkluża l-vjolenza sesswali, tul il-kosta Sirjana mmirata lejn il-komunità Alawita bdiet f’Marzu 2025 u għadha għaddejja, b’aktar minn 1 200 vittma ċivili; billi n-nisa Alawiti huma vittmi ta’ xejra allarmanti u li qed tikber ta’ ħtif tal-massa u ta’ skjavitù sesswali;

C.  billi l-ġlied settarju mifrux f’April 2025 qatel aktar minn 10 persuni ċivili Drużi;

D.  billi fit-22 ta’ Ġunju 2025, attakk terroristiku suwiċida fuq il-Knisja Ortodossa Griega Mar Elias f’Damasku qatel mill-anqas 25 persuna u darab aktar minn 60, l-aktar attakk fatali kontra l-Insara fi snin sħaħ; billi grupp terroristiku Iżlamista li għadu kif ġie ffurmat, Saraya Ansar al-Sunna, ħa r-responsabbiltà ta’ dan l-attakk;

E.  billi għalkemm l-awtoritajiet Sirjani ta’ tranżizzjoni għamlu assigurazzjonijiet ta’ protezzjoni u inklużjoni lill-komunitajiet reliġjużi, l-iżviluppi reċenti jalimentaw il-klima ta’ biża’ u jixħtu dubju fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet ta’ tranżizzjoni li jipproteġu kif xieraq il-komunitajiet reliġjużi;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk terroristiku trawmatiku kontra l-knisja Mar Elias u t-theddid kollu kontra siti ta’ qima, xi wħud storikament sinifikanti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani jtejbu l-miżuri ta’ sikurezza u jirrestawraw il-knisja Mar Elias;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha mmirati lejn komunitajiet reliġjużi u etniċi u jirrikonoxxi li żdiedet il-biżgħa fost dawn il-komunitajiet, seba’ xhur wara t-tranżizzjoni politika; jesprimi solidarjetà mal-vittmi kollha;

3.  Jinnota, bi tħassib, li ħafna membri Hay’ at Tahrir al-Sham (HTS) b’rekords serji ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem assumew rwoli fi ħdan l-amministrazzjoni ta’ tranżizzjoni, b’implikazzjonijiet potenzjalment ta’ tħassib għal-libertà reliġjuża, kif muri mir-rikorrenza ta’ inċidenti li jinvolvu uffiċjali Sirjani;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani ta’ tranżizzjoni jiffaċilitaw investigazzjonijiet rapidi, trasparenti u indipendenti dwar dawn l-atti, u jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex iwaqqfu l-vjolenza settarja, jiżguraw li tintrefa’ r-responsabbiltà, inkluż billi jħarrku l-awturi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u lil dawk li jgħinuhom bħal fil-każ ta’ Mar Elias, jiddefendu l-libertà tar-reliġjon u jipproteġu l-komunitajiet kollha;

5.  Itenni l-appoġġ tal-UE, ukoll permezz tat-tneħħija kundizzjonali tas-sanzjonijiet, għal tranżizzjoni politika bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, b’ġustizzja tranżizzjonali, bil-ġlieda kontra l-impunità, bil-projbizzjoni tal-vjolenza arbitrarja, b’garanzija kostituzzjonali ta’governanza inklużiva u ta’ rappreżentanza adegwata tal-komunitajiet reliġjużi u etniċi, b’Assemblea tal-Poplu, kif ukoll bir-rispett tad-dritt internazzjonali bħala prerekwiżiti għas-suċċess tagħha; jistieden lill-awtoritajiet Sirjani ta’ tranżizzjoni jippreżentaw skeda ta’ żmien speċifika għall-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet kredibbli, ħielsa, ġusti u inklużivi; jappella biex l-UE tistabbilixxi fond ta’ rikostruzzjoni għas-Sirja, bil-kundizzjoni li jkun jista’ jintwera progress fuq dawn il-prijoritajiet u f’koordinazzjoni mal-istituzzjonijiet internazzjonali rilevanti, li jippromwovi d-djalogu interkonfessjonali, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u r-rikonċiljazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħti prijorità lill-Konferenza mas-soċjetà ċivili Sirjana;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jinkludu l-protezzjoni tal-komunitajiet reliġjużi u l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fid-djalogu tagħhom mal-awtoritajiet ta’ tranżizzjoni fis-Sirja;

7.  Jenfasizza l-vulnerabbiltà tal-komunitajiet Insara fis-Sirja u t-theddid kostanti kontra l-prattikanti fidili, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi ggarantita mill-awtoritajiet; jenfasizza d-diversità kbira fi ħdan il-gruppi konfessjonali tas-Sirja, kif muri mill-Knejjes Ortodossi Griegi, Ortodossi Sirjani, Armen Apostoliċi, Kaldej u Maroniti; jissottolinja l-importanza li jippreservaw u jgħożżu l-kontribuzzjonijiet tal-komunitajiet tagħhom u ta’ komunitajiet oħra għall-wirt reliġjuż u kulturali tas-Sirja u jappella biex l-arkitettura politika l-ġdida tas-Sirja tirrifletti din id-diversità;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani ta’ tranżizzjoni jagħmlu progress dwar kwistjonijiet pendenti bħar-restituzzjoni ta’ proprjetà reliġjuża kkonfiskata taħt ir-reġim ta’ Assad;

9.  Jistieden lill-Kunsill iżomm u jimponi sanzjonijiet aktar immirati fuq l-atturi responsabbli għall-ksur tal-libertà reliġjuża fis-Sirja;

10.  Jappella biex l-awtoritajiet Sirjani ta’ tranżizzjoni, l-UE u l-Istati Membri, kif ukoll is-sħab internazzjonali tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da’esh, javvanzaw l-isforzi kontra t-terroriżmu Iżlamiku, jipproteġu lis-Sirjani kollha u jindirizzaw is-sitwazzjoni fil-kampijiet al-Hol u Roj; iwissi kontra r-riskju serju għas-sigurtà internazzjonali li jista’ jikkawża d-diżimpenn f’daqqa tal-Istati Uniti fir-reġjun f’dan il-kuntest inċert; jappella biex l-integrità territorjali tas-Sirja tiġi rispettata;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill u lill-awtoritajiet Sirjani.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Novembru 2025Avviż legali - Politika tal-privatezza